inewsmalta.com



Ira Losco: “L-ibbuljar qatt mhu ġġustifikat u ma jrabbi l-ebda qoxra”

  • Aww 09, 2018 07:50
  • Miktub minn iNews

    “L-ibbuljar qatt mhu iġġustifikat u ma jrabbi l-ebda qoxra”

    Hekk qasmet ma’ dan il-ġurnal Ira Losco, LSA u personalità li ħadmet ħafna kontra l-ibbuljar, speċjalment meta hi stess għaddiet mill-esperjenza ta’ bullying meta kienet żgħira u f’intervista li kienet saritilha fil-passat kienet qalet “li kont ftit tomboy, kelli xagħar qasir u kont daqsxejn chubby. B'xorti tajba kelli l-mużika li kienet tgħini ħafna.” Dan mhux l-uniku każ fejn l-istess Losco kienet vittma tal-ibbuljar għax proprju fl-2016 kienet ġiet mgħajra bi kliem mill-aktar dispreġjattiv permezz ta’ tweet mill-blogger ta’ Times of Malta Andrew Borg Cardona.

    L-ibbuljar huwa argument li reġa’ qed jiġi diskuss wara li s-sieħba tal-eks mexxej tal-Partit Nazzjonalista, Kristina Chetcuti riċentament ikkritikat il-messaġġ li qalet mart il-Prim Ministru ta’ Malta, Michelle Muscat, fuq dak li għaddew minnhom it-tfal tagħha minħabba l-kwistjoni Egrant. Chetcuti tenniet li l-ibbuljar “hija xi ħaġa li tiġri lil kulħadd” u li “hemm bżonn li inti teduka lit-tfal tiegħek biex ikollhom kummenti intelliġenti lesti, u mhix li jħossuhom prinċpijiet żgħar li ħaqqhom traktement speċjali.” Dan kollu seħħ wara li l-mara tal-Prim Ministru Michelle Muscat sostniet li l-Iskola ta' San Anton naqset milli tipproteġi b'mod adegwat lit-tfal tagħha mill-bullying f'nofs l-allegazzjonijiet ta' Egrant

    Fuq dan ir-rigward, Losco rrakkuntat magħna li fil-fatt meta ġiet lura mill-Eurovision fl-2012 bdiet iddur l-iskejjel fuq bażi volontarja fejn għamlet l-Anti-Bullying Campaign. 

    “Nemmen li fil-każ tal-ibbuljar hemm żewġ persuni ikkonċernati li huma kemm min iwettaq l-att u kemm il-vittma. L-ibbuljar hija problema li dejjem qed tikber u tikber aktar permezz tal-midja soċjali. Sfortunatament issa daħal ic-cyberbullying fejn permezz tal-internet jista’ jsir dan il-tip ta’ abbuż.”

    “Nemmen li l-midja soċjali kabbret ferm is-saħħa tal-bullying. Ġieli anka fuq Instagram nara grupp ta’ tfal bejn it-12 u t-13-il sena fejn meta tidħol fuq il-profil tagħhom tinduna kemm dawn ma jibżgħu minn xejn u mill-ebda awtorità,” kompliet Losco.

    Losco qalet li l-midja soċjali saret opportunità biex jgħidu li jridu b’nuqqas estrem ta’ empatija u rispett ta’ awtorità. Il-bullying sar iffukat fuq dik it-tip ta’ attitudni fejn imxejna milli nagħmlu sfaċċatament l-att tal-ibbuljar fil-playground tal-iskola, morna għal dawk li jissejħu trolls fuq l-internet u issa saħansitra l-ibbuljar isir b’manjiera sfaċċata fejn ma jiddejqux.

    “Jien ninkwieta fuq it-tifel u nħoss li għandi responsabiltà“

    Losco qasmet magħna li tinkwieta fuq it-tifel u tħoss li għandha responsabiltà speċjalment għaliex l-industrija fejn fiha taħdem hija dik li tissejjaħ “image and visual driven”, iġifieri n-nies jagħtu ħafna importanza fuq dak li jidher u xi kultant in-nies jistgħu jaslu biex ma jifmuhx li dak li nkunu qed nagħmlu fl-industrija jkun biss rwol u mhux il-personalità tagħna vera u proprja, spjegat. “Jien anka ċertu kanzunetti jkun hemm bżonn ċertu lbiesi, imma noqgħod attenta.”

    “Naħseb li kulħadd huwa espost, imma tfal tal-politikanti huma l-iktar li jbatu. Tfal ta’ personalitajiet jew politikanti għandhom iktar ċans fuq xix jiġu ibbuljati imma nemmen li kull tifel jew tifla, irrilevanti mill-familja tiegħu huwa vulnerabbli għall-ibbuljar,” temmet tgħid.

    bBrave: NGO li tagħti sapport lill-vittmi tal-ibbuljar

    “Kien hemm bosta diskussjonijiet dwar il-fenomenu tal-ibbuljar matul is-snin. Mill-ibbuljar fl-iskejjel għall-ibbuljar u ostraciżmu fuq il-post tax-xogħol, din il-pjaga soċjali żdiedet bil-bidu tal-midja soċjali bl-esperjenzi negattivi mill-bullying ċibernetiku.”

    Hekk qal l-Inġ Norman Zammit, il-President tal-bBrave, l-NGO li tagħti sapport lill-vittmi tal-ibbuljar ma’ dan il-ġurnal filwaqt li spjega li f’dan il-fenomenu hemm wkoll il-vjolenza domestika fejn napprezzaw il-fatt li il-qafas leġislativ ġie imsaħħaħ biex jindirizza b’mod aktar effetiv din il-problema. L-osservazzjoni ta’ hawn fuq kienet il-katalista għal missjoni tal-organizzazzjoni bBrave, li hija NGO li ffokata biex tqajjem kuxjenza dwar forom differenti ta' bullying u biex tiffaċilita l-għajnuna għall-vittmi tal-bullying u għar-riforma ta' dawk in-nies li juru tendenzi ta’ bullying f'Malta.

    Zammit qal li “bBrave huwa messaġġ pożittiv li nixtiequ nwasslu lill-vittmi kollha tal-bullying biex ikunu jistgħu jirrealizzaw li mhumiex waħedhom fl-esperjenza tagħhom għax l-organizzazzjoni tagħna qed tikber biex tkun hemm biex tappoġġjahom.”

    “Għandna nkunu nafu wkoll li dawk il-persuni li juru tendenzi ta’ bullying, għandhom żmien iebes biex jittrattaw l-emozzjonijiet tagħhom. Huwa eħfef li tkun rrabjata minn imdejjaq. Din l-imġiba tagħti lill-persuna l-illużjoni li qed jagħżlu l-emozzjoni tagħhom. Li  turi dwejjaq spiss kien assoċjat ma’ dgħjufija. Li turi rrabja spiss kien assoċjat ma’ turija ta’ qawwa jew sahha. Dawn l-assoċjazzjonijiet huma infurzati mill-ġdid minn min juri tendenzi ta’ bullying,” żied jgħid.

    In-nies jistgħu jiġu sottomessi ghal trattament ta’ bullying jew minħabba sess, orjentazzjoni sesswali, razza, reliġjon, stat soċjali jew sitwazzjoni tal-familja, sfond politiku  jew konsiderazzjonijiet oħra.

    Il-fenomenu tal-glorifikazzjoni ta’ imġiba ħażina jidher li qabad globalment permezz tal-mezzi tax-xandir kif ukoll fuq il-midja soċjali, jgħid Zammit. “Mill-kategoriji kollha ta’ persuni li huma vittmi tal-bullying, it-tfal huma l-aktar vulnerabbli u suxxettibbli li jiġu influwenzati l-aktar minn dan il-fenomenu bl-unika ħtija tagħhom tkun li forsi l-ġenituri tagħhom huma persuni politikament esposti.”

    “Għalhekk għandna nkunu aktar sensittivi fl-attitudnijiet u l-approċċi tagħna sabiex niżguraw li t-tfal jibqgħu protetti u mhux jkunu esposti bla bżonn ghal imġiba mhux tollerata jew għal trattament inġust bħal dan,” temm jgħid Zammit.

    Uffiċċju Nazzjonali tat-Tfal: l-ibbuljar mhu qatt iġġustifikat

    Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tat-Tfal ta’ Londra, l-ibbuljar m’huwa qatt iġġustifikat u kwalunkwe tifel jew tifla jista’ jkun il-vittma tal-ibbuljar, u jista' jieħu ħafna forom. L-imġiba tal-ibbuljar tista' tkun kemm fiżika (imbuttar, gdim, qris eċċ.), jew bil-kliem verbali, kemm emozzjonali (iżolazzjoni ta’ oħrajn, ħabi ta' kotba, umiljazzjoni, intimidazzjoni, esklużjoni, manipulazzjon), kemm sesswali (kuntatt fiżiku mhux mixtieq, messaġġi mhux xierqa, kummenti abbużivi, abbuż omofobiku, esponiment għal films mhux xierqa eċċ.),u kemm onlajn.

    F’kuntatt ma’ dan il-ġurnal, l-Uffiċċju Nazzjonali qalu li hemm abbundanza ta’ statistika fir-rigward tal-ibbuljar kemm fir-Renju Unit kif ukoll barra mill-pajjiż u regolarment tara bullying irrappurtat fil-midja. Ir-riċerka mid-Dipartiment għall-Edukazzjoni sabet li 40% taż-żgħażagħ kienu ibbuljati fl-aħħar tnax-il xahar u 6% taż-żgħażagħ kollha kienu esperjenzaw bullying kuljum, b’9% bejn darba fil-ġimgħa u darba fix-xahar.

    Proprju fuq dan ir-rigward, u fuq il-fatt li l-ibbuljar m’hu att iġġustifikat kif qalu kemm Losco, Zammit tal-bBrave u kemm l-Uffiċċju Nazzjonali tat-Tfal ta’ Londra f’dan ir-rapport u kemm il-Kummissarju għat-tfal Pauline Miceli, il-kumment li qalet Kristina Chetcuti  fejn sostniet li l-ibbuljar “hija xi ħaġa li tiġri lil kulħadd” jista’ jkun minnu imma mhux sew li nirreferu għat-tfal bħala “prinċpijiet żgħar li ħaqqhom trattament speċjali” għax kwalunkwe tifel jew tifla jista’ jkun il-vittma tal-ibbuljar u, kif rajna, jista’ jiehu diversi forom.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook