“Din hija l-ħdura li hawn għalina. Nies ħodor u li jobogħduna kuljum għax nagħmlu xogħolna”

  • Mej 16, 2018 08:12
  • Miktub minn iNews
"

    “Din hija l-ħdura li hawn għall-Pulizija”

    Jisħaq dan l-Ispettur Sandro Camilleri, President tal-POU-GWU wara li Pulizija tat-Traffiku safa mtajjar minn żagħżugħ ta’ 17-il sena li kaxkru 400 metru u għadda minn fuqu; il-Pulizija tilef il-parti ta’ idu mill-minkeb ‘l isfel filwaqt li ż-żagħżugħ mistenni jitressaq il-Qorti llum

    “Din hija l-ħdura li hawn għalina. Nies ħodor u li jobogħduna kuljum għax nagħmlu xogħolna” 

    Hekk saħaq l-Ispettur Sandro Camilleri, President tal-POU-GWU, f’kumment fuq il-midja soċjali ftit wara li seħħ l-inċident li fih Pulizija tat-Traffiku safa mtajjar minn żagħżugħ ta’ 17-il sena u li kaxkru għal diversi metri qabel ma ħarab minn fuq il-post. 

    L-Ispettur Camilleri qal li l-Kuntistabbli Simon Schembri, li għandu 48 sena, huwa membru tagħhom u ħeġġeġ lill-pubbliku jitlob għalih. Huwa rringrazzja lil sħabu l-pulizija li arrestaw lil dak li b’mod vili u bi ħdura tajjar lil Schembri, baqa’ jkaxkru u għadda minn fuqu. 

    Kienu bosta dawk li esprimew ir-rabja tagħhom għaż-żagħżugħ ta' 17-il sena minn Ħal Tarxien u fuq Facebook użaw kliem dispreġġjattiv fil-konfront tiegħu waqt li fl-istess ħin esprimew solidarjeta mal-pulizija, Simon Schembri.

    Il-Kuntistabbli Schembri kien wieħed minn tliet pulizija tat-traffiku li tliet snin ilu akkumpanjaw mara tqila u żewġha minn ġot-traffiku biex tkun tista’ tasal fil-ħin l-isptar qabel twelled.

    Sadanittant, dan is-sit jinsab infurmat, minn sorsi qrib il-Pulizija, li ż-żagħżugħ li tajjar lill-Kuntistabbli Schembri mistenni jitressaq il-Qorti llum.

    L-inċident tat-Tlieta seħħ għall-ħabta tat-7.40 a.m. fi Triq Ħal Qormi waqt li Schembri, missier ta' tlitt itfal, kien ħdejn ir-rawndebawt li min-naħa ta' Ħal Luqa tinżel lejn Ħal Qormi.

    Meta l-pulizija, li huwa minn Raħal Ġdid, lemaħ il-ġuvnott isuq vettura tat-tip Mercedes talbu biex jieqaf ħalli jara għandux liċenzja tas-sewqan u polza tal-assikurazzjoni.

    Kien f'dan il-mument li jidher li l-ġuvnott beża’ u saq minn fuq il-post fejn mhux biss laqat lill-pulizija imma kaxkru madwar 400 metru.

    Il-Kuntistabbli Schembri, missier ta' tlitt itfal, sofra ġrieħi serji f'diversi partijiet ta' ġismu tant li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu u l-'crash helmet' li kellu nkisret. F'partijiet mit-triq kien hemm anke dmija.

    Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn saritlu operazzjoni li ħadet diversi sigħat u aktar tard sar magħruf li kien tilef il-parti ta’ idu mill-minkeb ‘l isfel. 

    Fuq il-post tal-inċident issejħu pulizija mir-Rapid Intervention Unit u dawk mis-Sezzjoni tat-Traffiku li magħha huwa stazzjonat Schembri.

    Hawnhekk bdiet tfittxija għaż-żagħżugħ fejn eventwalment instab jistaħba ġo għalqa fl-inħawi Ta' Kandja bil-Mercedes ftit metri bogħod. Il-karozza kienet tidher li kellha daqqa kbira fuq il-ġenb u taħtha kien hemm roqgħa żejt konsiderevoli.

    Il-ġuvnott kien arrestat u ismu beda jixxandar fuq ċertu mezzi tax-xandir kif ukoll fuq dawk soċjali anke jekk bħala minorenni hemm dubji dwar jekk dan għandux isir jew le.

    L-inċident wassal għal kjuwijiet twal ta' traffiku li affettwa l-inħawi u ġab miegħu kummenti ta' stmerrija fil-konfront taż-żagħżugħ u ta' appoġġ għall-pulizija u familtu.

    Il-President tar-Repubblika Marie-Louise Coleiro Preca appellat lill-pubbliku biex jitlob għal Schembri.

    Fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat esprima s-solidarjeta tiegħu ma' Schembri u s-sodisfazzjon li l-allegat aggressur inqabad mill-ewwel.

    Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-ħsibijiet tiegħu huma mal-pulizija u familtu.

    Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali Michael Farrugia, li taħtu jaqa' il-Korp tal-Pulizija, appella għat-talb ħalli l-pulizija jirkupra mentri d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li jaf lil Schembri bħala pulizija eżemplari u iddeskriva lill-aggressur bil-kelma “bastard”.

    L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija wkoll ikkundannat l-attakk u esprimiet it-tħassib tagħha li dak li ġara kien riflessjoni ta' soċjetà li kulma jmur nieqsa mid-dixxiplina u r-rispett lejn l-awtorità.

    L-Avukat Jason Azzopardi ma kienx l-unika wieħed li ikkummenta b'ċertu ton fil-konfront taż-żagħżugħ għax kien hemm min anke iddeskrivih bil-kelma “bhima” u “bestja”.

    Kien hemm min ukoll qal li jittama li jaqla' xebgħa sakemm ikun miżmum fil-ħabs waqt li ieħor kiteb li jittama li waqt li jkun qed jiġi skortat lejn il-ħabs “jaqa’”.

    Ma naqsux kummenti dwar kemm għandu jeħel ħabs u kien hemm bosta li qalu li jittamaw li meta jitressaq fil-Qorti u jingħata l-piena din ma tkunx waħda żgħira.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0