inewsmalta.com



“Il-mara xorta għadha qed terfa' l-maġġoranza tal-piż tat-trobbija kważi waħidha” - Mirana Agius Silvio

  • Aww 11, 2018 09:45
  • Miktub minn iNews

    “Nitkellmu fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda l-mara xorta għadha qed terfa’ l-maġġoranza tal-piż tat-trobbija tal-ulied kważi kollu waħidha u trid tara kif toħloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.” Dan iddikjaratu Mirana Agius Silvio, Assistenta Kap ta’ Skola u li hi parteċipanta fil-Programm Lead. Il-programm LEAD, hu programm li tnieda l-Partit Laburista fl-aħħar xhur bil-għan li jgħin biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. Il-programm hu maħsub biex iħejji bl-aqwa mod lill-parteċipanti biex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja politika. Dan bil-għan li l-Partit Laburista jsaħħaħ il-preżenza femminili fil-kandidatura tiegħu għall-elezzjonijiet fil-livelli kollha tal-politika. Il-Membru tal-Parlament Ewropew, Miriam Dalli hi l-koordinatur ta’ dan il-programm

    In-numru ta’ nisa fil-politika għadu nieqes. Dan jidher ċar fin-numru ta’ deputati parlamenari nisa fil-Parlament. X’taħseb li wassal għal dan?

    “Kemm hu lest pajjiżna li jkollu iktar nisa fil-politika, speċjalment fil-Parlament? Mhux biżżejjed li ngergru għan-nuqqas li għandna iżda irridu nħarsu lejn x’wassal għal dan u x’nistgħu nagħmlu biex nimxu l-quddiem. Kif inhuma l-affarijiet bħalissa għalkemm kien hemm ċaqliq fil-pożittiv, il-ħinijiet tal-Parlament għadhom il-bogħod milli jkunu ta’ inċentiv. Pass il-quddiem ikun li l-parlament jibda jiltaqa’ drabi filgħodu minflok filgħaxija biss.
    Nitkellmu fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda l-mara xorta għadha qed terfa’ l-maġġoranza tal-piż tat-trobbija tal-ulied kważi kollu waħidha u trid tara kif toħloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Nistaqsi kif irridu iktar nisa fil-politika u sa issa għad m’hemmx servizz ta’ “childcare” fil-bini tal-Parlament. Wasal iż-żmien li nindirizzaw dawn id-diffikultajiet li wara kollox ikunu ta’ benefiċċju għal kull min ikun qed iwettaq ħidma Parlamentari.
    “Inħoss li n-numru żgħir ta’ nisa fil-Parlament huwa ukoll riżultat ta’ ftit kandidati nisa f’isem il-partiti. Dan jista’ jkun ġej mill-fatt li l-partiti politiċi f’dawn l-aħħar snin ma kinux qed jagħmlu biżżejjed biex ikollhom iktar kandidati nisa. Mara tħoss li trid taħdem iktar minn raġel biex tikseb rikonnoxximent, rispett u tkun avviċinata biex titfa’ il-kandidatura. L-ammont sabiħ ta’ applikanti għall-ewwel programm LEAD ta indikazzjoni ċara li hawn nisa li lesti jservu fil-Parlament. Ċerta li dan il-programm se jkompli jiġbed lejh iktar parteċipazzjoni femminili fis-snin li ġejjin.
    “Ħafna jħarsu lejn il-politika bħala mwaqqfa mill-irġiel għall-irġiel u għalhekk mara trid tkun preparata li taffronta kampanja elettorali u jekk tikseb siġġu fil-Parlament trid tkun lesta għal attakki personali, skrutinju u kritika kontinwa mill-partit l-ieħor. Fil-ħajja pubblika l-iżgħar żball jista’ jkun dak li jtemmlek il-karriera. Kultant il-midja ma tgħinx u tiġġudika skont l-apparenza iktar milli skont l-abbiltà tal-mara. Ftit ilu ġurnalist partikulari kiteb artiklu mhux veritier fejn semma’ ħwejjeġ tad-ditta, tagħlim dwar il-make-up u sponsors. Artiklu li ma setax ikun iktar il-bogħod minn dak li hu l-programm LEAD. Ma tonqosx ukoll il-mentalità ta’ uħud li għadhom jaħsbu li m’hemmx post għall-mara fil-politika. Ittra lil editur tkellmet dwar kif programm bħal LEAD kien se jieħu l-mara ‘l bogħod mill-familja.
    Mhux faċli li nbiddlu dan il-ħsieb. Hawn Malta bħal f’ħafna postijiet m’hawnx il-kultura li mara tivvota għal mara. Hemm bżonn ta’ iktar nisa li jemmnu fihom infushom u jkunu kapaċi jwasslu messaġġ pożittiv lil kostitwent nisa bħalhom.” 

    Kif tista' tiġi indirizzata s-sitwazzjoni u għaliex importanti s-sehem tal-mara fil-politika?

    “Jien ma ngħidx kif tista’, iżda kif diġa bdiet tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni. Hawn dehret id-differenza bejn iż-żewġ partiti. Fuq naħa għandna partit li bil-media tiegħu ipprova jirridikola il-programm LEAD. Fuq in-naħa l-oħra partit li għalkemm fil-gvern dejjem qed jara kif jista’ jiġġedded. Meta tniehda dan il-programm, l-imħuħ warajh, il-Prim Ministru Joseph Muscat u Dr Miriam Dalli, ħasbu li joħolqu struttura li mhux biss tħajjar iktar nisa jersqu lejn id-dinja politika iżda ukoll li dawn in-nisa jingħataw għodod bżonnjużi biex ikunu ta’ suċċess. Dan il-programm ressaq lejn il-partit nisa ta’ kull età u ġejjin minn oqsma u professjonijiet varji. Min diġa b’xi ftit esperjenza fil-politika u min bħali totalment ġdid.
    “Fil-programm elettorali tal-Partit Laburista jissemmew ukoll il-kwoti. Il-programm LEAD mhuwiex marbut ma’ dawn il-kwoti. Il-Prim Ministru jemmen li biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fir-rappreżentanza fil-Parlament, il-“gender quotas” jistgħu jkunu soluzzjoni temporanja iżda jemmen ukoll li permezz ta’ programmi bħal LEAD, in-nisa se jkunu kapaċi juru li jimmeritahom ikunu fil-Parlament bl-abbilà tagħhom.
    Bla dubju iktar nisa fil-Parlament ikun ifisser iktar rappreżentanza ekwa tas-soċjetà tagħna. M’għandi l-ebda dubju fil-kapaċità ta’ politiċi nisa. Nisa li jkunu ta’ vuċi għal nisa oħra fuq suġġetti bħall-kura tal-ulied, kura tal-anzjani, gender pay gap, IVF, vjolenza domestika, abort iżda mhux biss. Iktar nisa fil-Parlament hija ukoll waħda mill-miri dinjin tal-aġenda 2030 f’dak li għandu x’jaqsam mall-iżvilupp sostenibbli.”

    Bħala omm u assistent kap ta’ skola kif tibbilancja l-ħin bejn x-xogħol, l-involviment fil-politika u l-familja?

    “Diffiċli iżda mhux impossibli. Ma nħossx li qed nagħmel iktar jew inqas minn dik il-mara tad-dar li tieħu ħsieb il-familja ‘fulltajm.’ Jeħtieġ ippjanar aħjar u għajnuna kbira minn nies ta’ madwari. L-importanti li tkun taf tqassam il-ħin u tagħraf il-prijoritajiet u tpoġġihom f’ordni mill-iktar għall-inqas importanti. Apparti dan kollu qed nagħmel Master Degree mal-Università ta’ Malta għax nemmen bis-sħiħ fl-importanza li wieħed ikompli jikber billi jkompli jitgħallem. Nispera li jekk xejn qed inkun ta’ eżempju għal uliedi biex huma ukoll jagħtu importanza lit-tagħlim tagħhom. L-iktar diffiċli iżda importanti fil-politika hija li tipprova żżomm ruħek aġġornat ma’ dak kollu li jkun qed jiġri. Illum it-teknoloġija tgħinek biex tagħmel dan b’mod immedjat u kontinwu.”

    Kemm ilek parti mill-programm LEAD, x’ kummenti kellek minn nies li taf u forsi dawk li ma tafx? Kien hemm differenza bejn kummenti ta’ rġiel u nisa?

    “Il-kummenti kienu varji. Kien hemm min stagħġeb għax forsi jafuni iktar mill-aspett edukattiv jew fil-ġurnaliżmu sportiv. Iżda għal min jafni sew, din ma kienet sorpriża xejn għax jaf kemm minn dejjem ħabbejt il-politika u minn età żgħira xtaqt inservi b’xi mod lil pajjiżi. Il-kummenti ta’ inkoraġġiment ġew kemm minn nisa kif ukoll mill-irġiel. Jekk forsi kien hemm xi differenza kienet fil-fatt li nisa bħali wrew iktar ammirazzjoni lejn din id-deċiżjoni. Bla ebda dubju irrid nirringrazja lin-nisa fi ħdan il-partit għaliex mingħandhom ġie l-ikbar inkoraġġiment. Fuq quddiem Dr Miriam Dalli u oħrajn li kienu ta’ spalla għalija u għall-parteċipanti l-oħra.”

    Kif għenek l-programm LEAD biex tkun parteċipi fil-politika?

    “Permezz ta’ LEAD ġejt iktar konxja mill-aspetti politiċi li għandna f’pajjiżna. Tgħallimt iktar dwar minn fejn tlaqna bħala partit, fejn wasalna bħala moviment u fejn irridu nwasslu lil pajjiżna fil-futur. Dan il-programm kien esperjenza prattika ta’ xi tfisser tkun politiku. Ingħatajt l-opportunita’ nitkellem fuq programmi tar-radju u tat-televiżjoni fuq issues għal qalbi. Ktibt ukoll artikli li ġew ippublikati. Komplejt żidt il-fiduċja fl-abiltajiet tiegħi meta kelli opportunita’ nagħti l-opinjoni tiegħi flimkien ma’ politiċi ta’ esperjenza mill-kamp tal-Oppożizzjoni! Ma nistax ma nsemmix ukoll l-aspett ta’ mentoring u job shadowing minn diversi membri parlamentari kif ukoll mill-Prim Ministru nnifsu. Dan kollu għini nifhem aħjar il-ħajja politika u nieħu deċiżjoni aktar mgħarrfa fuq il-futur politiku tiegħi.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook