ARA: “Hemm bżonn li ssir regolarizzazzjoni fis-suq tal-kera”

  • Set 13, 2018 08:13
  • Miktub minn iNews

    Caritas tilqa’ b’mod pożittiv il-miżuri li ħabbar il-Gvern dwar il-propjetà u l-kirjiet

    Problema li pajjiżna qed jaffaċja magħha bħalissa hi dik tal-prezzijiet tal-propjetà u l-kirjiet li dejjem qed jiżdiedu. Hawn kopji li minkejja li t-tnejn li huma jaħdmu xorta waħda jsibuha diffiċli biex fl-aħħar tax-xahar iħallsu l-kera u jkollhom biżżejjed flus għall-ispejjeż oħra tal-ħajja. Biex din ir-realtà ma tkomplix tikber, il-Gvern mistenni li jintroduċi tibdil biex jiggarantixxi serħan tal-moħħ lis-sidien u protezzjoni xierqa lill-inkwilini.

    Inewsmalta.com tkellem fuq dan ir-rigward mad-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt fejn spjega li Caritas Malta għandha tliet skopijiet prinċipali li huma biex ittaffi l-povertà, biex taħdem fuq il-ġustizzja soċjali u biex taħdem fuq l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem.

    Gatt qal li hemm qasam importanti fi ħdan il-Caritas, li huwa aktar pubbliku, fejn issir riċerka fuq il-faqar u fuq dawk il-kategoriji ta’ nies li huma vulnerabbli. Fil-fatt Caritas Malta taħdem biex tkun vuċi għal min qed jaħdem fil-periferija tas-soċjetà.

    Mistoqsi dwar xi jfisser it-terminu faqar u kif inbidel maż-żmien, Gatt qal li kull epoka għandha d-definizzjoni ta’ faqar.  Huwa spjega li kien hemm żminijiet f’Malta fejn wara l-gwerra kien hemm faqar kważi assolut fejn wieħed kien qed ibati biex isib x’jiekol. “B’mod pożittiv din mhix ir-realtà tal-lum, fil-fatt hemm studji li jgħidu li severe material deprivation qed jonqos f’Malta. Huwa ċar li s-saħħa tal-ekonomija ġabet sitwazzjoni fejn għandek persentaġġ għoli tal-popolazzjoni li sejra tajjeb.”

    “sodisfatti li l-għajta ta’ dawn in-nies vulnerabbli qegħda tasal”

    Mistoqsi dwar x’taħseb il-Caritas dwar il-white paper dwar is-sitwazzjoni tal-kirjiet f’Malta, Gatt qal li jħoss li l-awtoritajiet huma konxji ta’ din ir-realtà “u l-fatt li dan il-ħsieb huwa prijorità fl-aġenda nazzjonali tagħtina rassigurazzjoni. Bħala Caritas aħna ninsabu sodisfatti li l-għajta ta’ dawn in-nies vulnerabbli qegħda tasal.”

    “Ovjament naħseb li peress li hemm dak l-impenn tal-flus minn naħa tal-Gvern li huma maħsuba għas-social housing, fejn nafu li hemm ‘il fuq minn 3000 fuq il-lista, itina kuraġġ. Probabli mhux ħa jolqot il-bżonn kollu pero jekk jibda jkun hemm housing affordabli, kera li tkun baxxa li tlaħħaq għal dawk il-faxex iktar vulnerabbli u housing soċjali għal xi ħadd li proprju m’għandu l-ebda mezzi, hemmhekk nibdew intaffu din il-pjaga.”

    Ħaġa fundamentali li hemm bżonn li ssir, jgħid Gatt, hija r-regolarizzazzjoni fis-suq tal-kera. “Bħalissa hawn 80% tal-populazzjoni li għandha dar għalija imma jekk koppji żgħażagħ ħa jibdew isibuha diffiċli biex jixtru ovjament dawk it-80% ħa jonqsu. Il-kontroll tal-abbuż huwa importanti u tajjeb li naraw li n-nies li qed jaċċessaw għall-housing huma verament nies li għandhom bżonn. Din taqa’ taħt ir-responsabiltà kemm tal-awtoritajiet u l-gvern, kemm ta’ min qed jikri u kif ukoll tal-klijent.”

    Mistoqsi dwar x’taħseb il-Caritas dwar il-miżuri li ħabbar il-Gvern, Gatt qal li skema bħal din hija skema li tagħmel sens f’dan il-qafas. “Meta persuna tagħtiha inċentiv biex jekk m’għandix bżonn propjetà tagħtiha lura, hemmhekk qed tinkuraġġixxi u tpoġġi iktar propjetajiet fis-suq. Hemm numru ta’ skemi oħra bħall-għajnuna li tingħata lill-privat biex jirranġa d-dar u nemmen li din hija inizjattiva pożittiva. Qed ngħixu f’realtà li jekk mhux ħa nintroduċu dawn l-iskemi biex jgħinu lil dawn in-nies, dawn ħa jgħerrqu u kull inizjattiva biex ittaffi din il-problema tiġi milqugħa min-naħa tal-Caritas b’mod pożittiv.”

    “ħa jkun hemm nies sinjuri ħafna u nies fqar”

    Jekk inħarsu lejn l-iktar gruppi vulnerabbli huma dawk li għandhom ftit mezzi, qed jiddependu mis-suq tal-kera u forsi għaddejin minn xi forma ta’ kriżi.

    Gatt qal li “hemm dawk in-nies li jkunu għadhom kemm lestew il-programm residenzjali magħna u jibdew ifittxu fejn joqgħodu għax l-ambjent fejn kienu jgħixu qabel mhux tajjeb għalihom. Naf każ ta’ persuna li tfittex il-kera biex ikollha akkomodazzjoni konġunta sabiex tkun tista’ tibni ħajjitha.”

    Gatt spjega ukoll li huwa importanti li wieħed ikollu xogħol għax dan jagħti dinjità lill-bniedem. “Il-qagħad hu problema soċjali. Hawn pajjiżi li r-rata ta’ qagħad tfisser pjaga imma nistgħu ngħidu li f’Malta din mhix ir-realtà, anzi nistgħu ngħidu li r-rata ta’ qagħad huwa kważi null. Ġieli jiġu min iħaddmu fuqna bħala Caritas u jsaqsuna jekk hemmx xi nies li ħerġin mill-programm ta’ riabilitazzjoni u jridu xogħol, u dan huwa pass pożittiv. F’Malta qed ngħixu realtà ekonomika pożittiva fejn huwa ċar li l-ekonomija qed tikber, tiżviluppa u għandna sitwazzjoni ta’ kważi zero unemployment, pero il-gap bejn is-sinjur u l-fqir qed tiżdied.”

    Ovjament hemm dawk li jissejħu gaps. Huwa spjega li jista’ jkun hemm realtà fejn persuni jkollhom pagi baxxi u jekk imbagħad jiddependu mill-kera jista’ jwassalhom biex ma jlaħħqux mal-ħajja u dik issir sitwazzjoni ta’ kriżi. “Meta iktar minn terz tal-paga tmur għas-saqaf tiegħek, tista’ ġġibek f’sitwazzjoni ta’ riskju, u jekk din it-trend tibqa’ kif inhi sejra ovjament għandek iktar nies li mhux ħa jkun possibbli għalihom li jixtru.”

    Huwa spjega li hemm ukoll nies li forsi spiċċaw romol jew separati fejn qabel kellhom post fejn jgħixu u issa li jridu jinfirdu u jagħtu l-manteniment jispiċċaw f’sitwazzjoni ta’ kriżi.

    “Fl-aħħar mill-aħħar għandek faxex vulnerabbli, li fortunatament huma ‘l bogħod mill-maġġoranza, pero hemm ir-riskju li dawn jiżdiedu,” żied jgħid.

    “sikkina li taqta’ minn żewġt ixfar”

    Gatt qal li jekk inti trid taqsam l-ispiża tal-akkomodazzjoni bejn tnejn hija iktar faċli biex tfendi imma mbagħad ġieli jkun hemm koppji li “għalkemm it-tnejn li huma jaħdmu jiġu jgħidulna li l-irħas li sabu jixtru huwa €160,000 imma mhux fil-post li jixtiequ jrabbu l-familja. Hawnhekk qed nitkellmu fuq nies li mhumiex għaddejin minn kriżi personali imma qed jaħdmu imma xorta waħda jsibuha diffiċli biex jixtru propjetà.”

    Realtà oħra li pajjiżna qed jiltaqa’ magħha hija tan-nies barranin, speċjalment in-nies tal-gaming b’pagi għoljin. Ħafna jaraw din ir-realtà bħala l-kawża li tispjega għala l-kirjiet għolew tant li bosta Maltin isibuha diffiċli biex ilaħħqu ma’ dawn il-livelli.

    Mistoqsi dwar dan, Gatt qal li din “hija sikkina li taqta’ minn żewġt ixfar.”

    Dan għaliex, żied jgħid, “dawk li aċċessaw għal proprietà affordibbli bejn is-sebgħinijiet u s-snin disgħin bl-iskemi li kien hemm ovjament forsi anka jekk minnx tara kien batut dak iż-żmien, pero illum il-propjetà tiegħu elevat fil-valur. Dawk in-nies mhux talli ħarġu mill-faqar jew riskju ta’ faqar imma qed jimxu ‘l quddiem ħafna.”

    “Meta ġew tal-gaming bil-pagi għoljin, il-Maltin li kellhom propjetà sabu nies lil min jistgħu jikru b’rata iktar għolja, ovjament b’effett ta’ min m’għandux l-istess mezzi. Min għandu propjetà x’jikri qed imur tajjeb ħafna u dan il-fattur qed idawwar l-ekonomija,” tenna jgħid Gatt.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0