6,000 kampjun tad-demm kuljum fid-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei

  • Aww 11, 2018 18:20
  • Miktub minn iNews
"

    Id-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei jirċievi mas-6,000 kampjun tad-demm kuljum; li minnhom isiru xejn inqas minn 20,000 test li jservu ta’ għodda għat-tobba biex jaslu għad-dijanjożi tal-pazjent. F’wieħed mit-30 laboratorju fl-Istpar Mater Dei, iċ-Ċermen tad-Dipartiment tal-Patoloġija Dr. Christopher Barbara, spjega kif it-testijiet isiru minn kampjuni tad-demm, tal-awrina jew tessuti li jittieħdu waqt operazzjoni. “Hawnhekk nagħmlu t-testijiet ta’ matul il-ħajja. Mill-ewwel ġurnata li fiha titwieled tarbija noħdulha d-demm biex naraw jekk hemmx xi tip ta’ mard rari jew ereditarju. Meta persuna tmut, f’ċertu każijiet ssir l-awtopsja hawnhekk biex inkunu nafu l-kawża tal-mewt,” qal Dr. Christopher Barbara

    Il-maġġoranza tal-kampjuni jaslu mill-Isptar Materi Dei, filwaqt li l-oħrajn jaslu minn ċentri tas-saħħa u sptarijiet oħra bħal Monte Karmeli, Zammit Clapp u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Id-Dipartiment tal-Patoloġija jagħmel ukoll testijiet bla ħlas ta’ kampjuni li jaslu mingħand tobba tal-familja.

    Fid-dawl li kull ma jmur, ix-xjenza dejjem qed tavvanza, bħalma jiġri barra minn Malta, pajjiżna wkoll jintroduċi testijiet ġodda fuq bażi regolari. Jeżistu wkoll testijiet speċjalizzati li jintbagħtu f’ċentri ta’ referenza barra minn Malta. F’każ li d-domanda għal xi wieħed minn dawn it-testijiet tiżded f’pajjiżna, id-Dipartiment tal-Patoloġija jimbarka fuq ħidma biex it-test inkwistjoni jibda jsir Malta biex mhux biss il-pazjent jinqeda qabel għax ikollu r-riżultat malajr, iżda jiġu ffrankati wkoll l-ispejjeż.
    Meta tkellem kemm idum biex jinħareġ riżultat, Dr. Barbara spjega li l-ewwel priorità tingħata lill-pazjenti li jkunu fid-Dipartiment tal-Emerġenza jew fit-Taqsima tal-Kura Intensiva għaliex dawn ikunu kritiċi. F’każijiet bħal dawn, it-testijiet idumu biss ftit minuti biex isiru. Testijiet ta’ rutina jsiru fuq medda ta’ sigħat, filwaqt li testijiet speċjalizzati jieħdu numru ta’ ġranet.
    “Hemm testijiet oħra li nagħmlu batching tagħhom – jiġifieri li nistennew li jakkumulaw erbgħa jew ħamsa u nagħmluhom darba jew darbtejn f’ġimgħa.” – Dr. Christopher Barbara

    B’differenza għall-passat, fejn ir-riżultati kienu joħorġu fuq karta u jiġu impustati għand il-pazjent, illum il-magni jittestjaw id-demm u meta jiġu awtoritzzati mix-xjentisti fil-laboratorji, awtomatikament imorru fuq sistema kompjuterizzata msejħa “Clinical Manager”. Permezz tagħha, dak li jkun jista’ jara r-riżultat f’ħin reali. L-istess servizz jiġi offrut lit-tobba tal-familja bis-sistema tal-“MyHealth” fejn jiġu ffrankati l-ħin u l-karti u tiżdied l-effiċjenza.
    Bil-għan li tintlaħaq l-ogħla kwalità fis-servizzi mogħtija lill-pazjenti, id-Dipartiment tal-Patoloġija jaħdem id f’id mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u ċ-Ċentru tal-Mard fi Stokkolma fl-Iżvezja.

    Ħidma biex il-laboratorji kollha tagħna jingħataw l-ISO Certification

    Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar kif il-laboratorju tal-Viroloġija fl-Isptar Mater Dei huwa rikonoxxut mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u kiseb ċertifikazzjoni wara verifika rigoruża tal-proċeduri u l-istandards li għamlu l-ispetturi internazzjonali tal-istess Għaqda.

    “Dan huwa ċertifikat prestiġġjuż li bħalu għandhom madwar 60 laboratorju ieħor fl-Ewropa. Ċertifikat li juri li d-Dipartiment igawdi minn kwalità għolja u issa poġġa lil Malta fuq il-mappa f’dak li għandu x’jaqsam is-settur. It-test tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa huwa rigoruż ħafna u dan juri kemm il-ħaddiema Maltin huma professjonali u dedikati f’xogħolhom. Issa qed naħdmu id f’id aktar minn qatt qabel mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa biex il-laboratorji kollha tagħna jingħataw l-ISO Certification biex il-pazjenti Maltin u Għawdxin ikunu żgurati l-aqwa kwalità.”, sostna il-Ministru għas-Saħħa Dr Chris Fearne ma’ IT-TORĊA.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0