inewsmalta.com



“Dik it-trawma li tħallik bla ħajja” … tesperjenza vjolenza domestika sa minn meta kellha 5 snin

  • Ġun 12, 2018 14:29
  • Miktub minn iNews

    Miriam (* isem mibdul għal raġuni ta’ anonimità) hija mara li llum għanda 39 sena. Hija rrakkuntat magħna li kienet vittma ta’ vjolenza domestika sa minn meta kellha 5 snin u tgħid li kienet diffiċli ħafna għaliha li tqum fuq saqajjha minn din it-trawma hekk kiefra li damet għadejja minnha għal 34 sena sħaħ.

    Hekk kif illum niċċelebraw Jum Dinji kontra l-isfruttament tat-tfal fejn jidħol ix-xogħol, Miriam tirrakkontalna li għalkemm m’għadditx minn din it-tip ta’ vjolenza, hija xorta kienet vittma ta’ vjolenza oħra mill-età tenera ta’ 5 snin.

    Miriam tgħidilna li għaliha kienet diffiċli ħafna li tiġi emnuta anke ħabba l-fatt li dak iż-żmien il-vjolenza domestika kienet għadha taboo kbir, kif ukoll anke ħabba l-fatt li hi kienet ġejja minn familja li kważi kulħadd kien ipingija bħala “familja ideali ħafna”. Din is-sitwazzjoni ukoll għamlitha diffiċli iktar biex titkellem dwar dak li kienet għadejja minnu, speċjalment ħabba l-fatt li Malta hija żgħira u nies jafu lil xulxin.

    Fiż-żmien li Miriam kienet għadejja minn din it-trawma tal-vjolenza domestika, ma kienux għadhom jeżistu ċerti servizzi  bħalma hawn illum, imma kien hemm biss is-servizz tal-Appoġġ, li Miriam ukoll kienet bdiet tibża tagħmel użu minnu, minħabba l-fatt li kienet tibża li ser tiġi b’xi mod ittimbrata jew mifhuma ħażin. 

    Meta Miriam kellha 15-il sena hi ddeċidiet li ma setgħetx iżomm iktar dak kollu li kienet għadejja minnu, u hi spjegatilna li dak il-perjodu kien l-agħar żmien ta’ ħajitha “fejn jien kont mhux biss għadejja mill-eżamijiet tal-iskola imma ukoll għadejja minn esperjenzi koroh fosthom tal-abbuż sesswali. Darba minnhom ma flaħtx inżomm iktar u kont naf li hemm qassis li qed jgħin lil min hu fil-bżonn u bla ma kont naf mort ġo din id-dar ta’ hena u tama u sibt lil dan il-qassis fejn tkellimt miegħu dwar dak li kont qed ngħaddi minnu.”

    “Kienet iebsa ħafna għalija li nitkellem, imma bħal donni kont naf li ser niġi mhux biss mismugħa imma anke ser niġi mgħotija l-għajnuna li kelli bżonn minn kull aspett. Il-fatt li tkellimt ma’ xi ħadd u ma ttimbranix jew iġġudikani għalija kienet importanti ħafna. Wara li tkellimt, dan il-qassis kien hu stess li ħadni ġewwa l-għassa tal-lokal fejn hawn l-ewwel ħaġa li qaluli kienet: “isma taf hux li jekk ħa tirraporta trid titla l-qorti, u int x’għandek tirraporta, ġejja minn familja tant sewwa, mhux aħjar taħfrilhom u ma taqlax nkwiet, kulħadd jaf x’familja intom hawn, kemm intom familja unita’”.

    Miriam tirrakkonta li dawn il-kliem li ntqal lilha mil-pulizija tal-lokal, poġġewha f’pożizzjoni antipatika ħafna tant li għal dak il-mument qatet qalbha u reġgħet telqet lura lejn id-dar fejn hi stess hemm kienet qed tiġi abbużata.  Wara xi sentejn li ma felħitx iżżomm iktar Miriam iddeċidiet li terġa’ tmur tfittex lil dak il-qassis u titkellem miegħu dwar dak li kienet reġgħet għaddiet minnu, imma  din id-darba dan il-qassis mhux biss mar ma Miriam ġewwa l-għassa tal-lokal talli ukoll ħa lil Miriam għand is-SW tal-Appoġġ. 

    Wara dakinhar ittiħdet ġewwa dar għal nisa li għaddew minn xi tip ta’ vjolenza domestika, fejn hawn hi ngħatat l-għajnuna kollha li kellha bżonn mil-aspett ta’ SW u anke biex tkompli bl-istudji u karriera tagħha. Hi żiedet ukoll li dak iż-żmien jekk wieħed kellu bżonn avukat biex tiftaħ każ il-qorti trid tħallas għalih u hi ma kellix daqsekk flus, għax kienet għadha studenta. 

    Wara ħafna żmien ta’ abbuż Miriam, iddeċidiet li mhux biss tfittex għajnuna psikoloġika dwar it-trawma li għaddiet minnha imma anke tfittex li tieħu pariri legali, mingħand organizazzjonijiet u entitajiet li dak iż-żmien ma kienux jeżistu. 

    Miriam tisħaq magħna l-bżonn li tkompli tinħoloq iktar informazzjoni u għarfien dwar il-vjolenza domestika sabiex it-taboo jispiċċa. Hi tisħaq l-importanza li aktar nies li għaddejin minn din il-problema jitkellmu mill-ewwel u mhux jilħqu jistennew sakemm il-problema teskala imma jitkellmu mil-ewwel dwar il-problema ma xi ħadd li jistgħu jafdaw, kif ukoll jagħmlu użu mis-servizzi li hawn fil-komunita’ li dak iż-żmien ma kienux jeżistu.

    Miriam saħqet ukoll l-importanza li jkun hemm xi forma ta’ one stop shop bħalma hawn f’qosma oħra fuq dawn l-affarijiet fejn il-vittma ssib l-għajnuna kollha li jkollha bżonn.

    Minn hawn hi xtaqet tagħmel appell lill-Gvern Ċentrali li mill-aspett ta’ vittma huwa importanti li tissaħħaħ il-liġi bħalma diġà ssaħħet imma huwa importanti li bħala Gvern jinvesti f’dawn il-one stop shops sabiex tkun iktar faċli għal vittma biex mhux biss tirraporta l-każ imma anke issib is-servizzi kollha fejn għandhom x’jaqsmu l-vjolenza domestika taħt saqaf wieħed.

    Miriam tgħid ukoll kemm hu importanti li jkun hemm forma ta’ referral fejn il-vittma tagħti l-kunsens li tiġi mgħoddija informazzjoni neċessarja lill-profesjonisti involuti fil-każ, u dan sabiex il-vittma tiffranka milli terġa’ tirrepeti t-trawma li tkun għaddiet minnha, u fl-istess ħin din itaffi mil-istess tbatija għal-vittma. Miriam hawn sostniet il-punt li hi bħala vittma għaddiet min diversi drabi fejn hi kellha terġa’ tiftaħ il-ferita minħabba l-fatt li ma kinetx mogħtija l-informazzjoni neċessarja lill-entitajiet li kellha bżonn is-servizz tagħhom u għalhekk kellha terġa’ tiftaħ il-ferita diversi drabi.

    Hija kompliet tgħid li “huwa ta’ importanza kbira li jintlahaq iktar awenress fuq il-vjolenza domestika speċjalment mat-tfal, ghax it-tfal li jkunu qegħdin jiġu abbużati b’xi mod, dawn isibuha diffiċli ħafna sabiex jitkellmu dwar dak li jkunu għadejin minnu, imma fl-istess ħin jekk ġewwa l-iskejjel ikun hemm xi forma ta’ puppet shows fuq it-tema ta’ vjolenza domestika it-tfal li jkunu għadejin min xi tip ta’ vjolenza jkunu jistgħu iktar faċli li jitkellmu.”

    “Qatt mhu tard li titkellem fuq dak li tkun għadejj/a minnu. L-importanza hi li ssib nies li jifmhuk u jgħinuk sabiex il-vittma ma tkomplix tħossha waħedha, anzi ssib is-support ta’ nies professjonisti li lesti mhux biss sabiex jigwidaw il-vittma imma anke jgħinu lill-vittma tqum lura fuq saqajha u terġa’ tibda tħares lejn il-ħajja mil-lenti pożitiva,” temmet tgħidilna.

    (* informazzjoni grazzi għall-għajnuna ta’ Melanie Agius.)

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook