“Paceville għandu bżonn jiġi immaniġġjat” … Philip Fenech: kieku jkollok id-Depot kollu xorta jibqgħu jiġru l-inċidenti

  • Mar 14, 2018 08:20
  • Miktub minn iNews
"

    Skont Philip Fenech, li preċedentement kellu stabbiliment f'Paceville għal 35 sena sħaħ, wasal iż-żmien li l-post jiġi immaniġġjat biex ikunu indirizzati l-isfidi kollha li qed jiffaċċja.

    Wara l-inċident tal-Ħadd li fih tilef ħajtu Zach Meli, kienu bosta li bħalma jiġri f'każijiet bħal dawn jerġgħu jqajjmu l-mistoqsija dwar jekk il-post hux sikur għaż-żgħażagħ li jiffrekwentawh.

    Dawn il-mistoqsijiet tqajjmu wkoll fil-Parlament b'deputati Nazzjonalisti jqajjmu dubji dwar kemm is-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll u anke jisħqu li l-Pulizija jeħtieġ ikollha aktar riżorsi waqt li l-ministru responsabbli mill-Pulizija, Michael Farrugia, jinsisti li l-kriminalita fl-inħawi ta' Paceville fl-aħħar snin naqset.

    Ħadna l-kumment ta' Fenech, li jirrappreżenta lit-taqsima fil-GRTU li tiġbor fi ħdanha postijiet ta' divertiment, dwar jekk Paceville għadux post sikur.

    Huwa spjegalna kif kien wieħed minn tal-ewwel li fetaħ f'Paceville fi żmien meta l-istabbiliment kont tgħoddhom u meta fil-post kienu jitilgħu madwar 2,000 persuna fi tmiem il-ġimgħa.

    Fenech sostna li dak iż-żmien b'dan in-numru ta' nies kienu jkunu ippakkjati u l-inċidenti kienu jinqalgħu xorta waħda għax kont issib, bħalma għadek issib, min jisker u ma jkunx kapaċi jikkontrolla lilu nnifsu u jispiċċa f'xi ġlieda anke għax forsi jkun ittanta lil xi ħadd jew lil xi tfajla.

    Kien hawn li Fenech saħaq li huwa importanti li post bħal Paceville jiġi immaniġġjat speċjalment issa li mhux biss in-numru ta' turisti żdied b'mod sostanzjali imma anke għandek ħafna barranin jaħdmu fl-inħawi.

    Mistoqsi x'jifhem biha li Paceville ikun immaniġġjat, huwa qalilna li jrid ikun immaniġġjat f'kollox mil-lat ta' loġistika bħal tindif, tqassim ta' merkanzija u anke sigurta. Jekk dawn is-servizzi jingħataw f'ħin wieħed ikun hemm iktar ordni fil-post u anke titjieb is-sitwazzjoni tat-traffiku.

    Huwa insista li l-awtoritajiet iridu jifhmu li Paceville m'għadux bħal qabel fejn l-iktar li kien ikun hemm nies fis-sajf għax issa anke fix-xitwa jkun hemm ħafna nies u matul il-ġimgħa kollha u 'l ħin kollu.

    Fenech staqsa jekk wasal iż-żmien li fl-inħawi ta' San Ġiljan tinfetaħx poliklinika biex taqdi l-bżonnijiet tal-eluf ta' Maltin u barranin li bejn jaħdmu fiz-zona u bejn imorru hemm għad-divertiment.

    B'hekk jekk jinqala' xi ħaġa jkun hemm ambulanza fil-viċin li tieħu lill-persuna jew persuni mweġġa' sal-poliklinika għall-ewwel kura medika u jkun biss jekk ikun il-bżonn li tiġi trasferita lejn l-Isptar Mater Dei.

    Huwa jaqbel ukoll li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu jkun preżenti fl-inħawi mhux biss fi żmien xi festa imma anke biex jekk jinqala' xi ħaġa jkun għal-lest speċjalment bil-lukandi u appartamenti għoljin fil-post.

    Anke l-għassa tal-Pulizija ta' San Ġiljan għandha tinbidel b'Fenech jgħid li din saret żgħira wisq għall-ammonti ta' nies li jkun hemm fl-inħawi u z-zoni li jaqgħu taħt l-uffiċjali tal-Pulizija responsabbli mid-distrett.

    Dwar il-preżenza tal-Pulizija f'Paceville, Fenech qalilna li mit-Tnejn sal-Ħamis ikun hemm madwar 12, il-Ġimgħa u s-Sibt jitilgħu għal 25 u l-Ħadd ikunu 20 barra pulizija mill-Iskwadra Kontra d-Droga u mir-Rapid Intervention Unit (RIU) li wkoll jagħtu daqqa t'id billi jissorveljaw il-post.

    Mistoqsi jekk humiex biżżejjed, Fenech għamilha ċara li dejjem jibqa' lok għal titjib u faħħar lill-Pulizija li qed tagħmel l-aħjar li tista'.

    Fl-istess waqt saħaq li għan-'nightlife' f'Paceville trid tkun matur u tkun kapaċi tagħraf kif tikkontrolla l-alkoħol għalkemm żied jgħid li jekk tkun bniedem “kiesaħ” f'dan l-ambjent faċli titkessaħ iktar.

    Mill-banda l-oħra, Fenech irrimarka li l-parti l-kbira tan-nies li titla' Paceville tagħmel dan biex tiddeverti mingħajr ma taqla l-inkwiet.

    Huwa sostna li jekk jjinqala inċident f'xi parti tal-lokalita “jista' jkollok id-Depot kollu” u enfasizza li l-importanti kif jiġu mqassmin u x'jagħmlu fuq il-post.

    Dwar żgħażagħ ta' eta żgħira, Fenech sostna li l-pulizija jagħmlu rondi regolari biex anke jassiguraw li dawk taħt is-17 ma jidħlux fi klabbs u ma jixorbux alkoħol.

    Fl-istess waqt saħaq li jridu jkunu l-ġenituri l-ewwel li jerfgħu r-responsabbilta jekk uliedhom żgħar imorru Paceville u nsista li s-sidien tal-istabbilimenti ma jistgħux joqgħod 'baby sitters'.

    Fenech sostna li Paceville għadu jista' jiġi meqjus 'safe' u inutli jkollok il-pulizija kollha fuq il-post għax jaf tinqalalek ġlieda f'bar u wieħed jifqa' tazza f'wiċċ ieħor. 

    Waqt li rrimarka li ma jistax ikollok pulizija għal kull persuna li titla' fil-post, huwa semma kif għaddejjin taħdidiet biex ikunu installati aktar CCTV cameras biex titjieb is-sorveljanza tal-inħawi.

    Dwar l-impatt tan-numru dejjem jikber ta' barranin fuq is-sitwazzjoni, Fenech qal li jekk tkun “kiesaħ” irrispettivament jekk intix Malti jew le u nsista li l-inċidenti li fihom ikunu involuti l-barranin kiber proprju għax qed ikun hawn iktar barranin fostna u għalhekk faċli li jolqtu lilhom ukoll b'mod jew ieħor.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0