L-MIA tbassar tkabbir fl-ammont ta' passiġġieri

  • Jan 12, 2018 16:45
  • Miktub minn iNews
"

    L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta llum ppreżenta t-tbassir tat-traffiku tiegħu għall-2018, fejn żvela li qed jistenna li jesperjenza aktar tkabbir tul is-sena li ġejja sabiex jilħaq total ta’ 6.5 miljun passiġġier.

    Dan it-tbassir ġie ppreżentat waqt il-konferenza stampa tat-traffiku annwali tal-ajruport, jiem biss wara li listess ajruport ħabbar li kien laqa’ s-sitt miljun passiġġier tiegħu għall-2017 u b’hekk kiser kull rekord tattraffiku preċedenti. L-2017 ġiet fi tmiemha b’6,014,548 moviment tal-passiġġieri, li jsarrfu f’żieda notevoli ta’ 17.5% fuq l-2016; jiġifieri l-aktar rata mgħaġġla ta’ tkabbir ta’ kull żmien.

    Din iż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri ġiet osservata b’mod parallel ma’ żieda ta’ 15% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 18% fin-numru ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet. Minkejja li dawn il-postijiet żdiedu, is-seat load factor (SLF) għas-sena baqa’ wieħed għoli ta’ 82.4%, f’konformità mat-tendenza osservata fl-Ewropa.

    L-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-2017 kienu r-Renju Unit (+8.9%), l-Italja (+14.8%), ilĠermanja (+20.9%), Franza (+20.6%), u l-Belġju (+109.2%).

    “Filwaqt li jista’ jidher diffiċli li nisbqu l-prestazzjoni tagħna tal-2017, it-tbassir li qed inħabbru llum jindika li nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn sena promettenti oħra, sakemm il-ħidma sfiqa, l-investiment u l-għoti ta’ servizz eċċellenti ma jonqsux. Nixtieq nirringrazzja lit-tim kollu tal-ajruport u lill-partijiet interessati tal-kontribut tagħhom sa issa fl-istorja ta’ suċċess tal-ajruport, u nistieden aktar kooperazzjoni sabiex flimkien niktbu kapitolu eċċitanti ieħor,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.

    Ġie enfasizzat ukoll li, għall-ewwel darba fir-rekords tal-ajruport, ix-xhur kollha tas-sena rreġistraw tkabbir b’żewġ ċifri, riżultat li jawgura tajjeb għall-istrateġija żviluppata mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ilMinisteru tat-Turiżmu u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, li tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni potenzjali tul is-sena kollha.

    Is-Sur Borg kompla billi qal li l-iskeda tas-sajf tal-ajruport għall-2018 tinkludi xejn anqas minn 16-il rotta ġdida, li ser itellgħu n-netwerk ta’ destinazzjonijiet tal-ajruport għal 100. Barra minn hekk, din l-iskeda tintroduċi għall-ewwel darba titjiriet lejn il-Portugall, destinazzjoni li ilha ħafna fil-mira tal-ajruport. Fil-fatt, dan l-iżvilupp jirriżulta mill-isforzi reċenti tat-tim tal-iżvilupp tat-traffiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-entitajijiet governattivi rilevanti sabiex tiġi stabbilita konnessjoni bejn Malta u din id-destinazzjoni.

    Lil hinn mill-projezzjonijiet tat-traffiku, jidher li l-2018 ser tkun waħda impenjattiva anki f’termini ta’ żvilupp infrastrutturali, peress li huwa mistenni li f’din is-sena jingħalaq il-Proġett ta’ Rikonfigurazzjoni tat-Terminal, li permezz tiegħu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser ikun investa €12-il miljun. Filwaqt li ħafna mill-partijiet tal-ewwel fażi ta’ dan il-proġett diġà tlestew, ix-xogħlijiet issa huma ffukati fuq is-Sala tat-Tluq tal-ajruport, li sas-sajf tal-2018 ser tiġi mgħammra bi tmien check-in desks addizzjonali u sistema ta’ proċessar tal-bagalji ġdida.

    Waqt il-konferenza stampa ġie żvelat ukoll li fis-sena li ġejja l-MIA ser tkun qed tinvesti €8.8 miljun oħra f’titjib fit-terminal u l-mitjar, fuq l-operat tal-ajruport u s-sigurtà u f’villaġġ tal-merkanzija ġdid. Wara l-konferenza annwali, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ospita ċerimonja qasira, preseduta millMinistru tat-Turiżmu Dr Konrad Mizzi, bħala ċelebrazzjoni tar-rekord milħuq fl-aħħar jum tal-2017 bil-wasla tas-sitt miljun passiġġier għas-sena.

    Il-Ministru Mizzi qal, “Dawn ir-riżultati eċċellenti jirriflettu l-ħidma li qed issir mill-MIA, il-gvern u l-operaturi pivati għall-promozzjoni ta’ Malta u l-iżvilupp tal-konnettività tagħna. Ninsabu ħerqanin li fl-2018 naħdmu ma’ diversi linji tal-ajru bil-għan li nkomplu nintroduċu titjiriet lejn destinazzjonijiet ġodda u ntejbu l-konnettività fir-rigward ta’ rotot eżistenti.”

    Min-naħa tiegħu, is-CEO tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta Paul Bugeja esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-MIA rnexxielha tilħaq rekord ġdid fl-2017 biex b’hekk sebqet is-suċċessi tal-2016, filwaqt li nnota li l-kollaborazzjoni mill-qrib li teżisti bejn l-MIA u l-MTA dejjem wasslet għal riżultati tajbin. Is-Sur Bugeja qal ukoll li l-konnettività tajba tul is-sena kollha u l-għażla usa’ ta’ rotot kienu fatturi kruċjali fil-kisba ta’ tkabbir sostenibbli u konsisteni tul ix-xhur kollha tas-sena; xi ħaġa li tawgura tajjeb għall-futur tal-industrija tat-turiżmu f’Malta.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0