€8,000 multa talli tajjar u qatel baħri Ingliż

  • Lul 12, 2018 19:17
  • Miktub minn iNews

    Malti kien immultat €8,000 u kellu l-liċenzja sospiża għal sena wara li nstab ħati li sentejn ilu tajjar u kkaġuna l-mewt ta’ baħri Ingliż.

    Christopher Camenzuli ta’ 43 sena kien mixli li b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti kkaġuna l-mewt ta’ Simon Mark Allen, li qabeż il-limitu tal-veloċità skont il-liġi u li saq vettura bi traskuraġni u b’mod perikoluż. 

    Il-każ seħħ nhar it-13 ta’ Settembru 2016 f’12.20 a.m. fi Triq Mikiel Anton Vassalli fl-Imsida. Xhieda dwar dak li seħħ fil-ħin tal-inċident kien hemm żewġ persuni biss: ċerta Sabrina Mallia li kienet qed issuq fl-imsemmija triq u l-imputat.

    Mallia xehdet li kienet qabżet l-istatwa tal-Madonna li kien hemm fil-ġenb ta’ triq, innutat raġel jitbandal f’nofs ta’ triq, bdiet iddoqlu l-ħorn u qalbet għall-karreġġjata ta’ barra. 

    Spjegat li meta hi rat lil dan ir-raġel, l-ewwel darba kien xi ħames metri ‘l bogħod minnha u li kif qabżitu għasfet il-break u ħarset lura mill-mera u ratu jittajjar mill-vettura misjuqa minn Camenzuli.

    Fl-atti tal-inkjesta, Camenzuli jgħid li hu kien sejjer l-ajruport biex jiġbor xi nies u li kien se jgħaddi mill-mina li hemm taħt l-iskate park. Qal li kien qed isuq normali u meta wasal fil-fetħa u kien se jkompli biex jidħol fil-mina, sema’ ħoss u ħabta mal-windscreen. Jgħid li kif sema’ l-ħoss għafas il-brejk u tefa’ mal-ġenb.

    Min-naħa l-oħra, fix-xhieda tiegħu fil-Qorti qal li hu ma kien ra lil ħadd quddiemu qabel l-impatt. Jgħid li “kien qed isuq b’xi 40” fil-parti l-imħarbta u malli t-triq fetħet għal tliet karreġjati “żied xi 15.” Kompla jispjega li wara l-impatt ma għafasx il-break imma kien telaq saqajh minn fuq il-gass u tefa għall-ġenb b’mod li l-vettura waqfet waħedha.

    Dan jikkuntrasta sew mal-konklużjonijiet li wasal għalihom l-espert Mario Buttigieg, minn fejn irriżulta li fil-ħin tal-impatt Camenzuli kien qed isuq b’veloċità “almenu 92 kilometru fis-siegħa”.

    Intant, mit-testijiet tossikoloġiċi li saru fuq il-vittma, rriżulta li l-livell ta’ alkoħol fid-demm kien ta’ 267mg kull 100ml, li skont standards internazzjonali jindikaw li kien fi stat “estrem” ta’ sokor (extreme drunkenness).

    Fis-sentenza tagħha l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke innotat kif l-imputat kien ta diversi verżjonijiet u li kkontradixxa lilu nnifsu diversi drabi fuq diversi fatti.  

    “Aktar minn hekk huwa ġie kontradett minn dak li qalet Mallia u anke mill-fatti li jemerġu mill-kostatazzjonijiet li għamlu l-esperti.”

    Il-Maġistrat Clarke emmnet l-ewwel verżjoni ta’ Camenzuli, li kien għafas il-break mal-impatt u emmnet ukoll illi l-kalkoli li għamel l-espert, li huwa kien qed isuq b’xi 90 kilometru fis-siegħa, kienu korretti.

    Il-Maġistrat Clarke innotat ukoll li fil-ħin tal-inċident, il-vittma kien fis-sakra u kien miexi (x’aktarx kien se jaqsam) f’triq li mhix intiża għall-użu tal-pedestrians (persuni li jkunu mexjin).

    “Il-pedestrian għandu l-obbligu tiegħu u Allen kiser kull obbligu li kellu fiċ-ċirkostanzi. Dan pero’ mhux neċessarjament jeżonera lill-imputat,” saħqet l-imsemmija Maġistrat. Dan hekk kif min-naħa tiegħu l-imputat kien qed isuq b’veloċità eċċessiva u naqas milli jżomm “proper look out”.

    Dwar il-piena l-Qorti kkunsidrat diversi fatturi fosthom ir-reati li tagħhom qed jinstab ħati l-imputat li huma gravissimi u li kellhom l-agħar konsegwenzi immaġinabbli: “it-telf ta’ ħajja umana”, kif ukoll in-negliġenza kontributorja tal-vittma.

    Ikkunsidrat ukoll il-fedina penali kważi netta ta’ Camenzuli u qalet li f’dawn iċ-ċirkostanzi ma kellhiex timponi piena ta’ ħabs iżda kellha timponi multa u tissospendilu l-liċenzja tas-sewqan. 

    Kien għalhekk li Christopher Camenzuli nstab ħati li b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti kkawża l-qtil ta’ Simon Mark Allen u li saq vettura b’mod traskurat u bla kont. Huwa kien ikkundannat €8,000 u kellu l-liċenzja sospiża għal perjodu ta’ sena. 

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0