"Il-Prim Ministru ma jinteressahx minn dak li se jiġri wara li huwa joħroġ mix-xena politika"

  • Jan 14, 2018 15:41
  • Miktub minn iNews

    "Id-deal ma’ Vitals huwa agħar minn korruzzjoni"

    Vitals m’għandhom l-ebda dritt jittrasferixxu l-konċessjoni tal-isptarijiet jekk mhux bl-approvazzjoni diretta tal-Gvern. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonlista Adrian Delia waqt attività politika fir-Rabat Għawdex bit-tema ‘Partit Pożittiv, Oppożizzjoni b’Saħħitha’.

    Adrian Delia qal li l-kuntratt ma’ VGH jistipula li dawn ma’ jistgħux ibigħu il-kuntratt li ffirmaw mal-Gvern qabel tliet snin minn mindu jkunu saru l-investimenti miftiehma, sakemm mhux bil-kunsens tal-Gvern.

    Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan il-ftehim huwa agħar minn korruzzjoni għaliex mhux talli il-VGH ingħataw l-art iżda l-poplu qed ikollu jibqa’ jħallashom. Huwa qal li wara li issa qed joħorġu aktar dettalji dwar il-ftehim moħbi, Vitals iridu jitrasferixxu l-konċessjoni lil ħaddieħor biex jippruvaw jaħarbu mir-responsabbiltà.

    Adrian Delia fakkar kif il-Gvern ta l-assi tan-nies lil Vitals għal 30 sena daqslikieku dawn kienu proprejtà personali. Huwa fakkar li l-isptarijiet huma tal-pubbliku u dan il-bejgħ minn wara dahar kulħadd jinjora l-interess tan-nies.

    Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern iddeċieda li jagħti l-isptarijiet mhux lil min kellu l-aħjar kredenzjali fil-qasam tas-saħħa iżda lil xi ħadd li ma kellu l-ebda esperjenza; lil kumpanija li ma jafha ħadd.

    "Università għal skopijiet ta’ spekulazzjoni"

    Adrian Delia qal li fil-każ tal-American University of Malta, il-Gvern ta’ Joseph Muscat għażel ukoll li jmur għand kumpanija mingħajr ebda rekord fl-edukazzjoni. Huwa staqsa għaliex il-Gvern kellu jiftiehem ma’ Sadeen Group biex titwaqqaf università ġdida fuq art verġni fiż-Żonqor.

    Adrian Delia qal li dan il-proġett huwa stupru ta’ pajjiż, u juri li l-Gvern jistmerr anke l-edukazzjoni. Iżda huwa qal li ħadd mhu se jidħaq bin-nies u jipprova jgħatti l-fatt li dan il-ftehim huwa biss proġett ta’ spekulazzjoni fuq art prima.

    "Il-PE jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista"

    Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-rapport tal-Parlament Ewropew li ħareġ din il-ġimgħa juri dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid: li l-istitzzjonijiet huma mnawwrin. Adrian Delia qal li f’pajjiżna qed jiġru affarijet li ħadd mhu qed jagħti każ għaliex il-Gvern qed jgħammixna bi statistiċi ekonomiċi

    Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-saltna tad-dritt tfisser li kulħadd huwa ndaqs quddiem il-liġi u li l-ġustizzja ma tħarisx lejn il-kariga politika.

    "Dan huwa Gvern mingħajr pjan"

    Adrian Delia qal li Joseph Muscat kien qal li huwa jinteressah biss l-għaxar snin li fihom huwa ddikjara li jrid ikun fil-politika. Il-Prim Ministru ma jinteressahx minn dak li se jiġri wara li huwa joħroġ mix-xena politika, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

    Adrian Delia qal li Gvern Nazzjonalista kien ilu mill-1987 jinvesti fir-reputazzjoni ta’ Malta u sena wara sena nbniet ekonomija b’saħħitha grazzi għal dan. Iżda il-Gvern ta’ Joseph Muscat kisser dan kollu fi ftit snin u qal kif issa Malta saħansitra qed tiġi ttimbrata bħala ċentru ta’ kriminalità. Lanqas iż-żgħażagħ fl-isport m’huma salvi mill-korruzzjoni, qal Adrian Delia.

    Il-Partit Nazzjonalista jitkellem biex jiddefendi l-futur ta’ uliedna, qal Adrian Delia, iżda l-Gvern li jgħid li jisma’ ma jrid jagħmel xejn. Huwa qal li għalhekk issa jmiss li nikkonvinċu lin-nies wieħed wieħed u waħda waħda. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jrid juri li huwa għandu l-kuraġġ u jieqaf lill-Gvern u jipproponi tmexxija alternattiva.

    Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed ifalli f’Għawdex ukoll u semma’ kif 60% tax-xogħol f’Għawdex huwa mal-Gvern. Adrian Delia qal li l-Gvern seraq lis-settur privat sabiex ikun jista’ jikkontrolla lin-nies. Il-Gvern qed jerġa’ jdaħħal sistema biex in-nies jibżgħu isemmgħu leħinhom, qal Adrian Delia. Huwa qal li Għawdex mhuwiex fewdu tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jkun is-sur ta’ kenn għall-familji Għawdxin. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0