Il-Ministru Ian Borg iżur ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li għaddejjin fuq il-pont bejn Ħal Qormi u l-Marsa

  • Set 14, 2018 12:00
  • Miktub minn iNews

    Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li għaddejjin fuq il-pont bejn Ħal Qormi u l-Marsa lbieraħ filgħaxija, fejn Infrastructure Malta qed jibdlu l-wiċċ tal-pont biex jintroduċu protezzjoni adekwata ta’ waterproofing u saffi ġodda ta’ asfalt bħala parti minn proġett għat-titjib tal-istruttura arterjali. 

    Ix-xogħlijiet għall-manutenzjoni estensiva tal-pont li nbena fis-snin 70, bdew fl-2017 u se jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena. Il-pont bejn il-Marsa u Ħal Qormi jgħaddi mill-Marsa-Ħamrun bypass, għal madwar 6 metri fuq roundabout li tgħaqqad lil Santa Venera, Ħal Qormi u l-Marsa, viċin l-uffiċċju tal-Maltapost. Dan il-pont jinkludi struttura ta’ 70 metru fuq 40 kolonna.

    Il-Ministru Borg qal li, “Dawn huma x-xogħlijiet li fuqhom tiddependi infrastruttura b’saħħitha. Bil-ħidma li qed nagħmlu fit-toroq qed nindirizzaw sfidi li ilhom magħna snin twal u li huma riżultat ta’ infrastruttura li għal għexieren ta’ snin qatt ma ngħatat l-attenzjoni li jixraqilha. Is-sitwazzjoni tat-toroq u tat-trasport ta’ pajjiżna qed tkompli tevolvi – b’hekk qed nippjanaw u nippreparaw għall-futur bil-bini mill-ġdid ta’ diversi toroq. Iżda bl-istess mod importanti li nmantnu x-xogħol li nagħmlu u l-istrutturi li jaqduna. Dan mhux biss biex niżguraw li jkollna infrastruttura effiċjenti iżda wkoll biex fuq kollox nassiguraw lill-utenti tat-toroq tagħna li qed jużaw strutturi siguri u b’saħħithom. Illum qed nibnu b’mod differenti – qed nużaw teknoloġiji u strutturi speċjalizzati għall-użu fil-pontijiet iżda ninsabu kommessi li nmantnu u nwettqu xogħol ta’ tiswija fuq strutturi eżistenti għall-benefiċċju tal-Maltin u l-Għawdxin”.

    Din il-ġimgħa Infrastructure Malta qed timplimenta fażi oħra tal-proġett hekk kif il-wiċċ tal-pont qed jitneħħa sabiex jitpoġġa materjal ta’ waterproofing li se jipproteġi l-istruttura tal-konkos mill-ħsarat tal-ilma. Il-pont qatt ma kien trattat bi protezzjoni bħal din. Ix-xogħlijiet ta’ tibdil tal-wiċċ qed isiru matul il-lejl biex jiġi evitat il-bżonn li tingħalaq il-parti tal-Marsa-Ħamrun bypass mal-ġurnata.

    Infrastructure Malta u l-kuntratturi tagħha qed ipoġġu l-waterproof membrane protettiv fuq medda ta’ 1,400 metru kwadru tal-pont permezz ta’ xogħol delikat li jinvolvi aktar minn 25 ħaddiem. Il-karreġġjata doppja b’erba’ korsiji ġiet maqsuma f’sezzjonijiet biex kull waħda titlesta f’lejl wieħed mingħajr il-bżonn li t-triq tinżamm magħluqa l-għada filgħodu. 

    Fl-ewwel lejl aktar kmieni din il-ġimgħa l-kuntratturi neħħew il-wiċċ eżistenti tal-pont, naddfuh minn kwalunkwe materjal li kien inqala’ u taw saff irqiq ta’ asfalt. It-triq infetħet l-għada filgħodu. Nhar l-Erbgħa filgħaxija l-ħaddiema bdew ix-xogħol fuq il-waterproofing membrane speċjalizzat u importat speċifikament għal dan l-għan fuq l-ewwel parti tal-pont. Eżatt wara ngħataw l-aħħar saffi ta’ asfalt biex din il-parti tat-triq setgħet tinfetaħ mill-ġdid filgħodu. Dan il-proċess qed jiġi repetut diversi drabi kull lejl sakemm il-pont ikun kollu waterproofed u mogħti l-asfalt li mistenni jkun lest sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.

    Il-waterproofing tal-pont kien pjanat wara studji tekniċi li nbdew is-sena l-oħra biex jiddeterminaw it-tiswija u l-manutenzjoni li kien hemm bżonn biex jiżguraw l-istabilità u s-sigurtà tal-istruttura għall-użu preżenti u futur. Ix-xogħlijiet inizjali inkludew ukoll it-tneħħija ta’ partijiet mis-saff ta’ barra tal-konkos ta’ uħud mill-pilastri tal-pont biex isiru testijiet u spezzjonijiet fuq il-kolonni tal-azzar li jirrinforzaw il-pont minn taħt. Ftit ġimgħat ilu, hekk kif ir-riżultati tal-istudji inizjali ġew disponibbli, Infrastructure Malta kompliet bix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni, inklużi t-tneħħija tal-konkos maħlul mill-wiċċ tal-pilastri tal-konkos u l-girders u l-applikazzjoni ta’ trattament protettiv għall-azzar li jirrinforza l-istruttura. Finalment l-azzar li jirrinforza l-pont qed jinkesa bi prodott speċjalizzat tat-tiswija identifikat għal dan l-għan bħala parti mill-istudji tekniċi. Il-manutenzjoni tal-pont hi skedata li titlesta sal-aħħar tas-sena.

    Il-manutenzjoni tal-pont qed tiġi magħquda mat-titjib li għaddej bħalissa fil-kuritur arterjali bejn iċ-ċentru u n-Nofsinhar li jkopri minn Triq Aldo Moro sa parti minn Triq Diċembru 13, il-Marsa-Ħamrunbypass u l-mini ta’ Santa Venera. Dan it-titjib qed isir permezz ta’ proġetti ta’ bini mill-ġdid tat-toroq li nbeda aktar kmieni din is-sena. Din il-ġimgħa Infrastructure Malta ħabbret li t-tliet proġetti ewlenin matul ir-rotta se jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin. Diversi korsiji ġodda u ħoloq imtejba, inklużi sitt korsiji matul il-Marsa-Ħamrun bypass u seba’ korsiji fi Triq Aldo Moro, se jsiru disponibbli qabel il-bidu tas-sena skolastika l-ġdida aktar tard dan ix-xahar. Titjib ieħor, inklużi tliet korsiji oħra u korsija għaċ-ċiklisti ġdida fi Triq Aldo Moro se jinfetħu għall-utenti tat-toroq f’Ottubru.   

    L-aġenzija se tkompli ttejjeb din ir-rotta wkoll bi proġetti oħra importanti inklużi s-seba’ strutturi ta’ pontijiet għat-tielet fażi tal-Marsa Junction Project, il-bini mill-ġdid tar-roundabout ta’ Santa Luċija biex tinkludi żewġ mini li jgħaqqdu Triq tal-Barrani ma’ Vjal Santa Luċija u l-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa f’Santa Luċija.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0