Ċans ieħor għal raġel li rriforma ruħu mill-vizzju tad-droga

  • Set 13, 2018 19:47
  • Miktub minn iNews

    Raġel li rriforma ruħu mill-vizzju tad-droga kellu s-sentenza ta’ sena priġunerija mibdula għal sentenza sospiża fl-appell. 

    Matthew Abela ta’ 36 sena kien tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin u mmultat €100 wara li kien ammetta li flimkien ma’ persuna oħra, ipprova jisraq minn karozza waqt li fil-pussess tiegħu kellu arma bil-ponta.

    Sentejn wara li ngħata din is-sentenza, Abela, li kellu problema kbira ta’ abbuż ta’ sustanzi, ma weriex li kien qed jagħmel ħiltu biex jibdel it-triq li qabad, u dan billi naqas milli jattendi għall-appuntamenti li kellu mal-uffiċjal tal-probation u naqas ukoll milli jobdi l-ordnijiet imposti fuqu mill-Qorti. 

    L-uffiċjal tal-probation li kien assenjat biex isegwi lil Abela spiċċa biex irrapporta l-imġiba mhux regolari tiegħu u ġie mressaq għal darb’oħra fil-Qorti. L-uffiċjal tal-probation stqarr li l-imġiba tal-akkużat kienet dovuta għall-problema tad-droga li kellu, liema problema ma ħallitux ukoll isib impjieg.

    Il-każ tiegħu kien differit diversi drabi biex il-Qorti jkollha aktar ċans tevalwa l-progress li kien qed jagħmel. Minkejja li ngħata numru ta’ opportunitajiet biex jirranġa ħajtu, l-uffiċjal tal-probation irrapporta kif l-akkużat kien attenda għal tliet appuntamenti biss minn tmienja li kellu skedati. Fl-istess waqt ipprovda kampjun tal-awrina tal-akkużat, li rriżulta pożittiv għal kokaina. 

    Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti kienet ikkonkludiet li l-akkużat, “wera biċ-ċar li ma kienx interessat li jaċċetta l-għajnuna biex jindirizza l-probelmi tiegħu, fl-interess tiegħu stess u dak tas-soċjetà,” u kkundannatu għal terminu effettiv ta’ sena ħabs. 

    Kienet din is-sentenza li jidher li kellha effett fuq Abela, li beda jżid fl-isforzi tiegħu biex ikun jista’ jibdel ħajtu. Huwa minn jeddu kkuntattja lill-Community Service Outreach u beda jsegwi programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga, liema programm lestih b’suċċess filwaqt li kellu proċeduri pendenti fl-appell.

    Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, innota kif Abela kien irnexxielu jżomm l-attendenza regolari tiegħu għal-laqgħat ta’ kull ġimgħa u wera “progress notevoli”.

    L-Imħallef Grixti, li rrikonoxxa li Abela kien diġa’ tilef “opportunità tad-deheb” biex jirriforma ruħu, mogħtija lilu mll-Ewwel Qorti, qal li issa kien il-waqt li r-raġel jerġa’ jibda ħajtu mill-ġdid u jiddistanzja ruħu mir-reati preċedenti tiegħu. 

    Il-Qorti għalhekk iddikjarat li r-raġel kien jistħoqqlu ċans ieħor u s-sentenza ta’ sena ħabs effettivi ġiet mibdula għal waħda ta’ sena ħabs sospiżi għal sena.

    L-Avukat Arthur Azzopardi deher għal Matthew Abela.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0