€88.6 miljun f’ħut esportat lejn il-Ġappun fl-2017

  • Aww 10, 2018 11:21
  • Miktub minn Claudio Coleiro

    Il-Ministru Carmelo Abela jitkellem dwar iż-żjara li għamlet delegazzjoni Maltija fil-Ġappun; jgħid li fost l-oħrajn ġiet diskussa l-possibilità li jiġi ffirmat id-“double taxation agreement” biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi

    Minn tagħrif li rnexxielu jikseb dan il-ġurnal fl-aħħar jiem, jirriżulta li matul is-sena li għaddiet Malta esportat lejn il-Ġappun b’kemm jiswew €88.6 miljun f’ħut, li fil-parti l-kbira tiegħu kien tonn. Għalkemm dan l-ammont huwa inqas minn dak reġistrat fis-sentejn ta’ qabel, meta l-esportazzjoni tal-ħut u l-krustaċji lejn il-Ġappun fl-2015 u fl-2016 kienet ta’ €93 miljun u €128.1 miljun rispettivament, Malta tibqa’ waħda mill-ftit pajjiżi li għandha l-vantaġġ li tesporta aktar lejn il-Ġappun milli timporta.

    Ir-rabta kummerċjali li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi fis-suq tat-tonn kienet osservata mill-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu waqt żjara uffiċjali li għamel fl-aħħar jiem f’Tokyo l-Ġappun, fejn kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u l-Membru Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien ma’ delegazzjoni kummerċjali ta’ madwar 50 ruħ immexxija minn Trade Malta.

    Dwar l-eżitu tad-diskussjonijiet li saru u liema huma dawk l-oqsma l-aktar li jeżistu opportunitajiet għal Malta fil-Ġappun, tkellimna mal-Ministru Abela fejn hu sostna li l-iskop wara din iż-żjara kien wieħed doppju - fuq naħa kellek l-aspett politiku biex jissaħħu r-relazzjonijiet mal-Ġappun fuq koperazzjoni f’diversi livelli u biex titħejja t-triq għal ftehimiet oħra li jiġu ffirmati meta jkun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat u fuq in-naħa l-oħra l-aspett kummerċjali.

    Il-Ministru Abela tenna li saru diskussjonijiet dwar il-possibilità ta’ ftehim għal servizz tal-ajru bejn Malta u l-Ġappun u l-possibilità li jiġi ffirmat id-“double taxation agreement” biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn iż-żewġ naħat. 

    “Barra minn hekk”, kompla jgħid il-Ministru Abela, “sar ukoll skambju ta’ ideat fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw reġjuni differenti fid-dinja, liema kwistjonijiet jinteressaw ukoll lil pajjiżna.”

    Imbagħad il-Ministru għamel aċċenn għall-attività kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi fejn spjegalna li numru ta’ kumpaniji Maltin kellhom l-opportunità li jesploraw il-possibilità ta’ aktar kummerċ mal-Ġappun.

    “Saru diskussjonijiet dwar kif nistgħu nkomplu nsaħħu l-esportazzjoni lejn il-Ġappun. Fil-fatt aħna wieħed mill-pajjiżi li għandna trade-balance favur tagħna u allura hemm possibilità li bi prodotti oħrajn Maltin ta’ kwalità, mhux biss bit-tonn, insaħħu l-kummerċ bejn iż-żewġ naħat.”

    “Hemm rieda fuq livell politiku”

    Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ kompla billi tenna l-impenn ta’ dan il-Gvern li jkompli jaħdem flimkien mal-Ġappun fuq livell politiku.

    “Il-fatt li kien hemm laqgħat mal-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe u mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġappun Kazuyuki Nakane huma ċirkostanzi fejn naraw kif nistgħu nikkollaboraw u naħdmu flimkien anke f’oqsma differenti. Hemm din ir-rieda fuq livell politiku u r-rieda li naħdmu flimkien fuq ftehimiet oħrajn.”

    Enfasizza li: “diġa’ hemm drafts fuq il-working holiday arrangement. Din se tkun skambju ta’ noti fejn kull parti tiddikjara kif inhi l-proċedura biex Ġappuniżi jiġu jaħdmu hawn Malta u kif Maltin li jixtiequ jaħdmu fil-Ġappun ikunu jistgħu jagħmlu dan. Hemm ir-rieda politika li naslu u d-direzzjoni li tajna lis-servizzi tagħna hi li negħlbu malajr kemm jista’ jkun kwistjonijiet ta’ natura teknika biex finalment ikun possibbli li jkollna dan il-ftehim.”

    Mistoqsi jekk hemmx laqgħat oħra ippjanati għaż-żmien li ġej, il-Ministru Abela qalilna li għalissa ma hemmx laqgħat ippjanati pero’ ma eskludiex li ż-żewġ partijiet jiltaqgħu f’każ li jiġi konkluż xi ftehim.

    “Kunfidenti li jekk naħdmu bilgħaqal, ir-relazzjonijiet tagħna, mhux biss fuq livell politiku imma anke fuq livell kummerċjali, jissaħħu. Għalhekk importanti li jkun hemm direzzjoni politika fir-rigward ta’ ftehimiet li għandhom isiru.”

    Dwar it-teknoloġija ‘Blockchain’, il-Ministru Abela qal li kien hemm interess min-naħa tal-Ġappun speċjalment meta ssemma li pajjiżna issa għandu leġislazzjoni f’postha u li dan is-settur qed jiġi regolat.

    L-ORIZZONT staqsa wkoll f’liema oqsma l-aktar li jeżistu opportunitajiet għal Malta fil-Ġappun bil-Ministru jgħid li: “apparti t-tonn, li għandu fama kbira fil-Ġappun, nistgħu nesportaw anke prodotti oħrajn. Jidher li hemm interess. Imbagħad hemm ukoll il-qasam tal-edukazzjoni, b’mod partikolari t-tagħlim tal-Ingliż, it-turiżmu u l-Blockchain. Naħseb li dawn huma oqsma li jista’ jkun hemm impatt relattivament malajr fihom.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0