“Is-Soċjetà ġġib diżabbli lil persuna”

  • Mej 17, 2018 08:25
  • Miktub minn iNews

    Raġel bi spina bifida jilmenta ma’ dan is-sit dwar l-użu tal-kelma ‘diżabiltà’

    “Jien twelidt bil-kundizzjoni spina bifida.Maż-żmien bdejt immur l-iskola bħal tfal oħra imma dejjem sibt nies li raw il-kundizzjoni tiegħi qabel ma raw x’nista’ noffri.”

    Dan qalu Noel Aquilina waqt li qasam l-esperjenza tiegħu ma’ inewsmalta.com.

    Huwa qalilna li issa għandu 40 sena u rnexxielu jagħmel ħafna affarijiet, “mhux biex niftaħar għax niddejjaq nagħmel hekk, imma biex tinqata’ din l-istigma li nies li għandhom xi diżabilità ma jistgħu jagħmlu xejn.”

    Intant, huwa tkellem kif qabel meta kien imur l-iskola, hu u tfal oħra li kellhom xi diżabilità kienu jibgħatuhom il-librerija minflok ma’ jagħmlu l-lezzjoni tal-isports bħal tfal oħra.

    “Imma jien kont motivat u bdejt ngħid li jekk sħabi qed jagħmlu PE lesson, jien ukoll għandi dritt li nagħmel il-lezzjoni għax kulħadd kapaċi.”

    Diżabiltà jew abiltajiet differenti?

    “Jiena bniedem li ma nemminx fil-kelma diżabilità imma naħseb li aħjar jintuża t-terminu abilità. Kull wieħed u waħda minnha għandna abiltajiet differenti u qegħdin fid-dinja biex kulħadd jagħti l-kontribut tiegħu.”

    Huwa stqarr li hu minn dejjem kien ribelluż, “u nemmen ħafna fir-ribelljoni.” 

    “Ma naqbilx li ħafna nies jibqgħu konformi man-normi tas-soċjetà għax jekk nibqghu konformi mhu ha nibdlu xejn. Ħa nkunu qed ngħixu ħajja statika mingħajr okkażjoni biex nikbru bħala persuni,” kompla jgħidilna Noel.

    Huwa jinsab kuntent u jirringrazzja li dejjem kellu s-saħħa biex jagħmel attivitajiet sportivi. Fejn ra li ma setax jipparteċipa għal xi raġuni, għamel min kollox biex isolvi l-problema.

    Huwa rrakkonta li għamel “numru ta’ ability challenges li minnhom tgħallimt ħafna. Darba b’ċajta wieħed qalli biex naghmlu miċ-Ċirkewwa sa Birżebbugia bir-rota tal-idejn u kien hemm xi ħadd ieħor li qal li mhux ser nasal.”

    “Mhux talli ma għamilt xejn, talli irnexxilna nagħmlu minn Messina ghal Pozzallo fi 3 t’ijiem. Jien fejn jidħol sports tantx tiċċajta miegħi,” qal bid-daħka Noel.

    Sfortunatament, hu qalilna li  minn dik l-esperjenza tgħallem li dixxiplini sportivi għal persuni b’diżabiltà mhawnx ġewwa Malta.

    “B’unur kbir ngħid li nifforma parti mill-Malta Paralympic Comitee, fejn niltaqgħu kull nhar ta’ Tnejn. Inħeġġeġ lil kull min jixtieq jipprova jista’ jiġi għax għandna tifel ta’ 10 snin u nibqgħu sejrin sal-40 sena, li hu jien.”

    B’ton ferm huwa qasam magħna li issa ser jagħmel operazzjoni maġġuri. Mistoqsi jekk hux jibża jew jaqta qalbu li sab bieb iehor magħluq, huwa stqarr li jara din l-esperjenza bħala “motivazzjoni ġdida” u “looking forward li tasal u nibda rehabilitation.”

    Huwa ftakar meta fl-2011 kellu jagħmel amputazzjoni. “Kont insib motivazzjoni mit-terapija li kont immur nagħmel filgħodu. Kont nagħmel ġranet sħaħ ta’ dwejjaq id-dar ma nagħmel xejn allura t-terapija tatni l-motivazzjoni biex nibqa’ nimxi ‘l quddiem.”

    “Is-sulluzzu tas-soċjetà beda meta nħolqot il-kelma normali”

    Mistoqsi xi tfisser li tkun normali, Aquilina qal u ħeġġeġ lin-nies biex jieqfu jaħsbu li l-kelma normali teżisti.

    Huwa stqarr li “hija s-soċjetà li ġġib diżabbli lil persuna. Għandna naħdmu billi inkunu aħna stess l-avukati tagħna fejn immexxu l-kelma li wara diżabiltà hemm abiltà ukoll. Nemmen ħafna li l-mezz tal-media huwa mezz importanti.”

    Huwa tkellem li d-diżabiltà tiegħu jixtieq jużaha bħala għodda biex jattira lil ħaddiehor. “Jien ma qtajtx qalbi, mela qas ħaddiehor m’għandu jagħmel hekk.

    Sfortunatament inhobbu nagħmluha li nagħmlu timbru. Fil-fatt kollox beda meta inħolqot il-kelma normali, dak li nsejjaħlu s-sulluzzu tas-soċjetà.”

    “the sky is the limit”

    Noel ipparteċipa anke fil-Half Marathon ta’ Malta allavolja stqarr li biex daħal ma kinitx faċli għax kellu jgħaddi minn ħafna proċedura li ħaddiehor ma jgħaddix minnha “fosthom kelli niffirma li jekk jiġri xi ħaġa jew nweġġa lil ħaddiehor, ikolli nbati ħajti kollha.”

    Huwa jemmen li hawn ħafna talent hawn Malta u jixtieq nagħti l-opportunità li qatt ma kellhu lil ħaddiehor. Dwar dan, tkellem kemm jinsab kuntent li jifforma parti minn dan il-kumitat, Malta Paralympic Comitee,  u ser jaħdem ħafna biex imexxi dan il-kunċett ‘il quddiem.

    Noel kompla jgħid li jaħseb “li xi kultant inkunu ħa ngħaddu minn xi sitwazzjonijiet u nibżgħu iktar. Imma jien naħseb li jekk naffrontawha, veru mhux faċli, imma jirnexxilna ngħelbuha. Wara kollox the sky is the limit - mhemmx limitu imma l-ħsieb huwa kollox. Il-ħsieb huwa nofs il-fejqan.”

    Huwa stqarr li kien jahdem ħafna b’qalbu, “imma issa qed nitgħallem nuża iktar moħħi ghax jaqbilli. Meta tuża qalbek tispiċċa tweġġa, u jista’ jkun ta’ detriment għad-dinjità tal-bniedem,” temm jgħidilna Noel.

    Spina Bifida

    Spina bifida hija difett fit-twelid fejn ikun hemm għeluq mhux komplut tas-sinsla tad-dahar u l-membrani madwar is-sinsla. Hemm tliet tipi ewlenin: spina bifida occulta, meningocele u myelomeningocele. L-aktar post komuni huwa l-parti t'isfel tad-dahar, iżda f'każijiet rari jista’ jkun in-naħa tan-nofs jew l-għonq. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook