Misteru dwar iż-żieda fiż-żejt mill-fish farms … il-kumpaniji li jkabbru t-tonn ma jafux għaliex beda jiżdied fl-aħħar sentejn

  • Aww 09, 2018 13:30
  • Miktub minn iNews
"

    Il-kumpaniji li jkabbru t-tonn għall-esportazzjoni ma jafux għala jiġi żmien fejn ikun hemm żieda fil-ħmieġ bħal dak li fl-aħħar jiem laqat numru ta' xtut l-aktar Wied il-Għajn u Tas-Sliema.

    Inewsmalta kkuntattjat lill-Avukat John Refalo, il-konsulent legali fi ħdan il-kumpanija Refalo & Zammit Associates li tirrappreżenta l-Federazzjoni Maltija għall-Prodotti tal-Akwakultura (FMAP).

    Bdejna biex staqsejnih dwar il-possibilita li tiżdied il-garanzija bankarja marbuta biex il-fish farms ikunu jistgħu joperaw kif teżisti x-xniegħa.

    Waqt li b'nofs daħka qalilna “tagħtunix qtajja”, Dr Refalo irrimarka li hemm diversi garanziji marbuta ma' din l-industrija fosthom mal-permess tal-Awtorita tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), ma' dak tal-Awtorita tal-Ippjanar u dak maħruġ mid-Dipartiment tas-Sajd.

    “Fil-verita jekk wieħed jara dak li qed nagħmlu issa u dak li qed nonfqu biex indaħħlu metodi ġodda mhux meħtieġa żieda fil-garanzija imma infurzar”, iddikjara l-Avukat Refalo.

    Huwa rrimarka kif l-istaġun għadu kemm fetaħ għax waqt li t-tonn jinqabad bejn Mejju u Ġunju u jasal pajjiżna bejn nofs Lulju u nofs Awwissu l-ħsad isir bejn l-aħħar ta' Settembru u Novembru.

    Dr Refalo spjegalna kif il-proċess jibda billi t-tonn jinqabad ħaj mill-Mediterran u jitpoġġa f'gaġġa li tinġibed b'dgħajsa lejn Malta għalkemm iż-żmien li tieħu jiddependi mit-temp u l-baħar għax kurrent qawwi jista' saħansitra joqtol il-ħut.

    Huwa semma kif huma kienu antiċipaw li jibdew bil-kontrolli din il-ġimgħa imma minħabba dak li ġara “kellna naċċeleraw kollox”.

    Dr Refalo insista li għalkemm il-'fish farms' ilhom f'pajjiżna mill-2000 u ġieli kien ikollhom kwantitajiet kbar daqs dak li qed jipproduċu llum, kien fl-aħħar sentejn li beda jinħass l-impatt.

    Kien hawn li iddikjara li ma jistgħux jifhmu x'qed iwassal biex kien hawn l-impatt fil-baħar kif ġara fl-aħħar jiem u rrefera għad-deċiżjoni li jqabbdu espert biex jara għaliex.

    Dr Refalo nsista li l-problema mhux relatat mal-ammont tal-ħut li hemm fil-gaġeġ, għax dan huwa simili għal snin imgħoddija, u l-mistoqsija li qed jagħmlu hija x'qed iwassal biex minn daqqiet ikun hemm effett kbir u oħrajn xejn.

    “Ġieli kellna ħafna iktar ħut u ma kellnix dan il-ħmieġ. Qed nosservaw li fjen jidħol l-effetti m'hemmx linerjata. Naħsbu li jew it-temperatura jew xi kimiċi fl-ilma”.

    Dr Refalo qal li lanqas ma jaqbel ma' min jgħid li dan huwa dovut għan-numru ta' gaġeġ fejn iddikjara wkoll li ma jaqblux li l-permessi jkunu marbuta wkoll man-numru tagħhom.

    Huwa iċċara li minħabba regoli internazzjonali dwar in-numru ta' tonn li jista' jaqbad kull pajjiż ma tistax titfa' tonn maqbud minn pajjiż fl-istess gaġġa ma' tonn maqbud minn pajjiż ieħor.

    “Kieku nġibu t-tonn minn pajjiż wieħed nistgħu nitfgħuh f'gaġġa waħda għalkemm imbagħad hemm limitu ta' kemm tista' titfa'”.

    Mistoqsi għaliex joħroġ il-ħmieġ mill-gaġeġ tat-tonn, Dr Refalo qalilna li l-problema ġejja mill-fatt li t-tonn jiġi mitmugħ ħut ieħor bħal aringi u mackarel li fihom ħafna żejt u huwa dan iż-żejt li qed jispiċċa fil-baħar.

    Huwa semmilna kif normalment iż-żejt ma jitħallatx mal-ilma u sostna li għalkemm veru li jdellek u jagħmel riħa li mhux pjaċevoli l-effett huwa wieħed fuq medda qasira.

    Fl-istess waqt huwa rrimarka kif sfortunatament il-qofol tal-istaġun tat-tonn jiġi f'Awwissu u allura fil-qofol tas-sħana u tat-turiżmu mentri kieku l-istaġun jilħaq il-'peak' tiegħu f'Jannar u Frar “ħadd ma jagħti każ”.

    Dwar il-miżuri li qed jieħdu biex dan il-ħmieġ ma' jinfirixx, l-Avukat Refalo semma kif minbarra l-'booms' li jżommu ż-żejt fil-wiċċ tal-baħar milli jinfirex il-kumpaniji għandhom magni li jiġbdu ż-żejt, jisseparawh mill-ilma baħar u waqt li ma jħalluhx fil-baħar jerġa' jitfa lura l-istess ilma baħar.

    Fir-rigward tal-ħmieġ li jipproduċi t-tonn wara li jiekol, Dr Refalo qalilna li fil-baħar hemm eko-sistema li hija tali li hemm ħut ieħor li jiekol dan l-iskart u anke semmilna li hemm sajjieda li qed imorru jistadu viċin l-irziezet tat-tonn tant kemm hu baħar nadif.

    Huwa semmilna wkoll kif qabel it-tonn kien jiġi mitmugħ il-ħut billi dan kien jitpoġġa f'kaxxa ġo nofs il-gaġġa u meta s-silġ ta' madwaru jinħall il-ħut jibda' jaqa' biex jittiekel mit-tonn.

    Hawnhekk ammetta li dan il-proċess kien iħalli ħafna ħmieġ imma llum it-tonn jiġi mitmugħ b'mod differenti għax jiġi 'defrosted' u maħsul qabel jingħata lit-tonn.

    Il-gaġeġ tat-tonn tal-imsemmijin erba' kumpaniji jinsabu fl-inħawi ta' Wied il-Għajn u San Pawl il-Baħar u fl-aħħar jiem minbarra l-'booms' ittieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm dgħajjes iduru biex jiġbru kwalunkwe ħmieġ li jista' joħroġ.

    Minbarra li uffiċjali tal-ERA marru fuq il-post biex jaraw is-sitwazzjoni, danil-ġurnal jinsab infurmat li matul din il-ġimgħa kien mistenni jmorru fuq il-post uffiċjali għolja tal-Gvern biex jaraw x'qed isir biex ma jirrepetix ruħu dak li ġara fil-jiem li għaddew.

    Kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll il-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera għamluha ċara li għalkemm din l-industrija kienet waħda importanti għal Malta ma setgħetx tissokta s-sitwazzjoni fejn ikun hemm dannu ambjentali.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0