Il-President tappella lill-awtoritajiet biex jikkunsidraw pjan ta’ screening nazzjonali għall-kundizzjoni tad-dijabete

  • Jan 13, 2018 13:42
  • Miktub minn iNews

    Waqt li kienet qed tindirizza il-Konferenza Nazzjonali tad-Dijabete bl-isem ‘Type 2 Diabetes Across the World: the 21st Century Epidemic’, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li studju riċenti msejjaħ ‘Saħħtek,’ jistabbilixxi li wieħed minn tmien adulti Maltin bejn l-età ta’ 25 sena u 64 sena, isofru mid-dijabete. Hija qalet li kważi għaxart elef minn dawn lanqas huma konxji li għandhom id-dijabete. Il-President ikkwotat ukoll lis-Sur Charles Delicata, Chairmantal-European Coalition for Diabetes u Viċi-President tal-Malta Diabetes Association, li jgħid li f’Malta għandna madwar erbgħin elf ruħ li jgħixu bid-dijabete.

    Il-President Coleiro Preca stqarret li d-dijabete hija problema nazzjonali, u għaldaqstant teħtieġ soluzzjoni nazzjonali.

    “Huwa għalhekk li nemmen li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet tagħna jieħdu l-opportunità li jesploraw il-possibilità li nagħtu bidu għal screening nazzjonali,” tenniet il-President.

     Stigma 

    Il-President Coleiro Preca qalet li l-istigma li hija assoċjata ma’ nies li jgħixu b’kundizzjonijiet kroniċi, inkluż id-dijabete, tikkawża sitwazzjoni fejn anqas nies jersqu biex ikunu ittestjati u sussegwentement jingħataw it-trattament, ħalli jtejbu il-kwalità u t-tul ta’ ħajjithom.

    Din il-kwistjoni, flimkien man-nuqqas t’aċċess għall-assistenza u kura hija identifikata wkoll mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li f’Novembru li għadda, fl-okkażjoni tal-World Diabetes Day, għażlet it-tema biex tiffoka fuq in-numru kbir ta’ nisa li huma f’riskju ta’ dijabete, jew inkella qed jgħixu bil-kundizzjoni. Fil-fatt, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa identifikat il-fatt li ħafna nisa, ħafna drabi ma jirċevux kura adekwata, minħabba li jgħixu f’esklużjoni soċjali, fil-prekarjat u/jew taħt id-dell tal-istigma.

    “Din hija realtà inkwetanti ħafna speċjalment fid-dawl ta’ indikaturi globali li jgħidu li, d-dijabete hija fid-disa’ post tal-kawżi ta’ mwiet fost in-nisa, madwar id-dinja. Fil-fatt, id-dijabete tikkawża 2.1 miljun imwiet fis-sena,” stqarret il-President.

    Tama u Prevenzjoni

    Il-President iffokat fuq xaqq ta’ tama li din l-informazzjoni tagħti. Fil-fatt, il-President Coleiro Preca, filwaqt li kkwotat indikaturi tal-Eurostat qalet li “aktar ma’ jkun għoli l-livell edukattiv, anqas issib il-kundizzjoni tad-dijabete. Il-persentaġġ tad-dijabete, f’dawk in-nies li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni, huwa ta’ 10.8%. Filwaqt li dawk ta’ livell edukattiv medju, huwa ta’ 5.7%, u dawk li għandhom livell edukattiv għoli, il-persentaġġ huwa ta’ 4.2%.”

    Il-President Coleiro Preca tenniet li l-aqwa tama li għandna għall-prevenzjoni tad-dijabete f’Malta, fl-Ewropa u lil hinn, huwa li ninvestu aktar f’opportunitajiet akbar ta’ edukazzjoni u awareness, biex in-nies ikunu jistgħu jkunu aktar sensibilizzati fuq il-ħtieġa li, jieħdu ħsieb saħħithom u l-wellbeing tagħhom, permezz tal-prevenzjoni. 

    Kien hawn li l-President raddet ħajr lill-Assoċjazzjoni tad-Dijabete Maltija, li b’mod volontarju torganizza kampanji edukattivi u ta’ awareness, u lill-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina li jaħtfu kull opportunità biex jagħmlu testijiet tad-demm, f’bosta avvenimenti pubbliċi li jorganizzaw, bil-għan li jkabbru l-għarfien dwar id-dijabete, u jgħinu fl-identifikar tal-kundizzjoni.

    Il-President appellat ukoll lill-Health Promotion and Disease Prevention Department, biex ikompli isaħħaħ l-għarfien u l-edukazzjoni fost il-poplu tagħna, għall-prevenzjoni kontra din il-kundizzjoni, dan għaliex “huwa xjentifikament pruvat, li l-isfidi ikkawzati mid-dijabete Tip 2, li hija l-iktar tip ta’ dijabete komuni, nistgħu nilqgħu għalihom bil-prevenzjoni.”

    “Huwa ċar li hemm x’nistgħu nagħmlu f’ħajjitna, u f’ħajjet il-familji tagħna biex effettivament innaqqsu r-riskju tad-dijabete.”

    Filwaqt li tkellmet fuq l-importanza li nqiegħdu l-prevenzjoni bħala prijorità kontra d-dijabete, il-President appellat biex nħeġġu speċjalment lil dawk l-individwi li għandhom prevalenza akbar għal din il-kundizzjoni biex jaddattaw stil ta’ ħajja li jagħmel l-ġid għal saħħithom, billi jieklu ikel bnin u jagħmlu attività fiżika.

    Kien hawn li l-President ikkwotata informazzjoni mill-Assoċjazzjoni Amerikana tad-Dijabete, li tgħid li t-tnaqqis fil-piż jista’ jkun mod mill-aktar importanti, biex persuna b’riskju ta’ dijabete, jew li qed tgħix bil-kundizzjoni tad-dijabete, tista’ ttejjeb is-sitwazzjoni tagħha.

    Parteċipanti fi studju magħmul minn din l-Assoċjazzjoni Amerikana, dawk li naqsu 7% tal-piż li kellhom inizjalment, u għamlu eżercizzju regolari, naqsu r-riskju li jiżviluppaw id-dijabete bi kważi 60%.

    Sinerġiji b’saħħithom

    Fl-aħħarnett, il-President Coleiro Preca appellat “biex ikollna aktar sinerġiji b’saħħithom bejn l-awtoritajiet relevanti, l-attivisti fi ħdan is-soċjetà ċivili, u l-professjonisti biex, is-soċjetà Maltija tkompli tiżviluppa edukazzjoni u t-tkabbir tal-kuxjena, u li jkollna sistemi ta’ response f’waqtu għall-ħtiġijiet tal-Maltin kollha li jgħixu bid-dijabete f’Malta.”

    Il-President wriet is-sodisfazzjon tagħha għal ħafna xogħol siewi li sar matul is-snin, u żviluppi oħra li seħħew, anke riċentement, fis-sistema kif tiġi immaniġġjata l-kundizzjoni tad-dijabete mill-awtoritajiet tagħna, iżda qalet li “bla dubju ta’ xejn, nafu li għad fadal xi jsir.”

    Il-President irringrazzjat lill-Narrative Structures, li iffaċilitaw il-konferenza, flimkien mal-MEP Dr Francis Zammit Dimech, Co-Chair tal-European Union Diabetes Working Group fi ħdan il-Parlament Ewropew, lill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete, lil Dott. Andrew Boulton, President tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete, u lill-kelliema kollha li ser jkunu qed jagħtu il-kontribut tagħhom waqt il-konferenza.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0