Il-kunflitt tas-Sirja… jimpurtana?

  • Apr 14, 2018 20:28
  • Miktub minn iNews

    Huwa tal-mistħija r-rispons tas-soċjeta internazzjonali għal kunflitt tas-Sirja.  Wara snin twal ta’  bumbardamenti u qtil ta’ nies ċivili, l-affarijiet kienu u baqgħu sejrin għall-agħar. Kemm għadna nitkellmu fuq din il-gwerra mal-mejda tal-ikel tagħna? Kemm nispjegaw lit-tfal tagħna xinhu jiġri lil tfal bħalhom? Ikollna nammettu li tant ġiet aħbar ta’ kuljum li drajna nisimgħu biha.  U tant drajna li ma għadux jimpurtana.  Iva, dik hi l-verita. M’għadux jimpurtana.  

    Inewsmalta tkellmet ma’ Muhammed Alhussin Sirjan li jgħix f’Malta.  L-ewwel opinjoni li tagħni kessħitni.  Qalli li meta jitkellem Għarbi l-opinjoni tiegħu mhix ħa tasal għax ħafna nies ma jagħtux kashom.  Kienet stqarrija onesta ta’ kif Muhammed jaħseb li ammont kbir ta’ nies jitkellmu dwaru għax hu Għarbi; Sirjan. Hija ħasra li f’pajjiżna u barra minnu nies bħal Muhammed jaħsbu li mhux stmati; li jgħidu x’jgħidu ħadd mhu se jagħti kashom.  Forsi dan il-messaġġ inwasslu meta ma nurux li jimpurtana minn x’qed jiġri fis-Sirja?

    Muhammed kompla biex qalli li ladarba ħadd mhu jagħti kas l-imwiet fis-Sirja, allura dawn huma fl-interess ta’ xi ħadd. Jidher, skont Muhammed, li r-Russja u ċ-Ċina għandhom interessi finanzjarji li minħabba fihom iħallu lil Assad fil-poter. Muhammed isibha diffiċli li l-komunita internazzjonali tħalli massakru tat-tfal.  

    Fejhom il-UNICEF  u l-UE? staqsa Muhammed.  Hija aċċettabbli li jinqatlu t-tfal?  Possibbli ħadd ma jipprova talanqas jgħin lit-tfal?

    Inewsmalta ħadet il-kumment tal-membri parlamentari Ewropej Roberta Metsola u Marlene Mizzi  dwar il-kunflitt tas-Sirja u x’seta’ jsir aktar anke minn naħa tal-Unjoni Ewropeja dwar l-istess kunflitt.

    Roberta Metsola

    "Dak li qed jiġri fis-Sirja hu ta’ tħassib u l-komunità internazzjonali ma tistax tkun indifferenti. Ħadd ma jista’ jagħlaq għajnejh. Qed naraw kunflitti, traġedji u diżastri umanitarji b’nies jitilfu ħajjithom. 

    L-Unjoni Ewropea għandha tkun ta’ eżempju.  Il-Parlament Ewropew, b’mod partikolari qed isegwi l-iżviluppi kollha u aktar minn hekk qed juża riżorsi biex jikkordina lill-istati membri. Fost l-oħrajn ġiet sospiża l-koperazzjoni mal-Gvern u daħlu miżuri restrittivi li bħalissa se jibqgħu fis-seħħ sal-1 ta’ Ġunju li ġej. Dawn jistgħu jiġu estiżi mill-Kunsill Ewropew. Dawn il-miżuri jinkludu embargo, restrizzjonijiet fuq ċertu investiment, friżar ta’ assi tal-Bank Ċentrali Ewropew u restrizzjonijiet fuq esportazzjoni ta’ apparat u teknoloġija li jistgħu jintużaw għar-ripressjoni.

    L-Unjoni Ewropea qed tagħti assistenza wkoll finanzjarja lis-Sirja b’aktar minn 9.5 biljun ewro. Dawn qed jintużaw għall-assistenza umanitarja. Għalhekk ittieħdu inizjattivi tajbin, iżda hemm ħafna aktar x’jista’ jsir.

    Għandna quddiemna traġedja umana li teħtieġ soluzzjoni."

    Marlene Mizzi

    Is-sitwazzjoni fis-Sirja hija waħda inaċċettabbli. Ix-xeni u t-tagħrif li qegħdin jaslulna minn dan il-pajjiż huma tal-biża’ u tal-biki fl-istess ħin. M’hemmx kliem li jista’ jiddeskrivi tajjeb biżżejjed it-tbatija, l-uġigħ u l-kruha tal-gwerra; il-qtil ta’ mijiet ta’ eluf ta’ innoċenti; il-biża’ li sar jagħmel parti mill-ħajja ta’ kuljum ta’ persuni bla ħtija.

    Ma nistgħux ngħidu li mhu qed isir xejn dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja. Iżda sakemm għadhom qegħdin ibatu u jmutu aktar tfal, nisa u rġiel innoċenti, qatt ma nistgħu ngħidu li qed isir biżżejjed. Ikollna nammettu li teżisti ċerta indifferenza meta tqis li sitwazzjoni li suppost hi ta’ urġenza assoluta bħal din, ilha tkarkar għal seba’ snin sħaħ.

    Il-ġimgħa l-oħra l-Membri tal-Parlament Ewropew ikkundannajna l-vjolenza li reġgħet qiegħda tikber fis-Sirja. Tlabna lill-partijiet kollha, b’mod partikolari lir-Russja, lill-Iran u lir-reġim ta’ Assad, biex jirrispettaw it-30 jum ta’ waqfien mill-ġlied (ceasefire) biex tkun tista’ tingħata l-għajnuna umanitarja lill-vittmi. Il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni li titlob lit-Turkija biex tirtira t-truppi tagħha mit-Tramuntana tas-Sirja. Tħabbar ukoll li l-blokk Ewropew se joħroġ €3 biljun oħra għar-refuġjati Sirjani li qed jgħixu fit-Turkija. Bħala MEPs qegħdin nitolbu li jinħalaq tribunal internazzjonali għar-reati tal-gwerra fis-Sirja. Il-Parlament Ewropew qed jitlob li jsiru aktar sforzi għal soluzzjoni politika u nemmen li r-rwol tal-UE fit-taħditiet ta’ paċi għandu jikber u jissaħħaħ. Fost l-oħrajn l-UE għandha tappoġġja n-no-fly zones, is-soċjetà ċivili Sirjana u tagħti r-riżorsi meħtieġa għar-rikostruzzjoni tas-Sirja. L-UE se torganizza konferenza oħra fi Brussell dwar is-Sirja fl-24 u l-25 ta’ April.

    Ir-reġim Sirjan, u r-Russja u l-Iran, li huma alleati tiegħu, huma responsabbli ta’ reati atroċi li qegħdin ikomplu jwettqu fis-Sirja. Ix-xkiel fl-investigazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar attakki kimiċi fis-Sirja huwa tal-mistħija. It-tfixkil f’dawn l-investigazzjonijiet internazzjonali huwa sinjal ta’ ħtija aktar minn kull ħaġa oħra.

    Saru biżżejjed sforzi min-naħa tal-UE? L-attentati reġjonali u internazzjonali biex tintemm il-gwerra fallew. Minkejja li rridu naċċettaw il-fatt li l-Unjoni Ewropea ma tistax tfaqqa’ subgħajha u twaqqaf il-gwerra, nemmen li ladarba n-nies għadhom qegħdin ibatu, l-isforzi tagħna ma kinux biżżejjed u rridu nkunu aktar persistenti. Irridu nkomplu nirsistu għall-paċi u ma naqtgħux qalbna. Ma nistgħux indawru wiċċna n-naħa l-oħra għal dak li qed iseħħ. Is-soluzzjoni aħħarija għandha tkun li tinstab il-paċi fis-Sirja, iżda sadanittant, irridu niżguraw li n-nies kollha jkunu ttrattati bid-dinjità li tixirqilhom.

    Wisq persuni diġà tilfu ħajjithom u l-indifferenza ma tista’ qatt tirbaħ, għax jekk l-UE titlef l-umanità tagħha, tkun tilfet kollox.

    Xi jmiss?

    Innutajt li l-attitudni ta’ Muhammed kienet pjuttost waħda kalma.  U nażżarda... rassenjata.  Stennejt ton aktar irrabjat. Nasal biex nifhem it-ton imma.  X’fadal meta ħadd ma jimpurtah?

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook