Mary Rose Mallia tiċċelebra l-50 sena fix-xena mużikali Maltija

  • Mej 13, 2018 17:57
  • Miktub minn iNews

    Meta u fejn twelidt? 

    Jien twelidt f’Ħaż-Żebbuġ fi d-9 ta’ Mejju, 1953. Il-kbira fil-familja ta’ erba’ aħwa, ta’ Helen u Philip Mallia u l-unika tifla qabel tliet subien, Joe, Philip u ħija iż-żgħir Lino, li dejjem kien jiġri miegħi u ħa sehem ukoll f’bosta xogħlijiet ta’ palk. 

    Għand min tgħallimt u kif bdejt tkanta? 

    Waħdi, kont dejjem niġri mal-papà fuq il-palk, li fil-ħajja kien b’negozju, u kien jirreċta u jkanta, għalkemm l-aktar li kien jispikka kien bħala attur komiku, fejn konna nirreċtaw u nkantaw. Jien kont nisma r-Rediffusion jew nara l-programmi ta’ varjetà fuq it-televiżjoni tar-RAI u anki xi ħaġa fuq l-MTV u kont nipprova nitgħallem xi kanzunetti minn hemm. 

    Meta kont żgħira int kont tirreċta wkoll?

    Niftakar li ta’ sitt snin kont bdejt nitgħallem indoqq il-pjanu u kont inkanta, u nirreċta fl-iskola u mal-kumpanija li kien jirreċta magħha missieri - Dun Mikiel Xerri Żebbuġ, li kif għadtlek kien attur komiku tajjeb ferm, tant li meta n-nies kienu ikunu jafu li se jieħu sehem “Lippu ta’ Mariroż” kif kien magħruf, kienu jimlew sala f’Ħaż-Żebbuġ. 

    Tiftakar l-ewwel festival li kantajt fih?

    Kelli qrib id-disa’ snin u niftakar li kont kantajt “La Zanzara” li f’dak iż-żmien kienet ħarġet miz-Zecchino d’Oro. Bqajt nieħu sehem f’konkorsi tat-tfal. Kantajt f’diversi teatri fl-irħula, u maż-żmien f’diversi lukandi stabiliti u anki night clubs. 

    Meta dħalt tikkompeti f’festival hekk imsejjaħ kbir?

    Kelli 14-il sena, u dan kien il-konkors magħruf tal-Malta Song Contest tas-sena 1967. Kont ħadt sehem b’żewġ kanżunetti “Ogni Volta Che Ti Vedo” bi kliem tal-Avukat Ġorg Zammit u mużika ta’ martu Carmelina Zammit, u l-kanzunetta wkoll “Ma Ora No”, kliem wkoll ta’ Ġorg Zammit u mużika ta’ Carmelina Zammit. U flimkien ma’ Tessie Micallef kont irbaħt it-tielet post bil-kanzunetta “Ma Ora No”/“Ix-Xorti U L-Imħabba”, waqt li bil-kanzunetta l-oħra kont spiċċajt fir-raba’ post. F’dak iż-żmien il-kanzunetti kienu jkunu interpretati bil-Malti jew b’lingwa oħra fosthom it-Taljan jew l-Ingliż. U dawn iż-żewġ kanzunetti kienu wkoll spiċċaw ħarġu fuq Long Play album tal-festival, li kien ħareġ għall-ewwel darba. 

    Irbaħt festivals f’Malta?

    Iva, f’dawk taż-żgħar kelli bosta okkażjonijiet, waqt li tal-kbar, kif għidtlek, kont iddebuttat meta kelli biss 14-il sena, fl-1967 fil-Malta Song Contest, niftakar il-kanzunetta rebbieħa kienet “Serenata” bil-Malti u bit-Taljan, b’mużika ta’ Joseph Ciappara u kliem tal-Avukat Ġorg Zammit, u kantawha Joe Grech u Mary Rose Darmanin, fit-tieni post kienu ġew Marie Therese Vassallo u Doris Curmi bil-kanzunetta “Bit-Tlikki Tlikki”/“E Va Va Vanno” b’lirika ta’ Marie Therese Vassallo u mużika ta’ Frank Vassallo, waqt fit-tielet post ġejna jien u Tessie Micallef.

    Erġajt ħadt sehem fis-sena ta’ wara 1968 u rbaħtu flimkien ma’ Helen Micallef meta hi kantat “Ora Tu Capirai” u jien kantajt “Dalwaqt tkun Taf” b’lirika ta’ Albert M. Cassola waqt li l-mużika kienet ta’ Mro. Carmelo Zammit. Wara kelli diversi suċċessi oħra ta’ rebħ bħal fil-Festivals tal-Kanzunetta Internazzjonali Maltija fl-1982 bil-kanzunetta “Jekk Trid il-Hena” u diversi oħrajn. Kien minn dan il-festival, li kienu bagħtuni nieħu sehem f’festival f’Tuneż, u minn hemm kienet ġiet l-opportunità li nkompli l-karriera tiegħi barra pajjiżna. 

    Ġieli ħadt sehem f’xi festivals barra min Malta?

    Iva, kelli diversi okkażjonjiet kemm bħala festivals u anki bħala shows jew kont mistiedna wkoll biex inkanta. Fost dawn insemmi l-esperjenza f’Tokjo l-Ġappun meta ħadet sehem fi l-World Popular Song Festival bilkan zunetta “Id-Dinja Tagħna” b’lirika ta’ Alfred C. Sant u mużika ta’ Mro. Ray Agius. Kont mort wkoll fi Split il-Jugoslavja (illum Kroazja) u kont spiċċajt fis-sitt post, f’Bizerte International Festival fit-Tunezija fejn kont irbaħt l-ewwel post. Niftakar waqt dan il-festival kont iltqajt ma’ Teddy Lakis u dan kien stedinni biex immur nieħu sehem f’show, u fil-bidu ma kellix moħħ immur, għax dik il-ħabta missieri ma tantx kien tajjeb, imma xorta kien ħajjarni biex immur. Kont irrekordjat xi kanzunetti ta’ Alfred C. Sant u Mro. Ray Agius u Mro. Paul Abela għand Joe Baldacchino ta’ Smash Studio, u kont mort flimkien ma’ diversi kantanti kbar ta’ isem bħal Jennifer Rush, Imagination u Pupo.

    Apparti dan, kont anki mort bħala judge fil-Eurovision tal-1972 meta f’dik is-sena jien kelli żewġ kanzunetti “L-Imħabba” u “Fejn Tistrieħ il-Qalb”. Il-festival kien isir f’teatru, bil-finalisti jmorru fuq it-televizjoni, u kienu qalli biex inneħħi kanzunetta, li kienet “‘L-Imħabba” u tawha lil Joe Cutajar li ma kellu x’jaqsam xejn. Jien fuq it-televiżjoni ġejt fit-tieni post, b’“Fejn Tistrieħ il-Qalb” u kienu qaluli “int għandek żgħira, tilħaqq tmur”. Allura bagħtu lil Joe Cutajar, Helen Micallef ġiet fit-tielet post b’Għasfur taċ-Ċomb u peress li kienet se tiżżewweġ bagħtu lilha u lil Joe Cutajar bħala koppja, u lili bagħtuni bħala ġurija. 

    F’1971 int ħriġt l-album, li minkejja li għaddew 47 sena minn fuqu, il-kanzunetti minnu għadhom popolari sal-lum?

    Iva dak kien long play li kien iffinanzjah kollu missieri. Kien fih 12-il silta kollha miktuba minn Profs. Joe Friggieri b’mużika ta’ Mro. Charles Camilleri. Kellu kanzunetti tajbin li baqgħu popolari fosthom “It-Tfajla tar-Rdum”, “Il-Festa”, “Rajt Raġel”, “L-Għanja tas-Sajjieda” u “Pont ta’ Wied Rummiena”. Aktar tard dan l-album “Għanjiet minn Malta/ Song from Malta kien reġa’ ħareġ ukoll fuq CD fl-1996 mill-KTA Productions. 

    Apparti li kont kantanta tal-festivals, int ħadt sehem f’diversi operetti u musicals, kif kienu dawn l-esperjenzi? Issemmi wħud minnhom?

    Iva sa minn meta kont żgħira, kont nieħu sehem, niftakar “Die Fliedermaus” u “Orpheus in the Underword” kont għamilthom meta kelli biss 15-il sena, wara maż-żmien għamilt “The Merry Widow”, “Al Cavallino Bianco”, “Cin Cin La”, “Il Paese Dei Campanelli” u “Il Paese Del Sorriso”. 

    Int kont wkoll ixxurtjata li kont kisbt kuntratt barra minn pajjiżna u anke professjonalment kont bdilt ismek?

    Iva kollox beda, kif għidt minn dak il-festival li kont irbaħt f’Tuneż, fejn Teddy Lakis kien stedini biex immur nieħu sehem f’show kbir fil-Ġermanja, u minn wieħed spiċċaw tnejn għaliex kont kantajt f’Munich u Frankfurt. Kienet dik il-ħabta wkoll, li jien kont irrekordjat il-kanzunetta ma’ Teddy Lakis stess “An Island Called Amore” u wara li kont tajt show kont off ruta kuntratt minn Sasch Records u kien hawn li bdejt inkun magħrufa bħala Mary Charles, għaliex fil-Ġermanja kien hemm kantanta oħra b’isem ta’ Mary Rose, mill-ewwel kont bdejt b’impenn tiegħi li kien tour ta’ tliet xhur mal-famuż kantant Eduardo Vianello u li kien intemm bi spettaklu kbira imxandar fuq it-televizjoni RAI b’isem ta’ “Notte Delle Stelle”.

    Lura fil-Ġermanja kont irrekordjat “Blu Summer Lies” u “A Star of Clay” u kienet speċi ta’ double Aside, b’mużika ta’ Mino Siciliano u lirika ta’ Alfred C. Sant fejn kisbet suċċessi kbar bihom, tant li b’saħħa tagħhom aktar offerti komplew jaslu biex nidher f’shows televiżivi, programmi u intervisti fuq ir-radju, kif ukoll wirjiet f’teatri, night clubs u diskows rinomati madwar il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Iżvizzera. Kien hawn ukoll li ftit wara kont bdejt naħdem fi musical b’isem ta’ “La Piazza” li nista’ ngħid li kienet maħduma għalija. Kelli wkoll l-okkażjoni li matul dawn is-snin li żort diversi postijiet u nagħti wijiet hemm, fost dawn insemmi l-Italja, ir-Renju Unit, l-Awstrija, il-Libja, l-Awstralja, il-Kanada t-Turkija.

    Minn żmien għal żmien int kellek wkoll xi kanzunetti singles li ħarġu f’xi okkażjonjiet wkoll?

    Iva kien hemm xi okkażjonjiet bħal dawn, niftakar single li kelli f’1976 b’isem ta’ “Nazju tal-Ibirba” miktuba minn Albert Marshall u l-kompożitur Awstrijak Freddy Kov, il-kanzunetta uffiċjali li jsir f’Ħal Qormi San Bastjan f’attività ta’Casal Fornaro (2008), u fl-2011 kantajt waħda mill-poeżiji tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila b’mużikata’ Mro. Dominic Galea b’isem ta’ “Bjuda” li kienet ippubblikata f’CD Album Għanja – Poeżiji ta’ Dun Karm Psaila, apparti dan kelli kanzunetta wkoll meħudha mill-musical “Taħt Tlett Saltniet” (1993), u “Is-Saħħara ta’ Wied Għafrid” li kull fejn inkunu jriduni nkanta.

    X’kien li ħajrek tiġi lura lejn Malta fl-aqwa tal-karriera tiegħek?

    F’din il-karriera għamilt xejn inqas minn 16-il sena għaddejja, li fihom intaqgħat ma’ bosta personalitajiet magħrufa wkoll, bqajt għaddejha, u kien hemm żmien fejn jien stajt ninżel Malta u meta jkun hemm bżonn jagħjtuli u mmurnagħti xi shows, għax kont qed nimmisja wkoll lill-familja. Apparti dan, kelli opportunità kbira li nispiċċa l-Ingilterra, wara li kont ħriġt single 12 inch record, meta kont viċin li niffirma ma’ Hasel Dean biex ikolli l-label tiegħi biss, kien sfaxxa kollox, għaliex fl-1986 kien ċempilli ħija Lino u qalli “Mary ejja għax il-papà mhux għal magħna”. Jien għidtlu li niżla, imma għidtlu li ġejja nagħmel kunċert,wasalt Malta u kien diġà mitluf u meta mort ħdejh,kien fetaħ għajnejh u qalli“Mela ġejt” u ħalliena. “Kienet wisq iebsa, u kważi, ma ridt naf b’xejn iżjed,u kien sforz ta’ ħuti, li wara sitt xhur erġajt mort lura lejn il-Ġermanja.”

    Lura f’Malta wara xi żmien spiċċajt tirreċta fuq il-palk u anki tieħu sehem fid-drama fuqit-televiżjoni…

    Lura Malta kont ħsibt li se niġi lura u nirtira hawn bil-kwiet, imma kif jgħidu,l-artist ma’ jieqaf qatt. Mill-ewwel bdew ġejjin diversi proposti kemm għal drama u anki musicals fejn kien hemm lista twila fejn niftakar,“The King and I”,“Sound Of Music”, “Nunsens”,“The Wiz” bħala barranin,u dawk Maltin bħal “Ġensna” (1982) ta’ Mro.Paul Abela u Ray Mahoney,li kienet saret f’bosta rappreżentazzjonijiet,u sa anki saret ukoll f’Ħaġar Qim. Dan u oħrajn li kienu jsiru fl-Iljieli Mediterranji fil-ġonna tal-Argotti bħal “Spiru Cefai”(1992), “Żeża tal-Flagship”(1996), “Taħt Tliet Saltniet” (1993), “It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla” (1998) u “Erwieħ” (2003). Kelli wkoll diversi xogħlijiet ta’ drama fuq it-televiżjoni,li xi wħud minnhom ġebbdu snin twal u li wkoll kienu ta’ suċċess. Fost dawn insemmi “Salib Ħaddieħor”,“Il-Madonna taċ-Ċoqqa (1) u (2)”, “Ir-Ronnie”, “Vaganzi f’Ħal Bla Ras”, “Il-Mandraġġara”, “SaħtaFuq Ulied”, “Nies bħalna”, “Marvin”, “Midnibin” ul-popolari “Simpatiċi” għaltmien staġuni f’parti ta’Leni, il-mara ta’ Salvinu.Minbarra li kelli sehemwkoll f’diversi drammi u kummiedji fuq il-palk. Fost dawn insemmi “Santa Ċecila”,“Filumena Martunano”, “The Aspern Papers”, “Baħar Wieħed” (1,2), “Tlieta Għal Ġulietta”, “Dik l-Affari”, “Salib Ħaddieħor”, “Il-Kerrejja”, “Ritratti Sepja”, “Kavallier”, “L-Għaxar Kmandamenti”, “Friefet u Barrin”, “Valerjana” u “The Rose Tattoo”.

    Spiss narawk f’xi konkorsi,bħala parti mill-ġurija u tinkoraġixxi lill-kantanti żgħażagħ futuri. X’tikkummenta dwar dan?

    Iva, f’pajjiżna llum hawn diversi skejjel fejn qed jiġi mgħallem il-kant, (mhux bħal meta kont żgħira jien) hawn diversi kantanti mimlija talent, u jien nagħmel mill-aħjar magħhom, u gost tiegħi magħhom li nagħtihom xi parir siewi, biex ikomplu jimxu ’l quddiem fil-karriera tagħhom kemm f’Malta u anki barra għaliex le.

    50 sena f’xena mużikali u teatri, fejn kont dejjem taħdem għall-udjenza. Xi jifissru għalik?

    Jiena f’dan il-punt, nixtieq intemm billi ngħid grazzi kbira minn qalbi, lil kull min jgħinni fil-karriera tiegħi, kompożituri, awturi, atturi, diretturi ta’ palk, diretturi ta’ televiżjoni, min kitibli partijiet apposta għalija, kollha tawni l-ispinta biex nibqa’ miexja ’l quddiem b’suċċess fil-karriera tiegħi, imma fl-aħħar, ma’ nistax ma’ ngħidx grazzi kbira lill-udjenza, segwaċi u telespettaturi, għax dawn dejjem żammewni f’qalbhom b’għożża u mħabba, u dejjem tawni l-appoġġ kollu,biex jien stajt inkompli għaddejja, anki meta mort barra.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0