“Ma nistgħux inħallu s-suq isuq”... Intervista ma' Charles Miceli jumejn qabel miet

  • Mar 12, 2018 19:25
  • Miktub minn Claudio Coleiro

    Jumejn qabel miet dan is-sit intervista lil Charles Miceli

    Proprju jumejn qabel ħalla din id-dinja, inewsmalta intervistat lil Charles Miceli, magħruf għall-attiviżmu tiegħu favur dawk li għaddejjin minn tbatija. Huwa miet nhar il-Ġimgħa li għadda fl-età ta’ 68 sena u kien joqgħod in-Naxxar. 

    Wara karriera fil-ġurnaliżmu fejn beda mal-ġurnali tal-Union Print, Miceli ħadem fis-settur tar-rijabilitazzjoni tad-droga mal-Caritas. Huwa kien ukoll kontributur fil-ġurnali L-ORIZZONT u IT-TORĊA u anke kiteb f’mezzi oħra tax-xandir. 

    Huwa ħadem ħafna fil-ġlieda kontra l-faqar u f’dawn l-aħħar jiem kien voċiferu biex jiddefendi l-interessi ta’ dawk li kienu qed isibuha diffiċli jħallsu l-kera.

    Fl-intervista li saritlu b’rabta mal-kwistjoni tal-faqar u l-kirjiet, Miceli baqa’ sal-aħħar jaqbeż għad-drittijiet ta’ dawk li qed ibatu u enfasizza fuq il-bżonn li “jsir xi ħaġa” biex ngħinu lil dawk li huma l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. 

    Fl-aħħar jiem, il-faqar u l-isfidi tal-kirjiet komplew iqajmu diskussjoni madwar il-pajjiż kollu. Dan is-sit intervista lil Charles Miceli mill-Alleanza Kontra l-Faqar li hija NGO favur it-tqassim aktar ġust tal-ġid u vuċi ta’ min għandu bżonn jinstema’, biex jara x’inhi l-opinjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

    Tissemma ħafna l-kelma “faqar”. Inti x’tifhem biha?

    Il-kelma “faqar” hi wiesgħa ħafna. Ġeneralment inkunu qed nitkellmu fuq faqar finanzjarju jiġifieri minkejja li tagħmel li tista’, il-flus li ddaħħal ma jkunux biżżejjed biex tgħix ħajja diċenti.

    Biex wieħed jieħu idea xi tfisser li tgħix ħajja diċenti, studju riċenti dwar id-dħul u l-kwalità tal-għajxien (SILC) jelenka disa’ mistoqsijiet fosthom taffordja ġimgħa vaganza ‘l bogħod mid-dar? 

    Issa jekk tkun qed taħdem is-sena kollha, huwa lussu għalik li tieħu ġimgħa vaganza u tmur x’imkien? Jien għalija mhux lussu imma bżonn.

    Ħajja diċenti tfisser li jkollok biżżejjed biex tiekol, tħallas il-kera, tieħu vaganza u forsi tmur tara film. Jekk dawn ma taffordjahomx ifisser li inti fil-faqar.

    X’tip ta’ faqar jeżisti?

    Jeżistu ħafna tipi ta’ faqar. Hemm faqar kulturali, faqar spiritwali fost l-oħrajn iżda bħala Alleanza Kontra l-Faqar l-iktar li nitkellmu fuqu huwa l-faqar finanzjarju. 

    Jien inħobb nikkwota dak li kien qal il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol fejn qabel konna ngħidu “edukati biex toħroġ mill-faqar” mentri llum qed ngħidu “toħroġ mill-faqar biex inkun nista’ neduka ruħi.”

    Għax jekk jien ma nafx fejn se norqod illejla u ma nafx x’se niekol kif se noqgħod naħseb fuq il-ġeometrija u l-istorja? Jiena jekk ikolli żaqqi vojta ma tantx inkun nista’ nikkonċentra fuq affarijiet oħra. 

    Għandek l-affarijiet bażiċi jiġifieri fejn toqgħod u x’tiekol imma jekk ma jkollokx dawn ikun ifisser li tinsab fil-faqar.

    Taħseb li l-faqar huwa xi ħaġa ta’ dan iż-żmien jew minn dejjem kellna l-faqar?

    Jiena llum anzjan u twelidt fil-faqar. Il-faqar ta’ dak iż-żmien kien aktar aħrax mill-faqar tal-lum u kien iktar mifrux. Qed nitkellmu fuq l-aħħar tas-snin 50 u l-bidu tas-snin 60. Fejn konna ngħixu la kellna dawl, la elettriku u ilma, la kamra tal-banju u lanqas tojlit.

    Konna noqogħdu f’kerrejja, kien hemm tojlit wieħed biss fil-bitħa u trid toqgħod tistenna wara min imissek biex tmur u taqdi l-bżonnijiet tiegħek. 

    Tgħidli fadal nies jgħixu hekk illum? Mhux dik il-kwantità. Nies li qed jgħixu f’garaxx hawn. Jiena iltqajt ma’ raġel li qed jgħix ġo kamra u lanqas biss għandu shower.

    Illum il-ġurnata hawn iktar welfare u din trid tittieħed inkonsiderazzjoni iżda mbagħad għandna l-problemi li huma differenti. Għandek il-faqar relattiv jiġifieri jekk ta’ maġenbek għandu karozza lussuża u inti lanqas biss għandek rota, relattivament tħossok inferjuri minn ħaddieħor.

    Pero’ l-problema bħalissa hija l-kera b’mod partikolari f’dak li jirrigwardja l-istabbilità li ta’ wara l-1995 ħafna nies lanqas biss għandhom kuntratt u pereżempju jista’ jiġi s-sid l-għada u jgħidlek li jrid €800 kera, id-doppju li tkun qed tħallas. Jgħidlek hekk biex jitfgħek ‘il barra biex imbagħad idaħħal erba’ nies oħra. 

    Bħala Direttur tal-Caritas f’Dar Papa Franġisku, kważi dejjem għandek 18-il ruħ fis-sezzjoni tal-irġiel u għaxra fis-sezzjoni tan-nisa. Issa dik tintuża bħala emerġenza jiġifieri minn dan il-post qed tipprova tmexxihom x’imkien ieħor. 

    Pero’ kif inhi s-sitwazzjoni, meta tmexxihom banda’oħra, kemm se jkollu flus dan biex jibda jħallas il-kera u kemm se jdum iħallas il-kera?

    Nikkalkulaw li t-tali sab kamra b’€400. Jekk l-għada se jitolbu €600, dan se jmur lura u allura qed niġu dejjem aktar “stuck”. Jiena ngħid li sakemm is-suq isib il-livell tiegħu waħdu qed inħallu ħafna nies ibatu. 

    Min qed ibati l-iktar?

    Naħseb li l-iktar nies li qed ibatu f’pajjiżna huma dawk li jgħixu fuq il-benefiċċji. Niltaqa’ ma’ nies li jgħiduli li għandhom €420 benefiċċju. B’€420 fejn se ssib tikri? Min se jħaddmek? 

    Hemm skema, il-Community Work, li mnalla tkun hi għax naf nies li kieku ma jħaddimhom ħadd u b’hekk ikollhom daqsxejn iktar mill-minimum wage. 

    Kif inhi l-ħajja llum, b’€420 lanqas tmur toqgħod ġo garaxx għax jekk jitolbok €320 tal-garaxx ukoll se tispiċċa fil-faqar. Tmur ġo garaxx, li mhux suppost, imma bil-€120 li jifdallek f’idejk kif se tgħix? Hemmhekk naħseb li hemm l-iktar problemi.

    Imbagħad għandek l-anzjani, l-iktar fejn hemm pensjoni waħda. Fortunatament ħafna anzjani għandhom id-djar tagħhom għax kieku s-sitwazzjoni hi ħafna agħar. 

    Aħna nitkellmu ħafna fuq il-kera imma għandek il-ħajja li togħla minn ġurnata għall-oħra. Il-Caritas meta għamlu l-ewwel studju fl-2012 ħadu tliet basktijiet ta’ affarijiet ta’ x’għandha bżonn koppja b’żewġt’itfal, single-parent b’żewġt’itfal u żewġ anzjani.

    Meta ġew biex jagħmlu l-istess studju erba’ snin ipprovaw jieħdu l-istess oġġetti li kien hemm qabel u sabu li l-ħajja għoliet ħafna. Bdew jaħsbu li kellhom żball pero’ meta ċċekjaw mal-NSO qalilhom le. 

    Bħala Alleanza kontra l-Faqar qbadna dawn il-basktijiet, tajnihom professur tal-ekonomija u qalilna li fuq dawn l-inflazzjoni ma kinitx 1% iżda kienet 6%, 7% u 8% għax in-nies il-fqar jew li ma għandhomx ħafna income l-iktar li jonfqu flus huwa fl-ikel.

    Dwar x’irid isir, naħseb li hemm ħafna affarijiet x’isiru. Sfortunatament tidħol ħafna l-politika partiġġjana, li lili personali ddejjaqni ħafna. 

    Mhu qed ngħid xejn kontra l-partiti imma sal-2013 il-faqar kien perċezzjoni, issa n-Nazzjonalisti fetħu jdejhom u l-Laburisti jgħidu li qed jagħmlu ħafna affarijiet biex inaqqsu l-faqar. L-edukazzjoni, l-inwork benefit, iċ-childcare b’xejn huma kollha tajbin. Imma n-nies kif qed jgħixu? 

    Tul il-karriera tiegħi ħdimt u ltqajt ma’ ħafna nies. Kont naħdem l-Union Press għal ħafna snin. Imbagħad ffokajt iktar fuq is-soċjal. L-aħħar 24 sena għamilthom il-Caritas u ħdimt ukoll ħafna mal-priġuneri.

    Immaġina raġel b’kondotta maħmuġa. Lil dan jew ħadd mhu se jħaddmu jew issib min jabbużah. Peress li min iħaddem jaf bil-kondotta ta’ dan ir-raġel, flok jagħtih €5 li ħaqqu jgħidlu b’€2 taċċetta? Għandek ċertu limitu. Dan qed jipprova jirranġa ħajtu pero’ qed isib il-ħin kollu min jitfgħu iktar lura.

    Dawn in-nies qed ibatu. Ħafna drabi rari jidhru fuq l-aħbarijiet u meta jidhru għal xi raġuni jew oħra dejjem ngħidu “t-tort tagħhom, għax aħna offrejnielhom, huwa ma riedx”. Nitkellmu daqsxejn minn fuq għal isfel dwarhom li hija ħasra. Naħseb li jrid ikun hemm ħafna iktar kompassjoni f’dan ir-rigward.

    Għaliex taħseb li dawn in-nies qed jaqgħu lura? 

    Mhux qed nitkellem fuq eluf ta’ każi. Hemm numru sostanzjali ta’ nies li biex iħallsu l-kera jibqgħu lura fl-ikel u qed jaqgħu lura fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. 

    Jekk tmur f’Dar Papa Franġisku, f’nofsinhar, issib xi 40 ruħ jieklu. Issib li wħud minnhom imorru hemm għax iħossuhom waħedhom, imma oħrajn qed imorru jieklu hemm biex ikollhom x’iħallsu għall-kera. 

    Ma tarahiex ironika li f’pajjiż fejn l-ekonomija sejra tajjeb ħafna tant li hawn ħafna barranin jaħdmu f’pajjiżna imbagħad għandek eluf li huma fil-faqar?

    Allaħares ma kinux huma. Li kieku ma kienx hawn il-barranin li qed jaħdmu u jħallsu l-bolla u t-taxxa kieku lanqas għandna l-pensjonijiet. Bis-saħħa tagħhom il-pensjoni ġiet sostenibbli.

    Nistaqsi huwa ironiku li fl-Ewropa, li hi ħafna iktar sinjura minn kontinenti oħrajn, imbagħad hemm il-qgħad? Rajna x’ġara fl-Italja ftit tal-jiem ilu. Għaliex in-nies huma imdejqin? Il-partiti tradizzjonali spiċċaw għax in-nies iddejqu. 

    L-ekonomija mondjali llum hi neo-liberali, is-suq isuq. Jekk ma jkunx hemm il-Gvernijiet li jirregolaw dan is-suq iktar nies se jispiċċaw fil-faqar. 

    Huwa veru li l-ġid tista’ tikkreah u żżidu pero’ jekk mhux qiegħed taqsmu b’ugwaljanza hemm strutturi fis-suq stess u fis-soċjetà li l-ftit jieħdu ħafna u l-ħafna ma jieħdu xejn. Għalhekk għandu jkun hemm management tas-suq. 

    Sa issa inqbadna f’xil-ħames jew is-sitt Gvern li kien qed jemmen li s-suq isuq. Pero’ jiena naħseb li fl-aħħar sena jew sentejn qed nirrealizzaw li b’xi mod irid ikun hemm regolarizzazzjoni jiġifieri ma nistgħux inħallu s-suq isuq. 

    Taħseb li l-prezzijiet tal-proprjetà li splodew qed iħallu lin-nies foqra?

    Jekk inti biex tixtri post illum trid €200,000 kif se tagħmel u kemm se tħallas loan? Inti marbut ħajtek kollha b’dik il-loan, u iktar ma jogħla l-prezz iktar se tikber il-loan u allaħares jogħlew l-imgħaxxijiet.

    Hija sikkina li taqta’ minn żewġ naħat għax nies li kellhom xi ftit flus investew fil-bini. Issa jekk inti xtrajt €200,000 kemm nista’ nżommlok kera? Klassi ta’ fuq jaffordjaw iħallsu imma maġġoranza kbira, li għandhom inqas minn €1,500 fix-xahar, se jbatu.

    Li qed jiġri hu li kemm il-Malta Employers Association, tal-iGaming u tal-Financial Services mhumiex kuntenti bis-sitwazzjoni fejn qed ikollhom ħafna turnover ta’ nies. Għalhekk qed nisħqu fuq regolarizzazzjoni li naħseb tgħin il-kulħadd.

    Suppost ix-xogħol jiskansak mill-faqar. Bil-paga medja li hawn illum, taħseb li dan hu minnu?

    Għal ħafna żmien konna ngħidu li l-edukazzjoni u x-xogħol joħorġuk mill-faqar. Sfortunatament is-sistema neo-liberali tas-suq isuq dgħajjfet kollox. 

    Tħalt bħala apprentist mal-Union Press meta kien għad kelli biss 14-il sena u kien hemm min baqa’ jaħdem hemm sakemm irtira. Jien tlaqt għax ridt jien. Illum l-impjieg ikun bil-kuntratt. Meta inti bil-kuntratt qas tista’ tixtri post għax il-bank mhux se jsellfek.

    Minkejja li jkollok ix-xogħol, diġà hemm sistemi li lilek jorbtulek idejk. Huwa biżżejjed €1,200 fix-xahar fil-ħajja tal-lum? Ir-raġel u l-mara qed ikollhom jaħdmu t-tnejn li huma bilfors.

    Hemm korelazzjoni bejn din it-tellieqa għax-xogħol u l-istress? Kemm hawn nies jieħdu d-droga u kemm hawn li jilagħbuhom? X’tip ta’ soċjetà rridu llum? 

    Skont statistika miġbura mill-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà (FEA) skont l-osservazzjoni li għamlu fuq is-suq lokali tad-djar, l-għajxien f’garaxxijiet ħafna drabi bla ebda faċilitajiet sanitarji llum il-ġurnata hija problema reali f’pajjiżna, tant hu hekk li hu maħsub li l-każi ta’ nies jgħixu f’garaxxijiet jammontaw għal madwar 190. X’tikkummenta dwar dan?

    Li hawn nies li jgħixu f’garaxxijiet huwa minnu. Jiena naf b’żewġ persuni li qed jgħixu f’garaxx. Pero’ ma nafx b’190 u kif il-FEA waslu għal dik il-figura, liema figura ċċaqalqet minn ġimgħa għall-oħra. 

    Mhux suppost li n-nies jgħixu f’garaxxijiet imma x’inhuma l-alternattivi? Jekk mhux se jkun hemm regolarizzazzjoni tal-kera b’xi mod, u naħseb anke wara li din issir, irridu naħsbu fuq affarijiet oħrajn dwar kif se nżidu s-supply ta’ housing affordabbli.

    Jista’ l-Gvern jibqa’ jibni u jqassam id-djar? Għal-liema prezz din qed issir? Hemm ideat u forsi ‘l quddiem ikun hemm oħrajn kif jista’ jkun hemm dan il-housing affordabbli. Irridu naraw x’għamlu pajjiżi oħrajn. 

    Naħseb li minbarra l-bniedem ekonomiku irid ikun hemm il-bniedem b’ruħ soċjali u jsib bilanċ. Xi ħaġa li trid issir huwa indiċi biex mill-ewwel inkun naf li pereżempju max-xatt ta’ Tas-Sliema post jiswini €1,500 fix-xahar waqt li fi sqaq fin-Naxxar tiġini €400 fix-xahar.

    Jiena nippreferi nmur noqgħod max-xatt ta’ Tas-Sliema imma bil-budget li għandi jkolli nmur noqgħod ġo sqaq. Għalhekk imbagħad irid ikun hemm il-kuntratti, li tkun taf li fit-tliet snin li ġejjin l-kera se togħlieli bl-għoli tal-ħajja, kif qed nissuġġerixxu aħna u mhux togħla indiskiminatament.

    Għandi kuntratt ta’ tliet snin, moħħi mistrieħ li se noqgħod hawn u naf li bil-paga li għandi ħa naffordjaha. B’hekk inkun naf bejn wieħed u ieħor fejn qiegħed. 

    X’qed iwassal biex in-nies imorru jgħixu f’garaxxijiet? 

    Jekk inti għandek €420 benefiċċju, fejn se tmur toqgħod? Jekk inti għandek €800 kera fejn se tmur toqgħod? Jien naħseb li dawn in-nies jippreferu kieku jmorru joqogħdu max-xatt ta’ Tas-Sliema. Imma jaffordjawhom? Qed imorru jgħixu f’garaxx għax ma jaffordjawx. 

    Fl-aħħar tliet snin, il-kera bdiet tagħfashom ħafna lin-nies. Fortunatament 80% tan-nies f’pajjiżna għandhom id-dar tagħhom imbagħad hawn numru sostanzjali li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali tal-Gvern. 

    Tant hi kumplessa din il-biċċa xogħol li għallinqas dan il-Gvern, li għalkemm nikkritikah ħafna, kien willing li jagħmel xi ħaġa. Hemm rieda kif ukoll rabta b’ċertu klawsoli li hemm fil-manifest elettorali. 

    Irridu nibdew intaffu l-problema. Jistgħu jitfaċċaw problemi ġodda u differenti. Imma jiena ngħid li sakemm hemm in-nies ibatu bilfors irridu nagħmlu xi ħaġa. Jekk ma nistgħu nagħmlu xejn xorta rridu nagħmlu xi ħaġa għax lin-nies ma tistax tħallihom ibatu. 

    Dawn li qed jispiċċaw fil-garaxxijiet, f’Dar Papa Franġisku, Dar Suret il-Bniedem u l-YMCA huma l-iktar li qed jintlaqtu u rridu nagħmlu xi ħaġa bilfors għalihom. 

    Ma jistax ikun li nħalli bniedem il-YMCA xhur u snin sħaħ għax dan kif se jqum fuq saqajh? Nista’ jien noqgħod immur nistenna wara l-bieb ta’ Dar Papa Franġisku biex forsi jagħtuni sodda? U jekk ma jagħtunix fejn se nmur noqgħod? Fejn huma n-nies li qed jorqdu fil-karozzi? 

    Ftit ilu kien hemm bniedem għandu problema bis-sustanzi sabuh mejjet f’bini li kien qed jinbena. Lili qaluli li dan kien qed jorqod hemmhekk. Kif se toħroġ mill-problema jekk lanqas biss għandek fejn torqod u tinħasel?

    Inti aktarx tkun iddisprat u biex taħrab mid-disprament tibda tixrob jew tieħu xi ħaġa. Allura s-sitwazzjoni tiġik agħar. Imbagħad aħna nagħtuh it-tort! 

    Finalment taħseb li l-liġi tal-kera se tindirizza l-problema tal-faqar?

    Ittaffi l-problema iva, imma ma naħsibx li tista teliminaha għalkollox. Irid ikun hemm iktar miżuri. Naħseb li jrid ikun hemm sistema aħjar ta’ Retail Price Index (RPI). 

    Qed isir profiling tan-nies li jingħataw l-ikel tal-Ewropa. Nittama li minn dan il-profiling noħorġu suġġerimenti biex kemm jista’ jkun, ikun hemm xibka b’saħħitha biex dawn in-nies ma jaqgħux minnha. 

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook