inewsmalta.com



“Hemm il-bżonn tar-raba’ vapur”

  • Mej 11, 2018 13:22
  • Miktub minn iNews

    Bosta għaqdiet Għawdxin jitolbu għal investiment immedjat fil-Gozo Channel: “Il-passiġġieri qegħdin jiżdiedu b’150,000 fis-sena, però l-infrastruttura baqgħet l-istess”…

    “Hemm bżonn li l-Gozo Channel ikollu vapur il-ġdid: Dan kellna bżonnu mhix illum, iżda ilbieraħ. Meta wieħeq iqis l-ispiża kapitali għax-xiri ta’ bastiment ġdid, u tikkumparah mat-telf li qiegħed isir kull sena minħabba dewmien u nuqqas ta’ effiċjenza, il-miżien ixaqleb b’mod ċar favur vapur il-ġdid.”

    Dan tennieh, f’kumment dirett ma’ dan il-ġurnal, l-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, Michael Grech. Grech saħaq li matul dawn l-aħħar snin, il-Gozo Channel kienet qiegħda tirreġistra żieda fin-numru ta’ passiġġieri ta’ bejn 8 u 14% kull sena. “Għandna l-ammont ta’ vetturi li qiegħdin jiżdiedu b’iktar minn mitt elf vettura fis-sena, però l-infrastruttura baqgħet l-istess.”

    Intant, fi stqarrija pubblika, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) rreferiet għaż-żieda fid-dewmien li kien hemm matul dawn l-aħħar jiem, minħabba l-ħsarat li ġarrbu wieħed mill-vapuri. Il-GBC tennet li n-numru ta’ vetturi li kienu qiegħdin jaqsmu l-fliegu “kienu qiegħdin iwasslu għal kjuwijiet twal u t-telf ta’ ħin għal bosta li kien qiegħdin jaqsmu l-fliegu għax-xogħol u għall-appuntamenti.”

    “Il-Kamra tal-Kummerċ qiegħda kontinwament tirċievi ammont kbir ta’ telefonati mill-membri tagħha li kienu qiegħdin jesprimu r-rabja tagħhom, minħabba l-fatt li ma kinux qiegħdin jaslu fil-ħin għall-appuntamenti tagħhom. Aħna inħossu li din is-sitwazzjoni qiegħda tkun ta’ detriment għall-intrapriżi f’Għawdex, kif ukoll ta’ disinċentiv għall-investituri Maltin u barranin biex jinvestu f’Għawdex, apparti li qiegħdin imorru kontra tal-perċezzjoni tajba li Għawdex kien qiegħed jikseb.”

    Fl-istqarrija pubblika tagħha, il-GBC tenniet li ż-żmien għall-konsultazzjonjiet u d-diskussjonijiet spiċċa: “Il-Kamra tal-Kummerċ trid tara azzjoni drastika u immedjata biex tindirizza din is-sitwazzjoni, li bħalissa tinsab f’punt ta’ kriżi.”

    Intant, Grech saħaq li fil-laqgħa li jmiss tal-istess Kamra, sejrin jittieħdu diversi miżuri u jibdew diskussjonijiet mal-ogħla awtoritajiet, fosthom il-Ministru ta’ Għawdex u l-Prim Ministru, biex tinstab soluzzjoni. “Waħda mir-raġunijiet għala qiegħdin nisħqu fuq dan huwa l-fatt li s-Sajf daqt magħna. Jekk diġà qiegħdin naraw ammont ta’ turisti rrabjati minħabba t-traffiku u d-dewmien esaġerat li qiegħdin jesperjenzaw biex jirkbu l-vapur, x’se jiġri meta l-ammont ta’ turisti jiżdiedu?”

    Grech semma wkoll l-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, u filwaqt li tenna li l-Kamra tal-Kummerċ minn dejjem kienet favur din il-proposta, l-infrastruttura mhix ħa titlesta għada . “Il-mina mgħandna l-ebda dubju li sejra sseħħ, però jekk nibdew nibnu l-mina llum, għandek minn tal-inqas sitt snin sakemm titlesta. Ma ninsewx li qiegħdin nitħaddu ammont ta’ passiġġieri ikbar minn dak li jgħaddi fl-Ajruport fl-istess perjodu, is-soluzzjoni hemm bżonnha issa, u mhix sitt snin oħra.”

    “B’dan in-nuqqas ta’ żvilupp, qiegħdin nagħmlu disservizz kbir għall-Maltin u għall-Għawdxin, kif ukoll għat-turisti u għall-inprendituri. Fil-preżent, u bl-intenzjonijiet kollha tajba li għandhom, il-Gozo Channel mgħandux il-kapaċita’ li jlaħħaq. Sakemm mhux sejjer ikun hemm vapur ieħor, il-problema tal-lum ħa tibqa tippersisti.”

    Intant, ic-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina saħaq li “bħalissa għandna wieħed mill-vapuri tagħna qiegħed ġewwa d-Drydocks, u qiegħdin isirulu xi tiswijiet wara li ġarrab il-ħsarat. Ir-realta’ hija li b’żewġ vapuri ma tlaħħaqx, u n-nuqqas tat-tielet wieħed qiegħed jinħass bil-kbir.” 

    Cordina kien qiegħed iwieġeb wara li ġie mistoqsi fuq il-kontroversja li nqalgħet matul dawn l-aħħar jiem: Hekk kif is-servizz tal-Gozo Channel qiegħed jaħdem b’żewġ terzi tal-flotta tiegħu wara l-ħsara li ġarrab il-vapur Gaudos, kemm l-Assoċjazzjoni Għawdxija ta’ Min Iħaddem F’Malta (AGEM), kif ukoll il-GBC saħqu fuq il-bżonn immedjat ta’ investiment fuq din il-flotta biex tlaħħaq maż-żieda qawwija ta’ passiġġieri.

    Cordina saħaq li l-vapur mistenni joħroġ minn ġewwa d-Drydocks iktar tard illum, u sejjer jerġa jibda jopera fi tmiem il-ġimgħa. “Fl-istess ħin, nifhem id-dewmien li kien hemm minn numru ta’ nies li jagħmlu użu mis-servizzi tagħna: Kellna terz tal-flotta inoperabbli.”

    AGEM: “L-Istrutturu Preżenti Mhix Qiegħdin Ilaħħqu Maż-Żieda Fid-Domanda”

    L-Assoċjazzjoni Għawdxija ta’ Min Iħaddem f’Malta (AGEM), stqarret kif il-flotta preżenti, li għandha madwar tmintax-il sena, qiegħda tbati minn bżonn ta’ manutenzjoni u tiswijiet b’mod regolari. “Iż-żmien ta’ din il-flotta qiegħda kostantament tagħmel pressjoni fuq dawk li jiddependu fuq il-Gozo Channel għall-għijxien tagħhom, kemm jekk huma ħaddiema, self-employed, jew intrapriżi.”

    “Grazzi għall-progress ekonomiku, l-attivita kummerċjali f’Għawdex qiegħda tikber, madanakollu l-istrutturi u l-operat preżenti mhux qiegħdin ilaħħqu mad-domanda, u din qiegħda tipperikola s-sostenibbilita ta’ dan il-progress.”

    L-AGEM tenniet li strutturi fissi bħal ponot jew mini “mhumiex sejrin jiġu installati f’temp ta’ ġimgħat: Aħna qiegħdin nappellaw lill-awtoritajiet biex jindirizzaw dan il-problemi immedjati fil-qasir... Nappellaw ukoll lill-awtoritajiet biex iqisu bħala prijorità t-tnedija tas-servizz Fast Ferry, u biex ma jkunx hemm iktar dewmien.”

    “Li titlaq minn Punt A f’Għawdex u tasal f’Punt B f’Malta qiegħed isir vjaġġ twil u tqil bl-iskeda preżenti. Li jinġemgħu t-traffiku fl-Imġarr u fiċ-Ċirkewwa saret in-norma, u mhix l-eċċezzjoni, filwaqt li l-postijiet ta’ parkeġġi f’dawn il-postijiet qiegħdin ikunu mimlijin.”

    L-Assoċjazzjoni kkonkludiet b’appell għall-awtoritajiet biex jindirizzaw dawn il-problemi b’mod immedjat. “Il-ħajja u l-ekonomija ta’ madwar 31,000 ċittadin tiddependi ħafna fuq l-aċċessibilita għal Malta u viċi versa.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook