“Vittma ta’ sitwazzjoni mingħajr ebda kontroll fuqha”

  • Aww 10, 2018 17:38
  • Miktub minn Maria Azzopardi
"

    “L-ibbuljar huwa defenit bħala l-użu tas-saħħa jew ta’ influwenza superjuri biex tintimida lil xi ħadd. Waħda mill-prerekwiżiti biex iseħħ il-ibbuljar huwa li jkun hemm perċezzjoni, kemm mill-aggressur, mill-vittma u/jew minn terzi persuni, ta’ żbilanċ ta’ poter soċjali jew fiżiku bejn persuna u oħra. Abbażi ta’ dan, kif jista qatt dan it-tip t’abbuż jiġi ġġustifikat?

    Tenna dan Ben Camille, ċelebrità lokali fix-xena tad-divertiment u l-ispettaklu ġewwa pajjiżna, f’kumment dirett ma’ dan il-ġurnal. Camille kien qiegħed jirreaġixxi għall-kummenti ta’ diversi esponenti lokali fuq l-ibbuljar, u tenna kif dan is-settur huwa wieħed għal qalbu ħafna.

    “Matul dawn l-aħħar tlett snin, jiena kont qiegħed immexxi kampanja kontra kull tip ta’ bbuljar, speċjalment fl-iskejjel. Żort diversi skejjel, u tkellimt ma’ bosta tfal u edukaturi fuq l-aħjar mod li wieħed għandu jirreaġixxi u jirbaħ meta jsib ruħu f’sitwazzjoni simili.”

    “L-isfortuna hija li ż-żieda fl-użu tal-midja soċjali welldet pjattaforma ġdida għall-ibbuljar, u dan il-periklu ġdid għandu jiġi ndirizzat b’mod effiċjenti u veloċi. L-ibbuljar jista jwassal għal effetti negattivi u permanenti fuq kulħadd, speċjalment it-tfal li jkunu għaddejjin mill-iktar stadji delikati u sensittivi f’ħajjithom.”

    Camille tenna wkoll li meta persuna tiġi iktar esposta għall-pubbliku, deċiżjoni bħal din taffettwa lill-membri kollha tal-familja tal-individwu. “It-tfal mhumiex eċċezzjoni. Meta int tkun qiegħed fil-lenti pubbliku, inti awtomatikament tiftaħ Pandora’s box: fost l-oħrajn, kummenti xejn denji, kritika insensittiva u mhix ġustifikata, kif ukoll xniegħat li jittrasformaw ruħhom għal veritajiet mingħajr ebda bażi ta’ provi.”

    “It-tfal ta’ dawn il-persunaġġi pubbliċi huma iktar vulnerabbli mill-ġenituri tagħhom, u dan minħabba l-fraġilita tagħhom li tiġi mill-eta tenera tagħhom. Dawn it-tfal jispiċċaw vittma ta’ sitwazzjoni li m’għandhom l-ebda tip ta’ kontroll fuqha.”

    “Ħadd m’għandu joqgħod passiv għall-ibbuljar”

    Intant, dan il-ġurnal tkellem mal-psikologu Bernard Caruana, fejn qal li meta tifel jew tifla jisfaw vittmi tal-ibbuljar, jirreaġġixxu skont in-natura tal-karattru tagħħom fil-kuntest tas-sitwazzjoni li jkunu fiha. 

    “Hemm karattri żvelti li jirreaġġixxu billi jiġġieldu lura, u karattri aktar timidi li ħafna drabi jaħarbu mill-bully għax jibżgħu minnu jew minnha u jingħalqu fihom infushom. Hawn qed niġġeneralizza meta qed insemmi żewġ. tipi għax hemm diversi tipi u kumbinazzjoni ta’ diversi karatteristiċi magħqudin f'daqqa.”

    Caruana saħaq kif f’każ ta’ bbuljar, jkun hemm ”evalwazzjoni konxja jew inkonxja tas-sitwazzjoni. Per eżempju xi ħadd li normalment jiġġieled lura, pero jinduna li hemm numbru kbir ta’ tfal ta’ saħħa aktar minn tiegħu li jekk jiġġieled lura jista’ jispiċċa ħażin, jista joqgħod lura iktar mis-soltu.”

    “La t-tfal, u lanqas ħadd ieħor, m’għandu joqgħod passiv għall-ibbuljar. L-ewwel ħaġa li jridu jaraw, huwa li joħorġu mis-sitwazzjoni immedjata b’mod sikur. Imbagħad, il-vittmi tal-ibbuljar iridu jitkellmu mal-ġenituri u mal-amministrazzjoni tal-iskola: jekk dan mhux qed iseħħ ġo skola, mad-diretturi jew l-entitajiet ikkonċernati.”

    “Qatt m’huwa rrakkomandat li wieħed idum milli jitkellem sakemm dan ma jkunx biex jiddefendi ruħu u jaħrab minn sitwazzjoni fejn qed jinżamm fiżikament. Il-vittma qatt ma trid tibża mit-theddid tal-agressur (bħal jekk titkellem nagħmillek agħar eċċ) għax inkella l-ibbuljar ikompli u jiżdied. Jekk wara li sar l-ewwel intervent, l-ibbuljar ikompli, irid jerġa’ jsir rapport ieħor. L-adulti, kemm il-ġenituri u l-awtoritajiet risponsabbli, jridu jifhmu lit-tfal u jiehdu azzjoni biex l-ibbuljar jieqaf.”

    “Ic-cyber bullying hija realtà kerha li ħafna tfal u anke adulti jiltaqgħu magħha”

    Skont Caruana, l-ibbuljar ser jinstab kull fejn ikun hemm interazzjoni bejn persuna u oħra, u allura l-midja soċjali m'hux eċċezzjoni. “Fil-midja soċjali hemm element ta’ distanza mill-individwu, allura ser jonqos ukoll l-element ta' ċerta empatija, kkomparat għal meta tara l-vittma wiċċ imb wiċċ u tara t-tbatija tagħha.”

    Fil-midja soċjali se jkollok udjenza akbar ta’ nies li sfortunatament se jidħku bis-sitwazzjoni u se jkomplu miegħek. Sfortunatament ic-cyber bullying hu realtà kerha li ħafna tfal u anke adulti qegħdin jiltaqgħu magħha.”

    Huwa wissa li l-ġenituri jridu joqgħodu attenti għall-accounts li jgħamlu uliedhom fuq il-midja soċjali. Skont l-età, Caruana jirrakkomanda li l-ġenituri għandhom ukoll iżommu l-password ħa jaraw x'inhu għaddej. Dan jgħodd kemm għall-profili vera kif ukoll dawk foloz. “Irridu niskoraġġixxu lill-uliedna milli jużaw profili foloz. Imma rridu ukoll nedukaw lil uliedna u nżommu moniteraġġ anke ta’ profili veri, kemm jekk dawn huma profili fuq xi siti, imejls eċċ. Dan jgħodd ukoll għall-mowbajl u l-messaġġi telefoniċi.” 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0