Seba’ snin ħabs għal involviment fit-traffikar tad-droga

  • Mej 15, 2018 18:53
  • Miktub minn iNews

    Emanuel Magri ta’ 54 sena minn Ħal Luqa kien ikkundannat seba’ snin ħabs u mmultat €6,000 wara li nstab ħati li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex tiġi traffikata d-droga eroina. 

    Huwa pero’ ma nstabx ħati li pprova jikkorrompi lil Norbert Ciappara li meta seħħ il-każ kien l-Ispettur li interrogah fid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u għalhekk kien illiberat minn din l-akkuża.

    Il-każ imur lura għal Diċembru tal-2003 meta l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienet qed tinvestiga rapport anonimu li sarilha dwar persuna ta’ nazzjonalità Bulgara li kien dieħel Malta, b’titjira minn Frankfurt u fl-Ajruport Internazjonali ta’ Malta, bid-droga.

    Din il-persuna kien raġel bl-isem ta’ Atanas Paskalev Dimitrov, li malli wasal Malta ġie osservat mill-Pulizija biex jiġi determinat jekk kienx se jagħmel kuntatt ma’ xi ħadd. Iżda meta dan ma sarx huwa ġie arrestat u interrogat fejn huwa għażel li jikkopera mal-Pulizija u aċċetta li jittieħed l-Isptar biex isirlu X-Ray tal-abdomen.

    Wara li sarlu dan l-X-Ray ġie determinat li huwa kellu kapsoli b’sustanza suspettata droga u aċċetta li jkompli jikkopera mal-Pulizija u jibqa’ l-Isptar biex jgħaddi l-kapsoli. 

    Paskalev Dimitrov aċċetta wkoll li ssir controlled delivery u xegħel mobile phone li kien ingħata mingħand min bagħtu mit-Turkija fejn ingħad lilu li kellu jirċievi struzzjonijiet fuq l-istess mobile phone malli jasal Malta u jixegħlu.

    Wara ftit minuti li dan xegħel il-mobile phone, irċieva telefonata fejn kien mistoqsi jekk kienx kollox sewwa. Wara li nżamm l-Isptar taħt osservazzjoni medika, sakemm jgħaddi l-kapsoli kollha, Atanas irċieva telefonata oħra nhar l-24 ta’ Diċembru 2003 filgħaxija. 

    L-għada, għall-ħabta tad-9.00 a.m., Atanas irċieva telefonata u fuq l-istruzzjonijiet tal-Ispettur Ciappara, huwa kien mitlub biex jgħid lil min ċempillu biex jerġa jċempel aktar tard fis-6.00 p.m..

    Huwa reġa’ rċieva telefonata u fuq struzzjonijiet tal-istess Spettur, Atanas qal lil min kien qed iċempillu li kien lest u wara din l-informazzjoni, ġie infurmat li kellu jirċievi aktar struzzjonijiet nhar is-26 ta’ Diċembru filgħodu.

    Dakinhar huwa rċieva telefonata fejn kien mitlub joħroġ fuq l-għatba tal-lukanda Valentino Hotel f’San Ġiljan, iżda peress li kien rikoverat l-isptar, il-Kuntistabbli Oliver Borg kien inkarigat biex jaġixxi minfloku.

    Il-Kuntistabbli rikeb f’taxi fejn talb li jitwassal ir-Rabat fuq is-Saqqajja ħdejn l-Imdina fejn wara xi ħin hu kien avviċinat mill-imputat Emanuel Magri, li oriġinarjament kien is-suspettat li għalih kienet destinata d-droga. 

    Wara li l-Kuntistabbli resaq fuqu, kien mistoqsi minn Magri jekk kienx Atanas u wara li tal-ewwel qallu “iva”, Magri rrisponda “ejja ejja”. 

    Il-Kuntistabbli wrieh il-basket tal-plastik li kien fih kapsoli finta magħmula mill-Pulizija u fuq ir-reazzjoni ta’ Magri, l-istess Kuntistabbli qallu “money first” u għat-tieni darba dan qallu “iva, iva, ejja”. Dak il-ħin, Emanuel Magri kien arrestat mill-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

    Fix-xhieda tiegħu, l-imputat spjega li huwa kien dilettant tal-karozzi u li b’dan il-mod kien sar jaf lil ċertu Mario Borg. Sostna li dan Borg talbu jagħmillu pjaċir u jiltaqa’ ma’ dan ir-raġel barrani biex jiġbor pakkett u jikkonsenjalu l-flus li għaddielu Borg u dan peress li dan tal-aħħar kellu jwassal lil mara x-xogħol.

    L-imputat qal li huwa ħaseb li fil-pakkett kien hemm parts tal-karozzi. Qal ukoll li qatt ma kellu bażijiet oħra konnessi mad-droga qabel u li l-anqas qatt ma kien ikkomunika ma’ xi ħadd mit-Turkija. 

    Mir-rapport tal-espert nominat mill-Qorti rriżulta li fil-35 kapsola li għadda Atanas kien hemm 546.344 gramma tad-droga eroina li l-purità tagħha kienet madwar 20%.

    Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli qalet li l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova li kien hemm ftehim bejn aktar minn persuna waħda biex tiddaħħal id-droga eroina hawn Malta mit-Turkija permezz ta’ Atanas. 

    Qalet li l-Prosekuzzjoni rnexxielha wkoll tipprova li Magri kien il-persuna li mar kemm San Ġiljan kif ukoll l-Imdina biex jieħu l-konsenja tad-droga li nġabet Malta kif ukoll li l-imputat kellu l-flus fuqu biex iħallas lil dak li huwa ħaseb li kien Dimitrov għall-konsenja tad-droga.

    Min-naħa l-oħra l-Qorti nnotat kif l-allegat tentattiv ta’ korruzzjoni sar waqt it-teħid tal-istqarrija tal-imputat. Dan kien talab biex it-teħid tal-istqarrija tiġi mwaqqfa u li l-Kuntistabbli preżenti joħroġ barra mill-kamra biex ikellem lill-Ispettur Ciappara waħdu fejn kien offrielu rigal sabiħ jekk dan kien lest li jgħinu.

    Madankollu mill-provi rriżulta li l-istqarrija ttieħdet fis-27 ta’ Diċembru 2003 u mhux fil-ġurnata ta’ qabel kif indikat fl-akkuża miġjuba kontra l-imputat. Għalhekk il-Qorti qalet li ma jirriżultax li kien sar xi tentattiv ta’ korruzzjoni tal-Ispettur Ciappara min-naħa tal-imputat fis-26 ta’ Diċembru 2003.

    Kien għalhekk li filwaqt li l-Qorti ma sabitux ħati ta’ din l-akkuża, sabitu ħati li assoċja ruħu ma’ persuni oħra bl-iskop li tkun ittraffikata d-droga eroina u kkundannatu seba’ snin priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €6,000. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-flus misjuba fuq l-imputat favur il-Gvern ta’ Malta.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook