Carlos Alberto Parreira: L-Essenza tal-logħba huwa t-talent

  • Ġun 13, 2018 15:24
  • Miktub minn iNews
"

    Il-coach leġġendarju Brażiljan, Carlos Alberto Parreira, se jmexxi it-Technical Study Group tal-FIFA fit-Tazza tad-Dinja 2018 fir-Russja. Meta ilu parti minn kull tournament minn Ingilterra 1966, it-TSG se jap­plika l-professjonalitá konsiderevoli tal-football biex janalizza l-logħbiet waqt il-kompetizzjoni.

    Parreira nnifsu ta prova tar-rikonoxximent tiegħu tal-logħba fl-iktar livell għoli, fejn wassal lil pajjiżu biex jiġi nkurunat champion tad-dinja fl-Istati Uniti 1994.

    Sadanittant, huwa anke kien fil-kmand ta’ rekord ta’ ħames timijiet fil-finali, fejn mexxa lill-Kuwajt (1982), l-Emirati Għarab Magħquda (1990), il-Brażil (1994 u 2006), is-Sawdi Arabja (1998) u l-Afrika t’Isfel (2010).

    Parreira ġie intervistat mill-FIFA.com fuq iż-żmien li għamel isegwi minn fuq il-linji u x’qed jistenna li jara fir-Russja.

    Liema hi l-iktar Tazza tad-Dinja li tiftakar?

    Nista’ insemmi tnejn? (jitbissem) Mhux għax spiċċajna darbtejn champions tad-dinja, iżda fl-1970 kienet l-ewwel sena tiegħi bħala membru tal-istaff tal-coaching u niftakar kollox fuqha: naħdem ma’ Pele; sirna l-ewwel champions tad-dinja tliet darbiet fl-istorja. U wara, minħabba d-diffikultajiet li kel­lna, fl-1994, meta jien kont il-head coach. Konna ilna 24 sena ma nirbħuha, xi ħaġa li l-partitarji Brażiljani ma kienu kuntenti xejn b’dan. Kien hemm ħafna pressjoni u kienet diffiċli. Dawk huma t-tnejn, iżda kollha huma speċjali.

    X’inhu l-iktar speċjali: tara lil Pelé minn fuq il-bankina fl-1970 jew tirbaħ it-trofew bħala coach fl-1994?

    Kollha tħosshom differenti iżda importanti xorta waħda. Kien pri­vileġġ li naħdem mal-aqwa player fl-istorja, u niftakar dan, iżda anke li jkollok lilu bħala ħabib sal-lum il-ġurnata. Qatt m’aħna se ninsew il-mawra li kellna biex sirna cham­pions: il-logħbiet, l-altitudni, u kemm kienet diffiċli. Għalhekk nagħmel dan fuq l-istess livell: naħdem ma’ Pele u nkunu champions tad-dinja fl-1970. Li tirbaħ hija l-ħaġa li tispikka: Cesar Luis Menotti fl-1978, Carlos Bilardo fl-1986, Mario Zagallo fl-1970. Kull meta niġi introdott x’imkien, qatt ma jsemmu dak kollu li għamilt fil-football Għarbi jew fil-Brażil, iżda huma jgħidu, ‘Carlos Alberto Parreira, ir-rebbieħ tar-raba’ Tazza tad-Dinja tal-Brażil’. Tħalli marka. Għalhekk dan kollu huwa speċjali ħafna.

    Liema huwa l-aspett rimarkabbli tal-evoluzzjoni tal-football minn Messiku 70?

    Din il-mistoqsija ssir ħafna u t-tip nostalġiku jgħidulek li l-football kien iktar sabiħ u pjaċevoli biex issegwih u li l-logħba tal-lum hija iktar robotika u mgħaġġla. Jien ma narahiex hekk. Kien hemm trasformazzjoni. Hija differenti, u differenti ħafna. Sat-Tazza tad-Dinja 1966 fl-Ingilterra kont tilgħab u jħalluk tilgħab. Li kien jispikka kien it-talent individwali. Imbagħad wara l-1966 ġiet l-evoluzzjoni l-kbira: “Ilgħab u tħallix lil min jilgħab”. L-attakkanti bdew jgħinu lid-difiża, l-ispazju sar kumpatt, il-player fil-pussess ġie ppressat, u kollox sar mgħaġġel.

    Li jgħaġġibni llum huwa l-pass li bih mid-difiża jmorru għall-attakk. Hija tal-għaġeb! Fis-snin 70 il-players kienu jiġru bejn erba’ u sitt kilometri u llum bejn 12 u 14 kilometri. Kuntent li t-tattiċi nbidlu, iżda dejjem se ngħidu li l-essenza tal-logħba huwa t-talent. It-talent dejjem jagħmel id-differenza. Jekk trid tirbaħ it-Tazza tad-Dinja, dej­jem irid ikollok tnejn jew tliet players li jispikkaw: bħal Neymar, Lionel Messi, Cristiano Ronaldo. Huma dejjem jagħmlu d-differenza, li huwa tajjeb għall-football. 

    Xi kwalitá ta’ football qed tistenna li tara fil-Brażil?

    Eżattament dak: football fejn it-timijiet jilagħbu bħala timijiet u jiddefendu b’ħafna players kemm hu possibbli, jippressaw u wara jagħmlu kontrattakk veloċi. Timijiet kumpatti ħafna. B’ħafna players wara l-ballun, jagħlqu l-ispazju u jilagħbu b’veloċitá fl-attakk.

    Kien hemm ħafna goals fil-Brażil 2014. Qed tistenna l-istess din id-darba?

    Mistoqsija tajba. Huwa diffiċli tgħid. Qed nistenna medja tajba, iżda forsi mhux waħda li tikser ir-rekord għaliex id-difiżi se jagħmluha diffiċli għal dan. Jien inbassar Tazza tad-Dinja missielta ħafna u numru tajjeb ta’ goals. 

    Inti kont membru tat-Technical Study Group f’avvenimenti preċedenti tal-FIFA. X’se jagħmel Russja 2018 differenti?

    Jien bdejt fih fit-Tazza tad-Dinja 2002 u wara għamilt l-Olimpjadi ta’ Londra u ta’ Rio de Janeiro wkoll. Issa hemm direzzjoni ġdida. Nitkellmu ħafna u l-iktar ħaġa importanti hija li nkomplu nanalizzaw it-timijiet, it-tendenzi fil-football u n-numru ta’ passes. Iżda se jkun hemm aspetti oħra li se nanalizzaw ukoll, għax it-Tazza tad-Dinja u partikolarment iċ-champions dejjem iħallu wirt.

    Aħna kurjużi fuq ħaġa waħda partikolari: kif se jilagħbu ċ-cham­pions tal-2018? Per eżempju, l-Italja rebħuha fl-2006 u 60% tal-goals tagħhom ġew minn set-pieces.

    M’għandix dubju li l-abbiltá teknika se tagħmel id-differenza kollha, kif ukoll l-abbiltá li tilgħab bħala team. Dak li qed nittamaw mill-Brażil, li għandhom it-talent individwali f’Neymar, Philippe Coutinho u Gabriel Jesus. Iżda ma tistax twarrab l-aspett kollettiv. U dan japplika lil kull team.

    X’se jkun l-impatt tal-VAR?

    Li qed nistenna li nara huwa t-tmiem ta’ kull dubju, inċertezzi u deċiżjonijiet mhux korretti, li kul­tant jinfluwenzaw ir-riżultat finali. Dan se jispiċċa u se tagħmel lir-referees iħossuhom iktar sikuri. Għalhekk dak li se tieħu huwa li l-aħjar team jirbaħ, u mhux għax ir-referee għamel żball. Se jkun ta’ għajnuna kbira u se jagħmel ir-riżultati aktar konsistenti, għax l-uniku fattur effettiv fuq ir-riżultat se jkun il-football innifsu. Din se tkun l-ewwel darba li se jiġi wżat, għalhekk huwa normali li jkun hemm minn ikollu d-dubju, iżda naħseb li se taħdem. Ħadd mhu se jkollu triq skabruża.

    Wara tliet Tazzi tad-Dinja mirbuħa minn timijiet Ewropej, jista’ team mhux Ewropew jirbaħ it-titlu fir-Russja?

    Jekk qed tħares lejn team mhux Ewropew li jirbaħ din it-Tazza tad-Dinja, dan irid ikun wieħed mill-Amerika t’Isfel. Hemm żewġ timijiet biss li jistgħu jwaqqfu din is-sensiela, u dawn huma l-Brażil u l-Arġentina.

    Ħafna jgħidu l-Arġentina ma marrux daqstant tajjeb fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni, iżda huma għandhom it-tradizzjoni u l-aqwa player fid-dinja, li huwa Messi.

    U l-Brażil għandhom l-aqwa attakk fid-dinja b’Coutinho, Neymar, Gabriel Jesus, Roberto Firmino u Douglas Costa. Ħadd m’għandu players bħalhom li kapaċi jrebbuħ il-logħbiet.

    Ovvjament, għalkemm dan mhux l-iktar ħaġa important li trid biex tirbaħ, irid ikollok team li jkun bilanċjat.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0