€148,260 għal ħaddiem li weġġa’ fil-Freeport... fil-ġimgħa tal-inċident huwa kien ħadem 93 siegħa

  • Jan 12, 2018 17:21
  • Miktub minn iNews

    Eks-ħaddiem tal-Freeport, li sofra ġrievi gravi f’rasu waqt li kien qed jaħdem fuq il-post tax-xogħol, ingħata kumpens ta’ €148,260 għad-danni li sofra. Fil-Qorti rriżulta li fil-ġimgħa li fiha kien seħħ l-inċident huwa kien ħadem 93 siegħa, bl-Imħallef Jacqueline Padovani Grima ikollha kliem ta’ kritika lejn il-kumpanija Malta Freeport Terminals Ltd. minħabba li ma kinitx tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li l-impjegati tagħha ma jaħdmux sigħat eċċessivi.

    Nazzareno Abela ta’ 67 sena kien fetaħ kawża kontra CMA CGM, Malta Freeport Terminals Ltd. u Steamship Insurance Management Services Ltd. b’rabta mal-inċident li seħħ fit-23 ta’ Lulju 2005. 

    Abela, li kien jaħdem bħala Port Worker, irtira f’April tal-2011 fejn kien ilu jaħdem mal-kumpanija għal aktar minn 21 sena. Dakinhar tal-inċident huwa kien qed isuq tug master bin-numru 181 u li hu kien oġġezzjona għal dan peress li ma kienx adattat għall-istatura tiegħu. Fil-fatt qal li normalment huwa kien juża t-tug master 147. 

    Qal li dakinhar tal-inċident huwa kien beda jsuq it-tug master 181 f’nofsillejl u kienet tħalliet biċċa slab tal-konkos mwaħħla mal-art fin-nofs. B’konsegwenza tat-tneħħija tal-arbli tad-dawl, iż-żona kienet spiċċat bla dawl u t-triq fejn seħħ l-inċident kienet “imħaffra ħafna”. 

    Għall-ħabta tal-5.30 a.m., fi dlam ċappa, huwa kien għaddej mill-A Stack. It-tug master beda jaqbeż u joqmos minħabba l-ħofor li kien hemm mal-art. Huwa għafas il-brejk, it-tug master immolla u ħabat rasu mal-airconditioner li kien hemm fuq rasu.

    Abela qal li bid-daqqa kważi intilef minn sensieh u kif kien stordut, it-tug master tefgħu għal fuq l-isteering wheel u baqa’ sejjer u daħal ġo biċċa mill-konkos li kien għad hemm f’nofs ta’ triq. Żied jgħid li huwa tar u ħabat rasu mal-panel li kien hemm bejn is-saqaf u l-windscreen. 

    Rigward il-konsegwenzi tal-inċident, Abela sostna li kien sofra concussion, żewġ fratturi f’għonqu, frattura f’daru, rasu maqsuma bil-konsegwenza li kellhom jagħmlulu 15-il punt minn barra, iċċaqlaqlu l-għadam ta’ għonqu u li wara l-inċident ma setgħax jibqa’ jaħdem l-istess. 

    Kompla li minħabba dan l-inċident u l-ġrieħi li sofra, huwa dam 11-il xahar ma jidħol lura għax-xogħol u tilef bejn LM28,000 u LM30,000. Apparti hekk, huwa sofra diżabilità permanenti ta’ 20%.

    Irriżulta li fil-ħin tal-inċident, Abela kien diġa’ ilu jaħdem 13-il siegħa. Fil-ġimgħa tal-inċident, huwa kien ħadem 80 siegħa qabel ma beda s-shift fl-4.00 p.m. fit-22 ta’ Lulju 2005. Il-Perit Tekniku sostna li r-raġel seta’ kien qed isofri minn fatigue li kkontribwiet għall-inċident in kwistjoni. 

    Fis-sentenza tagħha, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima, qalet li hi tal-fehma li l-kumpanija Malta Freeport Terminals Limited naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji biex tħares is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegat tagħha u billi naqset milli toħloq “a safe system of work”. 

    L-Imħallef Padovani Grima qieset bħala “irresponsabbilità” l-fatt li kumpanija ġġiegħel lill-impjegati tagħha joperaw makkinarju mhux adattat għall-istatura tagħhom u dan minkejja l-ilmenti li kienet tirċievi mingħandhom dwar dan. 

    “Il-kumpanija ma kinitx tieħu l-miżuri idonei biex tiżgura li l-impjegati tagħha ma jaħdmux sigħat eċċessivi. Irriżulta li fil-ħin meta r-rikorrent (Abela) beda s-shift tiegħu, li fih seħħ l-inċident, huwa kien diġa’ ħadem 80 siegħa f’ġimgħa, u l-inċident seħħ fit-13-il siegħa konsekuttivi ta’ xogħol tiegħu u wara li kien ħadem 93 siegħa dik il-ġimgħa. Dan is-shift ma kienx talbu Abela stess, iżda kien ġie mitlub jaħdmu minn min kienu fuqu,” kompliet l-Imħallef li osservat ukoll li Abela xorta waħda kien imġiegħel jaħdem is-shift bit-tug master 181 minkejja l-oġġezzjoni tiegħu għal dan. 

    Qalet ukoll li ma kien hemm l-ebda sinjal rigward ostakli jew postijiet oħra ta’ periklu. L-Imħallef Padovani Grima qalet li dan huwa nuqqas lampanti min-naħa tal-kumpanija, li kellha l-obbligu li tipprovdi informazzjoni ċara lill-impjegati tagħha dwar perikli jew riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom waqt ix-xogħol. 

    Għaldaqstant, sostniet li l-kumpanija Malta Freeport Terminals Ltd kienet unikament responsabbli għall-inċident inkwistjoni u ordnatilha biex tagħti lil Nazzareno Abela s-somma ta’ €148,260 bħala kumpens għad-danni li sofra.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0