Opinjonijiet differenti dwar il-liġi tal-embrijuni

  • Apr 17, 2018 09:15
  • Miktub minn Maria Azzopardi

     

    L-adozzjoni tal-embrijuni fost l-iktar punt li mistenni jqajjem diskussjoni

    “Meta wasalt il-Ġermanja, kont nifriża l-embrijuni tiegħi. Bil-proposti l-ġodda tal-IVF f’Malta, jekk jiena nagħmel l-IVF xorta nagħżel li mmur barra minn Malta għax ma rridx min jiddeċiedi fuq l-embrijuni tiegħi - dawk tiegħi. Ma naqbilx mal-adozzjoni li qed tiġi imposta. Qisna qed nagħlqu ħalq il-konservattivi u nilgħabu l-karta tal-ugwaljanza.”

    Dan qalitu l-amministratriċi tal-grupp Facebook ‘Yes to Embryo Freezing in Malta’, Maltija li tgħix fil-Ġermanja, filwaqt li tkelmet ma’ inewsmalta.com u spjegat li hi għandha tliet itfal imwielda permezz tal-IVF. 

    Hija kompliet tgħidilna li “ma tista’ qatt tobbliga lil ħadd jagħti lit-tfal tiegħu għall-adozzjoni, allura għala ngħidu iva għall-embrijuni? Apparti minn hekk f’pajjiż b’popolazzjoni ta’ madwar 400,000, il-periklu ta’ dak li jissejjaħ intermarriage huwa riskjuż, speċjalment meta nafu li bħala popolazzjoni għandna mard ġenetiku ereditarju bħad-dijabette, u din hija problema.”

    “Jiena għalija inutli li Partit minnhom jgħid X u l-ieħor jgħid Y, din mhix kwistjoni ta’ politika. Dan mhu l-ebda ballun politiku, imma huwa suġġett dwar id-drittijiet tal-umanità u dwar in-nies xi jridu.”

    Dan qalu Clint Abela-Wadge f’kumment li ta lill-ġurnal inewsmalta.com, filwaqt li tkellem fuq l-esperjenza tiegħu sena u nofs ilu fl-Ingilterra.

    “Aħna ddeċidejna mmorru l-Ingilterra għax ir-rata ta’ suċċess f’Malta għadu diżastru. Fl-Ingilterra tant ikunu ċerti li l-mara ħa tinqabad pregnant li qawwitilna iktar qalbna. Malta hawn għarfien imma għadna ma wasalnix s’hawn.”

    L-introduzzjoni tal-iffriżar, l-adozzjoni tal-embriju, aċċess għal koppji tal-istess sess u persuni waħedhom, kif ukoll konsultazzjoni pubblika dwar surrogacy huma l-punti ewlenin li ħarġu fl-abbozz il-ġdid tal-IVF li kien ippreżentat mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

    Il-gvern qed jipproponi wkoll li sabiex jiġu evitati riskji assoċjati ma’ triplets, żewġ embrijuni biss minn kull ċiklu se jkunu permessi. Il-bqija se jkunu ffriżati għall-futur u jekk il-mara tasal għal 43 sena, dawn se jingħataw għall-adozzjoni. Fearne kien insista li l-gvern jemmen fid-dinjità sħiħa tal-embrijuni u kien kontra l-abort.

    Il-President Nisa Laburisti Claudette Abela Baldacchino f’kumment li tat lill-ġurnal inewsmalta.com qalet li “bit-tibdil se jkun hemm ħafna aktar familji li jibbenifikaw għaliex koppji eterosesseali ukoll ikollhom bżonn ta’ egg u sperm donation għaliex il-mara titwieled b’ammont ta’ bajd jew inkella jista’ jkollha kundizzjonijiet mediċi u jkollha problemi fil-bajd, filwaqt li r-raġel jibqa’ jipproduċi.”

    Fl-istess ħin Abela Baldacchino qalet li “hemm irgiel eterosesswali li jkollhom problema fl-isperma u allura jkollhom problema ta’ infertilità. Huwa fuq dan li rridu nibdew nitkellmu u nappella biex ma ndaħħlux rasna fir-ramel. Irridu nirrikonoxxu li diġà għandna tfal fostna mwielda minn mezzi differenti li tipprovdi x-xjenza nkluz iffriżar u donazzjonijiet ta’ bajd u sperma li bħalissa jsiru barra l-pajjiż.”

    Mistoqsija dwar il-proposti l-ġodda jekk humiex tajbin hija qalet ”ovvjament naqblu u jien naqbel ukoll li kulħadd ikun eleġibbli irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali jew jekk ux miżżewweġ, single jew f’konkubinaġġ.”

    “It-tibdil f’Malta se jibdel biss il-liġi u mhux ir-realtà. L-uniku rimors li għandna hija li l proposti l-ġodda mhux se jgħalqu l-feriti kollha u se jibqa’ familji li jsofru fis-silenzju u jmorru barra,” temmet tgħid.

    Il-ġinekologu Max Dingli qal li huwa stmat li koppja minn kull ħamsa f’Malta taffaċċja problemi ta’ infertilità. Dingli sostna li bl-emendi fil-liġi eżistenti tal-elfejn u tnax dwar l-IVF, il-koppji li jkollhom bżonn dan it-trattament se tiżdidilhom il-possibiltà ta’ suċċess. 

    Huwa qal li dawn l-emendi ħa joffru possibiltà għan-nies li għandhom bżonn jużaw għażliet li m’hemx bħalissa.

    Dingli spjega wkoll li b’dawn l-emendi kemm saħħet l-omm kif ukoll dik tat-tarbija se tkun aktar salvagwardjata hekk kif il-proċedura ta’ bħalissa qed tagħti lok għal tqala b’aktar minn tlett itrabi. F’każijiet bħal dawn jiżdied iċ-ċans ta’ kumplikazzjonijiet hekk kif it-trabi jitwieldu terz tad-daqs normali.

    Fuq dan is-suġġett tkellem fuq il-midja soċjali t-tabib u l-Ex Ministru George Vella. Huwa saqsa “għandna niehdu t-triq għan-niżla biex inwasslu l-wegħda utopika ta’ ‘ugwaljanza’?”

    Fuq Twitter il-Prof. Pierre Schembri Wismayer tkellem fuq il-liġi l-ġdida tal-IVF li qed tkun proposta sabiex taħdem favur l-ugwaljanza. Huwa qal “X’inhuma d-drittijiet tat-tfal ladarba dawn jikbru u jkunu jafu l-oriġini bioloġika tagħhom, u dwar ir-riskji ta’ mard li jistgħu jkollhom, jew biex jsiru jafu dwar jekk għandhomx xi aħwa oħra li jista’ jkun qed jinġibdu lejhom b’mod romantiku. Jidher li d-drittijiet tat-tfal mhux qed jiġi kkunsitrat… wara kollox huma mhux ħa jivvutaw fl-elezzjoni li jmis.”

    Il-Professur staqsa wkoll dwar il-ħtieġa tal-iffriżar tal-embrijuni meta l-liġi preżenti diġà toffri trattament ugwalment effettiv billi tiffriża l-bajda u l-isperma separatament mingħajr ma toħloq riskju għall-embriju, it-tarbija.

    Iċ-Ċermen tal-Isptar Saint James Dr Josie Muscat stqarr li ma jaqbilx mat-tibdiliet fil-liġi li qed jiġu proposti. “Ma naqbilx, is-suċċess tal-IVF jiddependi fuq affarijiet oħra. 80% ta’ dawk l-episodji li ma jkunux suċċess ikun ħabba xi problema fil-chromosomes.”

    Meta mistoqsi dwar jekk jaqbilx li koppji tal-istess sess jistgħux jibbenefikaw mill-IVF huwa qal li ma jaqbilx.

    Clint Abela-Wadge kompla jgħid lill-ġurnal inewsmalta.com li jaqbel “mal-liġi proposta mill-Gvern u nifhem li sar avvanz kbir, imma ma naqbilx 100%. Irrid iktar. Naqbel mal-embryo freezing, mal-gay couples u l-affarijiet l-oħra proposti imma ma naqbilx li għandu jkun hemm 5 embrijuni biss. Dan in-numru huwa wisq restritt.”

    Huwa kompla jgħidilna li “ovja li naqbel ma’ embryo freezing għax kemm mil-lat finanzjarju dan ikun ta’ benefiċċju u anke l-mara ħa tkun qed tiffranka l-injections dawk li jagħtu biex tiġi stimulata l-mara. Imma mbagħad fl-Ingilterra jagħtuk tliet għażliet, biex l-embrijun iffriżat jingħata għall-adozzjoni, jew għax-xjenza jew ma jiġix użat. Ma naqbilx li f’Malta dan id-dritt mhux mogħti imma jiġi automatic adoption.”

    F’kumment li kitbet Roxanne Zammit, dwar post li għamel Abela-Wadge fuq Facebook, qalet “Din mhiex xi logħba, dan huwa dritt bażiku tal-bniedem, bħalma kienu drittijiet bażiċi li mara tiġi ugwali ma’ raġel jew bħalma kien dover bażiku li l-gvern jagħti lil kull ċittadin l-edukazzjoni. Anzi mmur oltre u ngħid li min jirrikorri għall-IVF, ara kemm ser jiehu ħsieb lil uliedu u jkun iħobbom wara li jkunu għaddew minn dik il-proċedura kollha. (Mhux qed ngħid li aħna li kkonċepejna naturali ma nħobbux lil uliedna, imma sempliċiment li żgur li ħadd minnhom ma nqabad pregnant aċċidentalment jew ma kienx preparat biżżejjed.)”

    Sa Jannar li għadda f’Malta kien hemm 104 trabi li ġew imwielda fl-Isptar Mater Dei permezz tal-IVF.

    Il-protezzjoni legali li jgawdu l-pazjenti bl-IVF fl-Ewropa hija impressjonanti. L-aħbar it-tajba hija li liġijiet Ewropej dwar it-trattament tal-infertilità, kif ukoll linji gwida stretti tal-industrija, ilhom jevolvu għal kważi 30 sena biex jiżguraw li l-pazjenti b'IVF jiksbu trattament ġust u sigur. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0