Diskrepanza fid-deċiżjonijiet meħuda..."Il-ġenituri huma ugwali"

  • Fra 12, 2018 08:34
  • Miktub minn iNews

    Fil-Qorti tal-Familja qed jinħass preġudizzju fil-konfront tal-parti maskili fl-istess waqt li qed tinħoloq anomalija fuq deċiżjonijiet meħuda fuq każijiet li huma simili

    Dik li sal-ġurnata tal-lum hija meqjusa bħala l-Qorti tal-Familja qed tiżviluppa ruħha f’arena li fiha l-parti maskili qed tiffaċċja element ta’ preġudizzju fil-konfront tagħhom. Fl-istess waqt, jidher li fi ħdan l-istess Qorti tal-Familja teżisti diskrepanza fid-deċiżjonijiet li jittieħdu hekk kif tali deċiżjonijiet qed jittieħdu fuq il-prerogattiva tal-ġudikant li jisma’ l-każ, xenarju li qed joħloq anomalija f’każijiet li jkunu ugwali għal xulxin.

    Diversi qarrejja ta' inewsmalta.com tkellmu magħna fuq l-inkonsistenza apparenti li hemm f’ċerti proċeduri u deċiżjonijiet li jittieħdu meta jidhru quddiem il-Qorti tal-Familja. Fl-istess ħin, dawn il-qarrejja ddeskrivew elementi prevalenti ta’ preġudizzji kontra uħud mill-partijiet li jitilgħu quddiem din il-Qorti abbażi tal-ġeneru maskili tagħhom, iktar milli minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ.

    Wieħed minn dawn il-qarrejja, li xtaq jibqa’ anonimu minħabba li l-każ tiegħu għadu pendenti, tenna kif anke mill-pariri li qiegħed jingħata mir-rappreżentant legali tiegħu, l-element ta’ ċertezza u eżattezza fid-deċiżjonijiet li jittieħdu jiddependu miċ-ċirkostanzi tal-Qorti ta’ dakinhar. “L-avukata tiegħi qaltli li l-possibilita’ li t-talbiet tiegħi biex nara lil uliedi jiddependu iktar fuq min sejjer ikun il-ġudikant, għaliex hemm differenza kbira bejn id-deċiżjonijiet li jagħti imħallef u d-deċiżjonijiet ta’ ieħor, anke jekk is-sitwazzjonijiet ikunu ugwali.” 

    “In-nies li jidhru quddiem il-Qorti, minflok iħossuhom li jistgħu jkollhom ġustizzja ekwa, qed ikollhom qalbhom maqtugħa, speċjalment jekk huma rġiel. Fid-digrieti li jingħataw, u anke fis-seduti li jkollhom, hija apparenti ħafna li l-bilanċ huwa mxaqleb immedjatament favur in-nisa, qabel ma jkunu bdew jinstemgħu l-każijiet u l-provi.”

    Dan l-istess qarrej ikkummenta min-naħa l-oħra, il-Qorti mgħandhiex poteri ta’ punizzjoni biżżejjed fuq dawk l-individwi li jabbużaw mis-sistema għall-iskopijiet tagħhom. “Ma kinitx l-ewwel darba li l-parti l-oħra fil-każ tiegħi qabdet u ma ġietx għal sessjoni ta’ medjazzjoni mingħajr l-ebda avviż, wara li nkun ħadt il-ħin tiegħi barra mix-xogħol. L-agħar ħaġa hija li l-Qorti tidher li ma tridx jew ma tista tagħmel xejn minn dan, u din qiegħda tiġri f’numru ta’ każijiet oħra.”

    Dan il-ġurnal ipprova jieħu l-kummenti ta’ diversi avukati li jaħdmu f’dan il-qasam. Waħda minnhom, l-avukata Ramona Frendo, tenniet li l-perċezzjoni ta’ preġudizzju lejn il-marka akkost tar-raġel “verament teżisti, talanqas mill-perspettiva tal-missirijiet. Però il-liġi nnifisha ma tagħmel ebda distinzjoni bejn is-sessi in kwantu ġenituri – l-omm u l-missier huma assolutament ugwali.” 

    Frendo tenniet li hemm diversi raġunijiet għaliex hemm it-tendenza li l-Qorti tagħti l-kura tat-tfal lejn l-omm milli l-missier. Fosthom, hemm in-natura, il-kultura u r-realta’ soċjoloġika tagħna. “L-omm tista’ tgħid illi fil-maġġor parti tal-każijiet, tibqa’ dejjem dik illi l-aktar illi tikkura lit-tfal fil-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum. Dan ma jfissirx illi m’hawnx sitwazzjonijiet fejn iż-żewġ ġenituri huma ugwalment involuti... imma statistikament dan mhux il-każ, u dan jista jwassal għal perċezzjoni ta’ favoreġġjament tal-omm.” 

    Avukat ieħor li tkellem ma’ din il-gazzetta, li xtaq jibqa anonimu, tenna kif f’ċertu deċiżjonijiet u digrieti li joħorġu mill-Qorti, hemm definittivament lok għal iktar kjarezza u spjegazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħhom. “Mhix l-ewwel darba li l-Qorti tal-Familja tkun ddeċidiet fuq digriet wara li semgħet naħa waħda tal-każ, mingħajr ma semgħat lill-parti l-oħra, jew wara li ma tikkunsidrax il-parti l-oħra. Il-prinċipju ta’ audi alteram parti (li ż-żewġ partijiet għandhom dritt indaqs li jinstemgħu quddiem il-Qorti) ġieli ma jiġix applikat kif suppost.”

    “Huwa stat ta’ fatt li quddiem il-Qorti tal-Familja, jidhru persuni jew mill-iktar vulnerabbli, jew inkella jkunu f’sitwazzjonijiet mhix faċli. L-ebda każ li jidher quddiem din il-Qorti mhuwa faċli, però hemm żgur bżonn ta’ iktar trasparenza fid-deċiżjonijiet li tieħu, speċifikament fid-digrieti li jingħataw, fejn ma tkunx l-ewwel darba li dan joħorġu mingħajr spjegazzjoni siewja fuq ir-raġunijiet għala dawn ħarġu.”

    Dwar l-abbużi li hemm fi ħdan il-Qorti, l-avukata Frendo tenniet li “hija realtà sfortunata fil-qasam tal-familja illi xi wħud, aktar kemm il-liġi tipprovdi mezzi, aktar isibu mezzi biex jabbużaw. Is-sistema ġudizzjarja tipprospetta ħafna mezzi għat-tutela tat-tfal b’mod partikolari, imma wkoll tal-ġenituri – sfortunatament, spiss isir abbuż mill-partijiet għall-fini ta’ pika u ġlied tal-koppja.”

    Dan il-ġurnal pprova jieħu l-kummenti mingħand il-Ministru tal-Ġustizzja, però sal-ħin tal-ippublikar ma ingħataw l-ebda risposti, bir-raġuni prinċipali tkun il-biża ta’ riperkussjonijiet legali mill-Qrati nfushom. Dan is-sit ipprova jikkuntatja numru t’avukati, kif ukoll staff amministrattiv fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Familja, mingħajr suċċess.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0