Xogħlijiet tat-toroq bil-lejl fil-Marsa u Santa Venera

  • Lul 10, 2018 20:07
  • Miktub minn iNews

    Matul il-lejl li għadda, Transport Malta bdiet għadd ta’ xogħlijiet tat-toroq f’postijiet differenti matul ir-rotta arterjali bejn il-mini ta’ Santa Venera u Triq Diċembru 13, fil-Marsa.

    Dawn ix-xogħlijiet, li se jkomplu għal diversi jiem, jagħmlu parti minn tliet proġetti infrastrutturali ewlenin sabiex itejbu l-kwalità, s-sigurtà u l-effiċjenza ta’ din il-parti tas-sistema tat-toroq f’pajjiżna. Dawn l-investimenti infrastrutturali jikkonsistu fit-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass, titjib ta’ partijiet minn Triq Diċembru 13 u diversi ħoloq li jinfdu minnha u l-Marsa Junction Project, li jinkludi l-iżvilupp ta’ intersection ta’ seba’ flyovers fi Triq Aldo Moro, bejn il-Marsa u Raħal Ġdid.

    Il-proġett tal-Marsa-Ħamrun Bypass

    L-ewwel xogħlijiet bdew ilbieraħ filgħaxija u jkomplu lejl u nhar fil-ġranet li ġejjin. Ix-xogħlijiet jikkonsistu fi tqattigħ ta’ trinek fin-niżla (slip road) li tgħaqqad il-karreġġjata tal-Marsa-Ħamrun Bypass fid-direzzjoni lejn in-nofsinhar tal-pajjiż, mar-roundabout bejn Ħal Qormi u Santa Venera, li tinsab taħt il-flyover li tifforma parti mill-istess bypass, u Triq Ħal Qormi (fl-inħawi tal-uffiċini tal-Maltapost). 

    Dawn it-trinek ser jintużaw biex fihom jitpoġġew sistemi tad-distribuzzjoni tat-telekomunikazzjoni, elettriku u ilma taħt l-art, bħala parti mill-proġett ta’ €5 miljun biex jiżdiedu żewġ korsiji fil-Marsa-Ħamrun Bypass. Dawn iż-żewġ korsiji, li mistennija jitlestew u jinfetħu għall-pubbliku sal-aħħar tas-sena, se jeliminaw numru ta’ diffikultajiet li bħalissa joħolqu dewmien fl-ivvjaġġar.  Fost oħrajn, dan il-proġett ser jelimina l-ixkiel li hemm bħalissa hekk kif toħroġ mill-mini ta’ Santa Venera fid-direzzjoni tal-Marsa, hekk kif it-triq tidjieq minn żewġ korsiji għal waħda. Din id-diffikultà ser tingħeleb permezz ta’ waħda miż-żewġ korsiji ġodda, li biha tkun tista’ tibqa’ għaddej mingħajr perikli u dewmien.

    Biex ix-xogħol ikun jista’ jsir kif meħtieġ, din in-niżla ser ikollha tingħalaq għall-vetturi għal ftit jiem. Dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi huma mħeġġa jużaw rotot alternattivi jew isegwu t-tabelli li tpoġġew fil-Marsa-Ħamrun Bypass biex jindikaw dawn id-devjazzjonijiet meħtieġa. Rotot tat-trasport pubbliku li jgħaddu minn din ir-rotta ser jgħaddu minn toroq oħra fil-qrib, sabiex ma jkunx hemm diffikultajiet fl-iskedi tal-karozzi tal-linja.

    Proġett ta’ titjib fi Triq Diċembru 13

    Fl-istess waqt, fil-jiem li ġejjin, ser ikun hemm ukoll xogħlijiet oħra bil-lejl u binhar, fi Triq Diċembru 13, aktar lil'hinn fl-istess rotta minn u lejn in-nofsinhar tal-pajjiż. Minkejja li waqt dawn ix-xogħlijiet jeħtieġ jingħalqu xi korsiji (lanes) sabiex jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u tal-persuni li jivvjaġġaw fit-toroq, madankollu din it-triq ser tibqa’ miftuħa fiż-żewġ direzzjonijiet f’kull ħin. Ix-xogħlijiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-aċċess għal din it-triq qed jiġu ppjanati li jsiru bil-lejl, biex jiġu evitati diffikultajiet fl-aktar ħinijiet li jkun hemm ivvjaġġar f’din ir-rotta.

    Dawn ix-xogħlijiet fi Triq Diċembru 13 jiffurmaw parti minn investiment ta’ €2.5 miljun imħabbar ftit tal-ġimgħat ilu sabiex jiġu mibnijiet mill-ġdid, b’disinn aħjar, partijiet minn Triq Aldo Moro, Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass. B’hekk, jintaqqsu r-riskji ta’ inċidenti kif ukoll il-ħin tal-ivvjaġġar f’din ir-rotta ewlenija tal-pajjiż.

    Fi żmien ftit xhur oħra, dan il-proġett ser ikun qed itejjeb medda ta’ erba’ kilometri ta’ toroq arterjali li jgħaqqdu flimkien l-infrastruttura ġdida li qed tiġi żviluppata permezz tal-proġetti tal-mini ta’ Santa Luċija u l-proġett ta’ seba’ flyovers fi Triq Aldo Moro, bejn il-Marsa u Raħal Ġdid fuq naħa, u t-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass fuq in-naħa l-oħra f’Santa Venera. Dan l-investiment jinkludi l-bini mill-ġdid tar-roundabout fi Triq Aldo Moro fl-inħawi tas-Salib tal-Marsa, it-twessigħ ta’ parti minn Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass kif ukoll il-bini ta’ diversi korsiji ġodda biex ikun aktar faċli li tivvjaġġa bejn dawn it-tliet toroq. It-telgħa b’korsija waħda li bħalissa tgħaqqad il-kareġġjata lejn it-tramuntana ta’ Triq Diċembru 13 mal-Marsa-Ħamrun Bypass ser titwessa sabiex ikollha korsija oħra. Fl-istess waqt, it-telgħa li tgħaqqad il-karreġġjata ta’ Triq Diċembru 13 mal-istess Bypass ser tiġi mtejba wkoll sabiex jonqos ir-riskju ta’ aċċidenti.

    Minbarra li se jagħmel dawn it-toroq aktar sikuri, dan il-proġett ser iwassal ukoll għal tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġra kif ukoll inqas tniġġis tal-arja kkawżat mid-dħaħen ta’ karozzi weqfin fit-traffiku.

    Dawk kollha li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi huma mitluba joqogħdu aktar attenti fit-toroq fejn ikunu għaddejjin ix-xogħlijiet, waqt li jsegwu l-limiti tal-veloċità mnaqqsa u d-devjazzjonijiet indikati minn tabelli temporanji mal-ġenb tat-triq. Ħaddiema ta’ Transport Malta jinsabu stazzjonati f’dawn it-toroq sabiex jgħinu lil dawk li jkunu għaddejjin minnhom waqt ix-xogħlijiet.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0