inewsmalta.com



Ħabs wara li l-pulizija qabduh bid-droga fil-vann

  • Fra 14, 2018 16:45
  • Miktub minn iNews

    Raġel ta' 56 sena kien ikkundannat 15-il xahar ħabs u multa ta' €500 wara li nstab ħati li fil-vann kellu 34 gramma kokaina.

    Carmel Spiteri, magħruf aktar bħala Charles Spiteri, kien mixli li kellu fil-pussess tiegħu din id-droga fit-12 ta' Ġunju 2002.

    Il-każ kellu l-bidu tiegħu meta l-Pulizija rċeviet informazzjoni li Spiteri kien se jkollu d-droga fuqu f'Birkirkara.

    Fil-fatt tliet pulizija tqabbdu biex josservawh u fil-jum imsemmi raw isuq 'pick-up' mill-inħawi “tal-Balal” u waqqfuh.

    Bejn il-'console' u s-seat tax-xufier instabet borża li kien fiha borża oħra b'39 gramma kokaina u fil-'console' kien hemm miżien elettroniku.

    Huwa kien arrestat, interrogat u mressaq fil-Qorti bil-każ tiegħu jinstema mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

    Fl-awla Spiteri iġġustifika s-sejba tad-droga billi qal li qabel ma beda jaħdem f'confectionery kien jagħmel xogħol ta' tibjid ma' missieru.

    Huwa sostna li dak iż-żmien kien jagħti x-xogħol b''sub-contracting' lil ċertu Frans Ebejer, Joseph Sammut u wieħed li jafu bil-laqam “il-Ganu”.

    Dwar il-jum li nqabad sostna li l-vann kien intuża minn Ebejer, ċaħad li d-droga kienet tiegħu u s-sostna li l-bott 'bicarbonate of soda' li nstab kien jintuża għall-freezers.

    Madankollu l-imsemmija maġistrat ma emmnitx il-verżjoni tiegħu u iddeskrivitha bħala waħda nieqsa mil-loġika.

    Hija semgħet ukoll lil Charles Vella, Frans Ebejer, Noel Azzopardi u Charles Sammut li kienu jaħdmu mal-akkużat fosthom tal-aħħar li sostna li d-droga kienet tiegħu.

    Waqt li irrimarkat li fix-xhieda tagħhom il-lavranti tiegħu għamlu ħilithom biex jippruvaw jiskulpaw, il-Maġistrat Frendo Dimech irreferiet b'mod partikolari għal dik ta' Sammut fejn qaletli bix-xiehda tiegħu aktar saħħaħ il-każ tal-prosekuzzjoni.

    Hija staqsiet jekk id-droga kienet tiegħu kif seta ħalliha fil-vann meta kien jaf li dan jużah ħaddieħor u f'post daqshekk viżibbli.

    L-imsemmi maġistrat sostniet ukoll li l-ammont li nstab ma kienx għall-użu personali u mkien ma rriżulta li Sammut kien jittraffika d-droga.

    Hija iddeskriviet ix-xiehda ta' Sammut bħala waħda “sforzata” li kien fiha kontradizzjonijiet ma' dawk ta' Ebejer u Vella li min-naħa tagħhom ukoll taw verżjonijiet kontrastanti dwar kif kien jasal fuq il-post tax-xogħol Sammut.

    L-istess maġistrat sejjħet “fażulla u insensata” l-ispjegazzoni ta' Spiteri li kien iżomm bott żgħir tal-'bicarbonate of soda' biex jużahom għall-'freezers' u rrimarkat b'ton ironiku li l-miżien żgur li ma kienx intiż fil-manifatturar tar-ravjul.

    Waqt li sabitu ħati, hija ikkunsidrat il-kondotta tiegħu fejn qalet li minnha jirriżulta li kemm-il darba xellef dufrejh mal-ġustizzja u ikkundannatu 15-il xahar ħabs u l-multa ta' €500.

    Hija ordnat ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lil Charles Sammut possibilment dwar xiehda falza.

    Il-prosekuzzjoni f'dan il-każ tmexxiet minn Neil Harrison li dak iż-żmien kien spettur u investiga l-każ imma llum m'għadux fil-Korp tal-Pulizija.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook