Mario Galea: l-istigma dwar is-saħħa mentali “twaħħax”

  • Fra 14, 2018 18:57
  • Miktub minn iNews

    Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea sostna fil-Parlament li “it's not ok” li tiċċajta dwar is-saħħa mentali u nsista li għandu jkollna 'zero tollerance' lejn l-istigma dwarha.

    F'intervent waqt id-diskussjoni fuq l-estimi tal-Baġit, Galea irrefera għall-kumment li għadda s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri dwar il-vann fil-karnival tan-Nadur u qallu li mhux sew tiċċajta dwar dan is-suġġett.

    Huwa lmenta li l-lingwa tagħna hija 'heavy loaded' bi kliem bħal “tal-ġenn”, “spissjat”, “miġnun”, “rota nieqsa” u “frankuni”.

    Galea qal li huwa jqis lilu nnifsu bħala klijent għax ibati minn dipressjoni u jieħu trattament waqt li għamilha ċara li huwa jitkellem dwar dak li għaddej minnu pubblikament  għax “hawn stigma li twaħħax”.

    Id-deputat Nazzjonalsita sostna li huwa fatt magħruf li meta n-nies jitkellemu dwar l-esperjenza personali tagħhom jgħinu oħrajn u rrakkonta kif meta jitkellem hu jkun hemm min iċempillu u jgħidlu li qed jagħmillu kuraġġ.

    Galea qal li huwa jittama li għada jasal iż-żmien meta jekk deputat jitkellem dwar is-saħħa mentali ma tibqax tkun aħbar bħalma ma tkunx aħbar jekk xi ħadd jgħid li jbati mid-dijabete jew mard tal-qalb.

    Waqt li rrimarka kif il-Gvern sab flus għall-Cafe Premier, Gaffarenza, Panama u Vitals, huwa staqsa kif ma sabx flus għas-saħħa mentali u fakkar li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) ilha tgħid li sal-2020 d-dinja se tiffaċċja pandemija ta' mard mentali.

    Huwa sostna li kuntarjament għall-kriżi finanzjarja li ġiet fuqna għall-għarrieda, il-fatt li nafu li din il-pandemija ġejja u jista' jkollha effetti aktar devastanti mill-kriżi finanzjarja jfisser li m'għandnix żmien x'naħlu.

    Galea sostna li l-istress fost il-ħaddiema Maltin huwa ħafna ogħla minn pajjiżi oħra membri tal-UE u lmenta li s-servizz tas-saħħa mentali huwa meqjus bħala s-Cindirella tas-settur tas-saħħa.

    Waqt li semma kif madwar id-dinja hawn 500 miljun li għaddejjin minn problema ta' saħħa mentali, Galea qal li l-Gvern missu diġa għamel strateġija dwar dan il-qasam u missu ilu jagħmel 'refurbishment' tal-Isptar Monte Carmeli li għandu 300 sena.

    Huwa lmenta li kuntrarjament għal taħt il-Gvern Nazzjonalista fejn kienu jmorru fl-Isptar Monte Carmeli infermieri gradwati u t-tmexxija kienet tingħata wara sejħa, dan il-Gvern qed jibgħat nies tal-qalba b'pagi fenomanetali.

    Id-deputat Nazzjonalsita semma li tnejn minnhom kienu kandidati Laburista “bla nitfa ħjief fis-saħħa mentali” u esprima t-tħassib tiegħu li f'ħames snin inbidlu tliet CEOs u sostna li ma nistgħux insibu saqajna mal-art b'dan it-tibdil kollu.

    Galea appella lill-Gvern biex jinvesti aktar fil-komunita billi jiftaħ aktar kliniċi u ċentri ta' matul il-jum u akkużah li ma fetaħx klinika waħda imma ħalla dawk li sab.

    Il-membru parlamentari tal-Oppożizzjoni semma kif 60% ta' dawk li jbatu bis-saħħa mentali ma jibqgħux jieħdu kura għax iħossuhom tajbin u ma jibqgħu jieħdu kura madankollu fakkar kif tmienja minn kull 10 li jieħdu l-kura jkomplu b'ħajjithom.

    Galea semma wkoll kif kien hemm diversi nies famużi li batew bis-saħħa mentali fosthom il-President Amerikan Abraham Lincoln, l-atturi Charles Chaplin u Robin Williams, il-pittur Vincent Van Gogh, l-infermiera Florence Nightingale u l-Prim Ministru Ingliż Winston Churchill li skont hu jingħad li kien imur l-Imdina għax kien iħossu mistrieħ hemm.

    Galea irrefera wkoll għad-dipressjoni fejn qal li din hija l-kawża ewlenija tas-suwiċidju u waqt li semma kif iktar minn 70% li jbatu minnhom ma jfittxux kura, wissa li waqt li llum fid-dinja twettaq suwiċidju persuna kull 40 sekonda, l-awtoritajiet dinjin tas-saħħa qed tistma li dan se jitla' għal persuna kull 20 sekonda.

    Lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu, Galea għamel diversi suġġerimenti fosthom li f'kull kunsill lokali jkun hemm kunsillier li jieħu ħsieb is-saħħa mentali.

    Huwa ssuġġerixxa wkoll li peress li l-ewwel sintomi jfeġġu fi tfal ta' madwar 14-il sena jeħtieġ li nibdew nagħmlu 'screening' tat-tfal u waqt li nagħtu taħriġ lill-għalliema nkellmu lill-istudenti dwar is-saħħa mentali u s-suwiċidju.

    Galea staqsa wkoll għaliex m'għadx baqa' it-tim multi-dixxiplinarju fl-Isptar Mater Dei biex jittratta dawk li jkunu għaddew minn xi kriżi fejn qal li llum hemm tabib wieħed biss kuntrarjament għat-tim li kien hemm taħt l-amministrazzjoni preċedenti.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0