L-MFA b'ħidma intensiva biex ittejjeb il-livell tal-futsal f'pajjiżna

  • Aww 23, 2018 00:00
  • Miktub minn iNews

    Il-Malta Football Association ser tkun qed tuża metodu ħolistiku fit-tentattiv li ttejjeb il-livell tal-kompetizzjonijiet lokali tal-futsal, is-settur tat-team nazzjonali u l-coaching.

    Dan qalu l-viċi-president tal-MFA, Matthew Paris, meta kien qed jitkellem dwar l-istaġun il-ġdid 2018-19 li se jingħata bidu għalih fil-ġimgħat li ġejjin.

    Huwa ntroduċa wkoll lill-coach il-ġdid tat-team naz­zjonali Malti, Vic Hermans, li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni minħabba li kien involut f’dan ir-rwol xi ftit tas-snin ilu.

    Dan kollu ntqal waqt konferenza stampa lill-mezzi tax-xandir lokali dwar dan l-isport li baqa’ jgawdi popolaritá kbira.

    L-Avukat Paris, sostna li hemm rieda kbira li l-kompetizzjonijiet domestiċi jkomplu jitjiebu kif ukoll tingħata stampa isbaħ lill-futsal Malti. Dan kollu jista’ jintlaħaq jekk ikun hemm il-koperazzjoni mill-clubs involuti.

    L-istaġun lokali tal-futsal ser jibda, fl-14 ta’ Settembru li ġej, bil-finali tas-Super Cup bejn iċ-champions Valletta FC Futsal kontra l-Universitá ta’ Malta li rebħu l-kompetizzjoni Knock-Out fl-aħħar tal-istaġun li għadda.

    Wara s-Super Cup se jsir training camp għat-team nazzjonali fejn ser ikollu żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra l-Olanda bejn id-19 u l-25 ta’ Settembru.

    Fl-1 ta’ Ottubru, se jin­għata bidu għall-kamp­jonat bl-ewwel round li ser jintlagħab fuq bażi ta’ round-robin qabel mal-10 timijiet jinqasmu f’żewġ kategoriji – l-ewwel sitt ti­mi­jiet imorru għal Elite Futsal League filwaqt li l-aħħar erbgħa jilagħbu fil-Futsal League.

    It-tieni fażi tal-Malta FA Futsal League se tintlagħab fuq żewġ rounds bl-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika tal-Elite League jilagħbu l-finali fuq l-aħjar minn ħames logħbiet play-offs.

    Sadanittant, il-parteċi­panti għal dan il-kampjonat il-ġdid organizzat mill-MFA huma Birkirkara FC Futsal, Luxol St Andrews FC Futsal, Luxol St Andrews FC Futsal Under-19, Pietà Hotspurs FC Futsal, Swieqi United FC Futsal, Swieqi United FC Futsal Under-21, Tarxien Rainbows FC Futsal, University of Malta Students Futsal Team, UM Futsal Academy u Valletta FC Futsal.

    Inizjattiva ġdida li se jkun hemm hi l-introduzzjoni ta’ Promotion-Relegation Tournament bejn l-aħħar żewġ timijiet fl-Elite League u l-aqwa żewġ timijiet tat-tieni faxxa.

     Il-logħbiet ser jintlagħbu nhar ta’ Tnejn, it-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa fil-Pa­diljun Sportiv ta’ Kordin.

    Minbarra li se jkun hemm Futsal Venue Match Dele­gate, l-assoċjazzjoni Maltija tal-football se jkollha uffiċċju dedikat għall-futsal filwaqt li ġie mwiegħed li l-kundizzjoni tar-referees tal-futsal se jkunu qed jitjiebu.

     

    It-Team Nazzjonali u l-Coaching Education

    Fuq livell ta’ team nazzjonali, l-Olandiż Vic Hermans, se jkun qed jieħu l-kariga ta’ coach filwaqt li jkun qed josserva u jgħin fl-iżvilupp tal-coaching f’din il-logħba. 

    Hermans, li llum il-ġurnata għandu 65 sena, kien imexxi diversi timijiet nazzjonali tal-futsal fost­hom l-Olanda, il-Malasja, it-Tajlandja u l-Iran.

    Din se tkun it-tieni darba li se jkun qed imexxi lit-team nazzjonali Malti.

    L-Avukat Paris kellu kliem ta’ tifħir għal dan il-coach Olandiż minħabba r-rispett li jgawdi fix-xena tal-futsal internazzjonali.

    Huwa jaf sewwa l-futsal Malti minħabba li diġà kellu esperjenza f’pajjiżna. Paris temm jgħid li jinsab kunfidenti li bl-esperjenza u l-għarfien li għandu tal-logħba, dan l-isport ser ikompli jiżviluppa dejjem aktar.

    Minbarra l-logħbiet ta’ ħbi­berija kontra l-Olanda x-xahar id-dieħel, it-team nazzjonali Malti ser ikun qed jilgħab erba’ logħbiet ta’ ħbiberija oħra kontra l-Irlanda ta’ Fuq f’Ottubru 2018 u Jannar 2019 bi preparaz­zjoni għal-logħba ta’ kwalifikazzjoni tal-FIFA Futsal World Cup 

     

    L-Ewwel Ġurnata

    (1-5 ta’ Ottubru)

     Swieqi F. v Pietà H.

    Birkirkara FCF v Luxol SA

    Tarxien R.v Luxol SA U19

    Valletta F. v Swieqi U. U21

    UM FA v Unversitá

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook