Toroq komdi, sikuri u effiċjenti... Malta aħjar illum u fil-futur

  • Aww 11, 2018 08:10
  • Miktub minn iNews
"

    Filwaqt li x-xhur tas-sajf huma pjuttost magħrufa bħala dak iż-żmien fejn kollox bħal qisu jnaqqas ir-ritmu, tant li jaqbad pass aktar bilmod u silenzjuż, dan ma jistax jingħad għax-xogħlijet infrastrutturali li qegħdin isiru fit-toroq ta’ pajjiżna. Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, ħa l-opportunità sabiex f’dan iż-żmien tas-sena jwettaq u jippjana l-ħidma tiegħu fuq proġetti li se jkunu qegħdin iseħħu qabel jew waqt is-sena skolastika li jmiss. 

    Pajjiżna jgawdi minn diversi tipi ta’ toroq – toroq arterjali, toroq residenzjali u toroq rurali; toroq li jaqdu l-ħtiġijiet ta’ dawk li jużawhom, oħrajn li jeħtieġu struttura ġdida biex jilqgħu għall-isfidi tal-lum, u oħrajn li jeħtieġu investimenti kbar sabiex ikunu jistgħu jaqdu lill-utenti tat-toroq fil-ġejjieni.

    Wieħed mill-aktar interventi antiċipati mir-residenti tat-Tramuntana tal-pajjiż huwa dak ta’ Triq Buqana; proġett li mistenni jibda aktar tard din is-sena wara li fl-aħħar ta’ Lulju ħarġet is-sejħa għall-kuntratturi minn Infrastructure Malta. Il-pjan għal din il-konnessjoni ewlenija bejn l-Imtarfa, il-Mosta u l-Imġarr huwa wieħed li se jtejjeb kemm l-effiċjenza kif ukoll is-sigurtà ta’ din l-arterja. Dan se jkun qiegħed iseħħ kemm permezz ta’ korsija ġdida, kif ukoll b’disinn mill-ġdid tar-roundabouts fit-trufijiet tat-triq, bi tliet bypass lanes ġodda fir-roundabout li tgħaqqad ir-rotta mal-Mosta u mal-Imġarr.

    Dawn ix-xogħlijiet se jkunu qegħdin itaffu d-diffikultajiet tad-dewmien għal kull min jivvjaġġa minn din it-triq ta’ kuljum, iżda l-ħsieb tal-proġett ma waqafx hemmhekk biss. Bħalma qiegħed isir kull fejn huwa possibbli, id-disinn huwa maħsub sabiex iħajjar aktar nies biex jużaw mezzi alternattivi. F’dan il-każ, mhux biss se tiżdied korsija ġdida għar-roti b’tul ta’ 1.8 kilometri, iżda se jsiru wkoll cycle priority lanes madwar iż-żewġ roundabouts għal aċċess aktar sikur.

    Dan il-ħsieb jidher biċ-ċar f’diversi proġetti oħra, kemm kbar kif ukoll medji u żgħar. Filfatt, bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ titjib fuq Vjal l-Avjazzjoni, ir-rotta prinċipali li tgħaqqad il-Gudja, l-Ajruport u l-mini ta’ Ħal Kirkop ma’ Ħal Luqa, Raħal Ġdid u Ħal Qormi, proġett li mistenni jitlesta dan is-sajf u li se jagħti korsiji ġdida għas-sewwieqa u oħra għaċ-ċiklisti b’tul ta’ 650 metru lil din l-arterja prinċipali.
    Il-korsija l-ġdida se tkun magħquda mal-bypass lane tar-roundabout li nfetħet fl-2017, sabiex ikompli jitnaqqas ir-riskju tal-inċidenti kif ukoll il-ħin tal-ivvjaġġar. Fit-tarf l-ieħor ta’ din it-triq għaddej ukoll titjib li se jinkludi approach lane ġdida għar-roundabout li tgħaqqadha ma’ Triq San Tumas lejn Ħal Qormi, iċ-ċentru ta’ Ħal Luqa u Triq il-Kunsill tal-Ewropa lejn Raħal Ġdid. Bħalissa għaddejjin ukoll studji tekniċi oħra għad-disinn ta’ soluzzjonijiet għal aktar titjib ta’ din ir-roundabout permezz ta’ proġett separat. Forsi wieħed jistaqsi bejnu u bejn ruħu għaliex proġetti li diġà tlestew jibqgħu jiġu estiżi sena wara l-oħra.

    Ir-raġuni għal dan hija waħda ċara kristall – qegħdin ngħixu fi żmien dinamiku b’toroq dinamiċi, u pajjiż dinamiku ma jixraqx li jkollu ppjanar statiku. Għalhekk, il-Ministeru responsabbli mit-Trasport u l-Infrastruttura qiegħed iwettaq ħidmietu taħt id-direzzjoni tal-Ministru, b’mod miftuħ u bi spirtu ta’ evalwazzjoni sabiex il-proġetti dejjem ikompli jitjiebu u l-benefiċċji dejjem ikomplu jiżdiedu għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

    Iżda l-Gvern mhuwiex qiegħed jevalwa u jmantni biss proġetti li diġà qegħdin nibbenefikaw minnhom. Bħalma qiegħed jiġi ppjanat għal Triq Buqana, il-Ministeru issa beda jwettaq ukoll ħidma sfiqa f’arterja prinċipali oħra – Triq tal-Balal. Din it-triq, li hija konnessjoni prinċipali bejn in-Naxxar, il-Għargħur, l-Iklin u San Ġwann, se tingħata t-tielet korsija bil-ħsieb li titjieb l-effiċjenza tar-rotta filwaqt li se tiġi mtejba s-sigurtà fir-roundabouts matul it-triq, proġett li mistenni jingħalaq sal-aħħar tas-sajf.

    Il-proġett jibda mir-roundabout fin-naħa ta’ fuq tat-triq, li tgħaqqad Triq tal-Balal man-Naxxar, l-Iklin u Triq M.Murray lejn u mill-Għargħur, u jibqa’ sejjer sa San Ġwann. Ix-xogħlijiet hawnhekk huma vasti, minkejja li l-proġett mhuwiex fost l-akbar li għandu għaddejjin bħalissa l-Ministeru, u jinkludu l-bini ta’ korsija ġdida ta’ 2 kilometri fil-karreġġjata ‘l isfel min-Naxxar sa San Ġwann, titjib tad-dwal u tal-apparat tas-sigurtà ta’ din it-triq, bħal crash barriers, il-bini mill-ġdid tal-erba’ roundabouts ta’ din it-triq – li jinkludi l-introduzzjoni ta’ bypass lanes ġodda – u disinn aħjar tal-ħoloq eżistenti. Dan it-titjib mistenni jnaqqas ukoll il-ħinijiet tal-ivvjaġġar f’diversi toroq sekondarji fl-inħawi, bħal Triq ta’ l-Ibraġ li tgħaqqad l-inħawi tal-Ibraġ u l-Madliena ma’ San Ġwann, u Triq M. Murray, li tgħaqqad l-inħawi ta’ Birguma u tat-Tarġa ma’ Triq tal-Balal.

    Bħalma ssemma’ aktar ‘il fuq, il-Ministeru qiegħed jagħti prijorità lill-mezzi alternattivi wkoll. F’dan il-każ, se tkun qiegħda tittejjeb is-sigurtà għall-ivvjaġġar bit-trasport pubbliku minn din it-triq. Dan il-proġett, bħal dawk imsemmija qablu, se jkun qiegħed jindirizza rotta li tintuża minn eluf ta’ utenti tat-toroq ta’ kuljum; rotta li xebgħet tbati minn konġestjoni u emissjonijiet esaġerati. Minkejja l-kritika dwar il-metodoloġija tat-twessigħ ta’ numru ta’ toroq, proġetti ta’ dan it-tip mhumiex qegħdin inaqqsu biss it-traffiku f’arterji li ilhom snin magħrufa għall-konġestjoni. Il-benefiċċji ta’ rotot prinċipali li huma usa’, li jifilħu aktar karozzi, u li jinċentivaw l-użu ta’ mezzi alternattivi permezz ta’ faċilitajiet ta’ sigurtà imtejba, qegħdin jinħassu wkoll fit-toroq li jmissu magħhom – toroq li għal ħafna żmien sfaw vittma tal-istess konġestjoni u kwalità tal-arja fqira minħabba li bosta utenti tat-toroq jagħżlu li jużawhom bħala rotot alternattivi.

    Il-Gvern irid li din is-sitwazzjoni issir ħaġa tal-passat. Għalhekk, il-ħidma infrastrutturali sfiqa li għaddej minnha pajjiżna ta’ kuljum, qiegħda tirrifletti pjan ħolistiku li ma jinkludix biss proġetti bħal dawn – pjan li jfisser toroq aktar lixxi u sikuri għar-residenti, rotot prinċipali li jifilħu għall-maġġoranza tat-traffiku sabiex dan ikun mexxej filwaqt li t-toroq residenzjali jgawdu l-kwiet li jixirqilhom, roundabouts iċken li jiffaċilitaw is-sewqan u l-aċċess kemm għall-karozzi kif ukoll għal mezzi żgħar bħall-muturi u r-roti, toroq li jħallu spazju għal servizz tat-trasport pubbliku effiċjenti; pjan li jaħseb f’kulħadd u għal kulħadd.

    Malta hija ta’ kulħadd – Malta hija magħmula minn diversi aspetti, fosthom it-toroq. Għalhekk kien meħtieġ li l-Gvern jimpenja ruħu fit-titjib ta’ din l-infrastruttura, sabiex il-Maltin u l-Għawdxin u dawk kollha li jżuruna, ikunu jistgħu jivvjaġġaw madwar il-pajjiż permezz ta’ toroq komdi, sikuri u effiċjenti.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0