“Bad taste” … il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali dwar il-“vann ta' Monte Carmeli” fil-karnival tan-Nadur

  • Fra 13, 2018 09:20
  • Miktub minn iNews

    “Bad taste”. Hekk iddeskrivih Dr John Cachia, il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali, il-vann fil-Karnival tan-Nadur li fuqu kien hemm miktub fuqu “Mount Carmel Taxi”.

    Il-karnival f'din il-lokalita Għawdxija huwa magħruf għall-ispontanjeta tiegħu b'kostumi li ħafna drabi jirrappreżentaw personaġġi politiċi kemm lokali kif ukoll barranin.

    Ħafna huma dawk li fi tmiem il-ġimgħa jitilgħu f'dan ir-raħal Għawdxi biex igawdu l-karnival b'mod għal kollox differenti minn kif jiġi iċċelebbrat fil-bqija tal-pajjiż.

    Imma l-iktar ħaġa li ġibdet l-attenzjoni tan-nies kien vann abjad li minbarra l-frażi “Mount Carmel Taxi” kien hemm miktub kliem oħra bħal “sick people”, “crazy people”, “mental patients on board” u “dimensja”.

    Ritratti ta' dan il-vann ma naqsux li jittellgħu fuq Facebook u f'wieħed minnhom jidher wieqaf f'parkeġġ riżervat għall-persuni b'diżabilita. Ir-ritratti ta' dan il-vann ġab stmerrija u rabja fost diversi nies u spiċċa 'shared' fuq l-imsemmi sit soċjali.

    Fil-kummenti tiegħu, il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali għamililna ċara li huwa ma ħax gost bih u iddeskrivih b bħala “divertiment mhux f'loku”.

    Dr Cachia iddeplora min juża l-problema tas-saħħa mentali biex jiddeverti u sostna li dawn l-affarijiet inisslu uġiegħ f'nies li qed ibatu bi problemi mentali.

    “Nixtieq inħares f'wiċċ min ġietu l-idea u nistaqsih jekk waqt li qed jagħmel dan il-vann ġewhx f'moħħu l-500 ruħ li jidħlu fis-sena fl-Isptar Monte Carmeli mhux fi stat li jieħdu ħsieb lilhom infushom! Nixtieq nistaqsih jekk ġewhx f'moħħu l-1,500 li jmorru hemm għax ma jifilħux l-istress tal-ħajja ta' madwarhom u jkollhom tendenzi suwiċidali!”.

    Dr Cachia qal li huwa jistaqsih ukoll jekk ġewx f'rasu n-nies li qegħdin fl-Isptar Monte Carmeli għax m'għandhomx saqaf fuq rashom, għax ġew abbandunati mill-familja u għax ma baqalhom lil ħadd fil-kommunita.

    Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li llum ħadd ma joħloq li jagħmel xi vann għal dawk li għandhom il-kanċer jew il-persuni b'diżabilita u daqstant ieħor għandu jiġri fil-każ tal-persuni bi problemi mentali.

    Huwa esprima t-tama li mhux biss dan il-vann ma jerġax joħroġ imma min ġietu l-idea jkollu l-irġulija u l-kuraġġ li jammetti li żbalja u jitlob apoloġija għal dak li għamel.

    Mistoqsi jekk jaħsibx li l-isem Monte Carmeli m'għandux jibqa' jintuża minħabba li jġorr ċertu stigma, Dr Cachia qal li l-kwistjoni mhux tal-post għax qabel beda jintuża dan l-isptar kienet tintuża Villa Franconi li kienet isservi bħala sptar sal-1861 u minkejja li wara din is-sena ma baqatx tintuża l-frażi “ta' Frankuni” inġarret għall-isptar f'Ħ'Attard.

    Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li din hija kwistjoni ta' edukazzjoni u mentalita u fakkar kif persuna minn kull erbgħa se jkollha problema mentali xi darba jew oħra f'ħajjitha.

    Huwa rrimarka li bħalma ma nieħdux gost jekk xi ħadd jgħaddi kummenti lill-qraba tagħna daqstant ieħor ma rridux ngħaddu rimarki fil-konfront ta' oħrajn li bihom nistgħu nweġġgħu lilhom jew lil qrabathom.

    Christabelle fost dawk li tikkundanna l-vann

    Fost dawk li esprimew pubblikament id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-vann kien hemm il-kantanta Christabelle Borg li se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision b'“Taboo”, kanzunetta li titratta proprju s-saħħa mentali.

    Fuq Facebook hija kitbet li mumenti bħal dawn se jwassluha biex taħdem aktar u wegħdet li tkun il-vuċi ta' dawk li qed isofru mis-saħħa mentali u li tkompli tqajjem kuxjenza biex tkisser dan it-tabu.

    Oliver Scicluna, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilta, insista li dan mhux ċajt u waqt li ikkundanna dan l-aġir li jkompli jqanqal tabu fuq is-suġġett tas-saħħa mentali qal li għandha tittieħed azzjoni fil-konfront ta' min għamel dik li sejjaħ “moqżiżata”.

    Bjorn Formosa, li jmexxi l-ALS Malta, ikkundanna dak li iddeskriva bħala “att stupidu u insensittiv” fejn appella għall-għaqda biex nassiguraw li dawk li qed ibatu mis-saħħa mentali jingħataw l-aħjar kura possibbli.

    “Ejja nieqfu ngħaddu biż-żmien mard li għandu impatt fuq ħafna familji. Lil dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli, ħossukom liberi li tfittxu l-għajnuna għax hemm ħafna lesti jgħinukom. Irridu nqajjmu kuxjenza dwar il-mard mentali”, żied jgħid Formosa.

    Anke s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli irrimarkat li m'hemm xejn tad-daħk fil-kliem fuq il-vann u iddeskrivietu bħala “diżgustanti” waqt li ħeġġet biex nerġgħu nnisslu fina l-valur tas-solidarjeta.

    Bosta kienu n-nies li qablu ma' dan is-sentiment ta' kundanna u iddeskrivew lil dawk li kitbu l-kliem bi kliem bħal “injuranti” u “insensittivi”. Kien hemm min saħansitra qal li għalkemm jaqbel mal-liberta tal-espressjoni f'dan il-każ inqabeż il-limitu.

    Fl-istess kien hemm min, anke jekk f'minoranza assoluta, li qal li min kiteb il-kliem ma kienx qed jirreferi għal xi ħadd b'ismu imma kien qed jiċċajta fuqu nnifsu.

    Kumment li spikka kien dak tal-Avukat Franco Debono li rrimarka kif ħadd ma tniffes fuq iż-żagħżugħ ta' 18-il sena li ħarab mill-Isptar Monte Carmeli u nstab mejjet barra u quddiem ir-ritratti ta' Monte Carmeli mgħarraq fl-ilma.

    “Issa kumment (mhux xieraq) fuq vann imsaddad parti minn satira fil-Karnival qisu l-aħħar tad-dinja. Tistgħu tgħiduli x'qed jiġri f'dan il-pajjiż? Qisu vera crazy! Persuna mejta ħadd ma tniffes u vann imsaddad qajjem furur!”, żied jgħid l-Avukat Debono fil-kumment li attira l-'likes' ta' numru ta' nies.

    Kumment ieħor li ġab miegħu diversi reazzjonijiet kien dak tas-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri li fuq il-profil tiegħu tal-istess sit soċjali irrimarkat li l-karnival huwa karnival.

    “Konvint li ħadd ma ried iweġġa lil ħadd u m'għandnix għalfejn nipprovaw noħolqu xi polemika fuq karru spontanju. Wara kollox dan huwa l-karnival tradizzjonali tan-Nadurin”, żied jgħid l-eks-Sindku tal-Qala.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0