"Ejjew nħallu t-tfal ikunu tfal”

  • Apr 14, 2018 18:02
  • Miktub minn iNews

    Fl-aħħar jiem rajna it-tnedhija tal-politika ġdida fuq il-homework. Kien hemm min qabel u oħrajn ma qablux.  L-argumenti imbagħad iduru fuq l-edukazzjoni, u fejn sejrin. Oħrajn jargumentaw fuq il-pressjoni fuq it-tfal.  Inewsmalta tkellmet mal-Ministru Evarist Bartolo dwar dan.

    Ġiet mnedija politika fuq il-homework. Għalfejn inħass dan il-bżonn?

    Waħda mill-aktar punti li jqajmu t-tfal meta nitkellmu magħhom kienet is-sens ta' esasperazzjoni għal ammont ta' pressjoni li qed inpoġġu fuqhom. Għandna ħafna tfal li bejn skola, homework, sport, attivitajiet kulturali u xi lezzjoni tal-privat jispiċċaw f'sitwazzjoni xejn feliċi u għajjenin. Irridu nieħdu ħsieb it-tfal tagħna, u qabel ma nitkellmu fuq tagħlim iridu nitkellmu fuq saħħa, kemm fiżika u kemm mentali. Tfal imdejqin u għajjenin ma jitgħallmux. Nisma’ ħafna stejjer ta' pressjoni esaġerata li titpoġġa fuq tfal relattivament żgħar. Dan ma jagħmilx ġid għat-tfal. Il-qafas li pproponejna fuq il-homework jsib bilanċ u gwida fuq x'wieħed għandu jistenna f'dan il-qasam. Mhux kull tifel u tifla l-istess imma tal-inqas dan hu pass prattiku biex nagħtu direzzjoni. 

    Li qed tgħid int hu ejja ma nesaġerawx bil-pressjoni fuq it-tfal?

    Fil-Bibbja hemm vers sabiħ li jispjega li hemm żmien għal kollox "Hemm iż-żmien li tiżra u ż-żmien li taħsad". Ejja nħallu t-tfal jkunu tfal u nsibu bilanċ fil-ħajja tagħhom, speċjalment meta jkunu għadhom żgħar. Iż-żmien itella’ l-kmiem u ħsad jasal ukoll.

    It-tfal iħossu pressjoni, pero anke l-għalliema u l-kapijiet ta' skejjel hemm pressjoni fuqhom.

    Hekk hu. Minn jikkritika l-għalliema ma jafx ir-realtà tagħhom verament x'inhi. Li tkun hija professjoni u vokazzjoni fl-istess ħin u l-ġenituri jafu kemm għandna għalliema jħobbu t-tfal u s-sagrifiċċji kbar li jagħmlu għalihom. Il-Ministeru qiegħed iħejji programmi ta’ sapport fil-ħajja sana u s-sapport psikoloġiku għall-kapijiet u l-assistenti kapijiet tal-iskejjel filwaqt li fiż-żmien li ġej se nkomplu nsaħħu s-servizz ta’ sapport għall-għalliema li diġà qed ikun offrut lill-impjegat fis-servizz pubbliku. Meta nitkellmu fuq il-ġid tat-tfal iridu nitkellmu wkoll fuq il-ġid tal-għalliema għax waħda tikumplimenta l-oħra.

    Jiġu ippublikati studji, xi kultant kunfliġenti, fuq kif sejra l-edukazzjoni f'pajjiżna. Hemm minn juri li sejra tajjeb u hemm oħrajn li jpinġu sistema li għad trid tirpilja. X'inhi r-realtà?

    Jekk hemm xi ħaġa li l-istudji kollha jaqblu fuqha hija li kull sena l-affarijiet qed jitjiebu. Jien matul dawn l-aħħar għoxrin sena naħseb li kont wieħed mill-iktar kritiċi tas-sistema edukattiva, mhux għax m'għandiex għalliema tajbin jew skejjel b'saħħithom iżda għax kont u għadni nemmen li strutturalment l-edukazzjoni kienet mibnija biex terfa' lil min hu tajjeb u tarmi lil min hu ħażin. Dan għax is-sistema kienet waħda riġida u mhux flessibli, fejn kulħadd jintefa’ f'keffa waħda. 

     Dan huwa zball li kważi kull pajjiż għamel, u illum madwar id-dinja qed naraw tibdiliet li jwasslu għal edukazzjoni iżjed flessibli, personalizzata u umana. Naħseb li għamilna ħafna passi 'l quddiem. Ma naħsibx li nistgħu ngħidu li għandna l-aqwa sistema u kollox perfett, anzi jien l-ewwelnett wieħed li ngħid li għad fadlilna x'naqdfu. Pero fl-istess nifs meta tara programmi vokazzjonali bħall-Programm tat-Tagħlim Alternattiv f'Raħal Ġdid, is-suċċessi li qed ikonna fil-programmi tal-Prince's Trust u programmi vokazzjonali oħra nemmen li rajna titjib sostanzjali. Il-frott tax-xogħol li qed isir illum se narawh mhux is-sena d-dieħla, iżda għaxra u ħmistax-il sena oħra.

     

    Naqilbu fuq il-proposti li l-Ministeru ħareġ din il-ġimgħa fuq l-Università. Kien hemm tibdiliet mhux ħażin fil-proposti oriġinali tagħkom ta' ftit xhur ilu. X'inhu l-iskop wara dawn il-proposti ġodda?

    L-ewwel fażi ta' dan il-proċess seħħ ftit xhur ilu meta nidejna konsultazzjoni wiesa' fuq x'tibdiliet jistgħu jseħħu fl-Università biex tkun iżjed moderna u miftuħa. Kellna diversi laqgħat u smajna lil ħafna għaqdiet u nies u evalwajna l-proposti tagħhom. Nieħu gost ngħid li fost l-aqwa analiżi u suġġerimenti li rċevejna kienet propju tal-istudenti. L-aħħar sett ta' proposti jippronu struttura Universitsarja li hija iktar awtonoma, miftuħa u trasparenti. Ma ninsewx li jintefqu 'l fuq minn mitt miljun ewro f'fondi pubbliċi fl-università u l-istudenti tagħha kull sena jiġifieri minkejja l-awtonomija, irrid ikun hemm ukoll bilanċ ma’ sens ta' akkontabiltà lejn il-pajjiż. Dan hu punt importanti, fejn l-akkontabilitaà se tibda ssir lejn il-pajjiż u l-parlament, u mhux lejn il-Ministru.

    Kien hemm tibdiliet ukoll kif jigi elett Rettur u kif inhu maghmul il-Kunsill tal-Universita u s-Senat.

    Iva, l-proċess biex jiġi elett rettur se jkun ħafna iżjed demokratiku u parteċipattiv. Anke l-Kunsill, is-saħħa tal-Gvern tnaqqset minn possibiltà ta' maġġoranza għal massimu ta' terz. Fis-senat, fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet akkademiċi, se naraw parteċipazzjoni ħafna iżjed b'saħħitha tal-istudenti, fejn ir-rappreżentanza se tirdoppa. Dawn huma kollha passi importanti li jsaħħu d-dinjità tal-Università iżda fl-istess ħin qed inpoġġu iżjed trasparenza, responsabbiltà u akkontabilita li tiftaħ il-bibien tagħha għas-soċjetà u l-oqsma differenti tal-pajjiż. 

    Il-Malti kien ukoll fix-xena dan l-aħħar wara proposti biex jidħlu suġġetti tal-Malti differenti milli hemm illum, inkluż il-Malti bħala lingwa barranija. Għalfejn il-ħtieġa ta' suġġetti ġodda?

    L-ewwelnett tajjeb wieħed jiċċara li l-Malti bħala lingwa barranija mhux se jkun mgħallem lil tfal Maltin. Aħna qegħdin ngħidu li tfal barranin għandhom d-dmir u d-dover li jitgħallmu l-Malti ġaladarba dawn qed jgħixu f'pajjiżna. Nemmnu li dan huwa obbligu. Fl-istess ħin huwa ġust li dawn it-tfal barranin jitgħallmu l-lingwa bi programm edukattiv adattat għalihom. 

    Jiġifieri persuna titgħallem lingwa barranija differenti minn lingwa nattiva?

    Iva. Ħafna riċerka turi propju dan. Għalhekk huwa importanti li jkun programm personalizzat għal din il-faxxa ta’ tfal.

    Il-Malti għal tfal barranin mhux se jkun aċċessibli lanqas għal tfal Maltin li forsi jqisu l-Malti bħċla lingwa sekondarja għax jitkellmu l-Ingliż id-dar?

    Le, kif għidna ħafna drabi, dan se jkun għal tfal barranin. 

    X'hemm iżjed proposti għaż-żmien li ġej?

    Se nkomplu naħdmu biex inwessgħu s-sistema edukattiva biex dejjem nilħqu iżjed tfal. Dan isir billi nkunu iktar prattiċi mar-realtà ta' quddiemna u noffru toroq differenti ta' kif wieħed jista' jitgħallem. Pilastru importanti f'dan kollhu huwa il-Vjaġġ Tiegħi, fejn se programmi alternattivi u vokazzjonali li diga jeżistu u jitħaddmu jinfetħu għal iktar tfal. Fuq kollox nixtiequ naraw tfal li jiksbu l-għodda neċessarji biex jkollhom ħajja tajba. Li jkollhom l-għarfien u li jkunu kapaci jaħdmu jwettqu dak l-għarfien. Li jkunu persuni bi kwalitajiet sbieħ soċjali, krejattivi u umani, u li jkunu kapaċi jgħixu u jaħdmu flimkien ma' oħrajn. Fl-aħħarnett nixtiequ naraw li t-tfal jikbru b'kuntentezza u mħabba, u li jieħdu pjaċir jmorru l-iskola.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook