"L-edukazzjoni ma taħdimx bil-kisbiet tal-personalità, iżda bis-sagrifċċji ta’ dawk li jaħdmu mat-tfal"

  • Set 30, 2018 19:44
  • Miktub minn Kenneth Vella
"

    Proċess ta’ evalwazzjoni tal-proġett ‘one tablet per child’ biex tkun deċiża direzzjoni għall-iskejjel sekondarji

    Fil-jiem li għaddew, bdejna sena skolastika ġdida li se tkun waħda li se ġġib magħha ċertu tibdil u novitajiet fis-sistema edukattiva tagħna. Dan għall-ġid tat-tfal tagħna u anki għal dawk li jaħdmu f’dan is-settur. Dawn, u diversi aspetti oħra relatati mal-edukazzjoni iddiskutejthom fil-jiem li għaddew mal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo.

    Sal-lum liema taħseb li kienu l-akbar kisba u l-akbar sfida li kellek bħala Ministru tal-Edukazzjoni?

    L-edukazzjoni ma taħdimx bil-kisbiet tal-personalità, iżda taħdem bis-sagrifċċji ta’ dawk li jaħdmu mat-tfal. L-ikbar kisba tas-sistema hija ukoll l-ikbar sfida – dik li nagħmlu l-edukazzjoni iżjed rilevanti, interessanti u li minflok toqtol il-kurżità naturali tat-tfal aktar tgħinhom jagħrfu l-faxxinu tal-madwar u jitħajru jitgħallmu. Dan il-kunċett mhux xi ħaġa li naslu għaliha, iżda xi ħaġa li kontinwament irridu naspiraw li ntejbu.

    Din is-sena skolastika ċertament hija waħda b’differenza, mimlija novitajiet, speċjalment bl-introduzzjoni tal-learning outcomes framework u mod ġdid ta’ assessjar. Dan barra tibdil iehor. Kif tħares lejn dawn in-novitajiet kollha?

    Inħares lejhom bħala passi pożittivi ta’ proċess ħafna ikbar. Il-fatt li se naqilbu għal mudell ta’ assessjar kontinwu se jgħinna nifhmu iżjed lill-istudenti tagħna u fl-istess ħin ninqatgħu mill-idea li l-eżami huwa kollox u titgħallem biss biex tgħaddi mill-eżami, ħafna drabi mhux billi tifhem il-kunċett iżda titgħallem bl-amment. Il-klassi mhux unit standardizzat, iżda hemm ir-realtajiet ta’ kull wieħed u waħda mill-istudenti tagħna kif ukoll ħiliet u livelli differenti. Dawn huma kollha passi pożittivi biex lit-tfal ngħinuhom iżjed fuq bażi personali bi programmi dejjem iżjed iffukati għal ħtiġijiet tagħhom.

    Xi kultant jintqal li l-edukaturi ma jkunux konsultati biżżejjed dwar ċertu tibdil. Kemm tahseb li hu minnu dan?

    Isir ħafna xogħol min-naħa tad-dipartiment biex ikun hemm konsultazzjoni pero' dejjem nistgħu nagħmlu aħjar. Irridu naħsbu f’metodi innovattivi biex nilħqu dejjem iżjed l-edukaturi, speċjalment fid-dawl tan-numru kbir. Fejn il-konsultazzjoni is-soltu ssir b’mod ta’ laqgħat, wieħed jista’ jħares lejn it-teknoloġija bħala mod ieħor ta’ kif tikkomunika u tikkonsulta mal-eluf ta’ għalliema u edukaturi fl-iskejjel tagħna.     

    Kemm hi reali l-problema dwar nuqqas ta’ għalliema fis-sistema edukattiva Maltija u kemm il-ftehim kollettiv settorjali iffirmat f’Diċembru li għadda mal-MUT jista’ jgħin biex tittaffa din il-problema?

    Minn 3,600 rwol ta’ għalliem fil-bidu tas-sena skolastika, kellna tliet positijiet mhux mimlija ftit jiem qabel tibda l-iskola, u żewġ postijiet minnhom kienu minħabba riżenji fl-aħħar jiem. Il-fatt li dis-sena ma’ kellniex numru akbar ta’ postijiet vakanti huwa grazzi għall-ippjanar iktar strateġiku, iżda ma rridx nagħti l-impressjoni qisu li kollox ward u żahar u l-isfida li nħajru iżjed żgħażagħ jaqbdu din il-linja ta’ xogħol ma teżistix. Naħseb li l-ftehim settorjali ffirmat f’Diċembru huwa pass pożittiv, imma  l-ħidma tkompli biex filwaqt li nsaħħu l-istandards u l-kwalità nħajru iżjed persuni jersqu lejn dan ix-xogħol. Il-ħidma ta’ edukatur hija professjoni, pero' fl-istess ħin hija vokazzjoni wkoll. Persuna tista’ tagħmel id-differenza f’ħajjet it-tfal, u tista’ tkun ispirazzjoni u ta’ għajnuna kbira għal ġenerazzjoni li ġejja.  

    Kif tara r-rwol tal-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti fis-sistema edukattiva tagħna?

    Naħdmu ħafna mill-viċin mal-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti biex noffru esperjenzi dejjem aħjar lit-tfal tagħna. Nitgħallmu wkoll mill-esperjenzi ta’ xulxin u din hija xi ħaġa pożittiva. 

    Matul din is-sena skolastika, l-inizjattiva ‘one tablet per child’ se tidħol fit-tielet sena tagħha bit-tfal li għandhom tablet ikunu waslu fl-aħħar sena tal-primarja. X’se jiġri imbagħad meta dawn it-tfal jibdew jattendu l-iskola sekondarja tagħhom?

    Is-sena d-dieħla t-tfal  kollha ta’ pajjiżna f’ Year 4, 5 u 6 se jkunu qed jużaw tablet fl-iskola bħala parti mill-għodda edukattiva li jistgħu jużaw. Dan kien ippjanat fil-proġett One Tablet per Child li ffoka fuq dawn  it-tliet snin fl-iskola primarja. Bħalissa għaddej proċess ta’ evalwazzjoni tal-proġett sabiex wieħed jara x’inhi l-aħjar direzzjoni li għandha tittieħed għall-iskejjel sekondarji. 

    Ħafna drabi jiġi osservat li t-tfal tagħna ma jmorrux daqstant tajjeb f’eżamijiet internazzjonali bħal PISA jew TIMSS. Naf li ilha għaddejja ħidma biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata. Forsi telabora dwar dan.

    Trid tieħu dawn l-istudji fil-kuntest. Iva, aħna nqisu (mill-eżamijiet lokali u minn assessjar internazzjonali) li t-tfal tagħna huma viċin il-medja Ewropeja, fejn 20% tat-tfal tal-età tal-iskola għandhom bżonn attenzjoni partikolari ħalli jiksbu l-ħiliet fil-qari.  L-eċċezzjonijiet huma xi pajjiżi Asjatici li għandhom sistemi riġidi u l-Finlandja li għandha kultura  li tivvalorizza ferm l-edukazzjoni u l-iskola. Huwa rikonoxxut li dawn l-isfidi ġodda fil-ħiliet bażiċi huma wkoll riżultat ta' modi ta' għixien, prattiċi soċjali u litteriżmi (media u digitali) differenti. Minn naħa tagħna aħna studjajna l-evidenza li għandna f'idejna u nagħrfu li rridu nindirizzaw il-kwistjoni mill-għeruq mal-familji u fl-ewwel snin. Għalhekk permezz ta' ħidma mal-familji, l-iskejjel, u sħab soċjali oħra qed immexxu programmi li fost l-oħrajn jedukaw lill-ġenituri dwar kif jaġixxu ma' uliedhom mill-bidu nett u ħidma mal-għalliema permezz ta' strateġiji bħal ‘language mediation’ u ‘translanguaging’.  Bħal pajjiżi oħra qed niffaċċjaw sfidi li jġibu magħhom il-migrazzjoni u iżjed taħlit fil-klassijiet tagħna li diversi minnhom issa għandhom ambjenti multilingwi.  Qegħdin indaħħlu fl-iskejjel prattiċi internazzjonali bħar-‘Reading Recovery’ li nstabu li huma effettivi fl-ewwel snin tal-primarja u li jindirizzaw il-bżonnijiet fil-litteriżmu.  F'dan is-sens irridu bla skossi kbar inbidlu l-mudell ta' appoġġ li għandna fl-iskejjel, li għadu wisq imsejjes fuq il-valur kwantittativ ta' kemm għandna learning support educators, complementary teachers ecc fuq bażi ta' withdrawal, għal wiehed iżjed kwalitattiv li jikkonsidra iktar l-effettività tal-intervent kemm jista' jkun fil-klassi stess.

    Sfida oħra li tinħass sew fl-iskejjel tagħna, speċjalment dawk statali, hija relatata mal-influss ta’ tfal barranin. X’qiegħed isir biex dawn it-tfal jintegraw aħjar u l-għalliema jkunu preparati aħjar biex jiffaċjaw din ir-realtà ġdida?

    Permezz tax-xogħol tal-iskejjel, bis-sapport tal-Migrant Learners’ Unit (MLU) qed issir ħidma kbira sabiex tfal barranin jintegraw fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Tfal barranin li la jafu l-Malti u lanqas l-Ingliż jattendu sena sħiħa ta’ induction. Dan isir fi klassijiet speċjalizzati fl-iskejjel stess fejn jitgħallmu ħiliet bażiċi fl-Ingliżi u fil-Malti, kif ukoll f’suġġetti oħra. L-għan hu li wara din is-sena, it-tfal ikunu jistgħu jidħlu f’klassi tas-sena partikolari tagħhom u jkomplu l-mixja edukattiva tagħhom flimkien ma’ sħabhom tamparhom.  Il-MLU jorganizza wkoll numru ta’ inizjattivi oħra bħal klabbs bejn tfal Maltin u tfal barranin kif ukoll lezzjonijiet addizzjonali wara l-ħin tal-iskola fl-Ingliż u fil-Malti. Dawn l-inizjattivi jkomplu jgħinu biex tissaħħaħ l-integrazzjoni fl-iskejjel. L-MLU joffri wkoll servizz lill-familji ta’ tfal barranin  sabiex ikollhom is-sapport meħtieġ fl-għażliet edukattivi tagħhom. L-MLU u l-Ministeru jorganizzaw b’mod regolari, taħriġ ghas-senior management, għall-edukaturi u għal staff ieħor dwar il-bidliet li qed iġġib il-migrazzjoni fis-soċjetà tagħna kif ukoll fis-sistema edukattiva  tagħna. 

    Fl-2016 kien ġie ppublikat dokument ta’ konsultazzjoni dwar l-att il-ġdid tal-edukazzjoni. Kapijiet ta’ skejjel, għalliema u l-pubbliku inġenerali kienu intalbu jagħtu l-opinjoni tagħhom. F’hiex waslet il-ħidma f’dan ir-rigward?

    L-abbozzi ġew pubblikati l-ġimgħa li għaddiet.

    X’qed isir biex inħeġġu lit-tfal jistudjaw ix-xjenza u teknoloġija?

    Qegħdin isiru ħafna attivitajiet fix-xjenza u teknoloġijia sabiex inħajru aktar studenti jagħżlu dawn is-suġġetti.  Dan qiegħed iħalli riżultati tajbin, hekk kif aktar studenti qegħdin jagħżlu s-suġġetti tax-xjenza u teknoloġijia bħala l-għażliet tagħhom.  Qabel kollox, huwa t-taħriġ tal-għalliema tas-suġġetti STEM li tgħin bil-kbir fil-popolarità tas-suġġetti tax-xjenza u teknoloġija. Qegħdin isiru dawn l-attivitajiet fost oħrajn Science Safari għall-istudenti tat-8 sena, Olimpjadi tax-Xjenza għall-istudenti tal-11-il sena, Olimpjadi tal-Matematika għall-istudenti tal-10 sena, attività tal-Hi5 (Matematika) għal studenti tal-5 sena tal-primarja, wirja ta’ Robotika għal kulħadd, Design & Technology Expo għall-istudenti kollha, kompetizzjoni bl-isem SuperTmatic (Matematika) għall-istudenti kollha, Teens Science Cafe, fejn numru ta’ professjonisti Malti tax-xjenza u t-teknoloġijia jżuru lill-istudenti fil-klassijiet u jitkellmu magħhom dwar il-professjoni u l-esperjenzi tagħhom. Hemm il-Progett Globe (proġett ta’ riċerka xjentifika) flimkien mal-Ambaxxata Amerikana, Proġett tal-UE li jagħti opporunità lill-għalliema li jiġġeddu fit-tagħlim u li jattendu konferenzi barra l-pajjiż.

    Barra minn hekk isir internship ta’ numru ta’ ġimgħat fejn studenti tax-xjenza fit-tmiem is-sekondarja jagħmlu riċerka flimkien mal-Fakultà tax-Xjenza tal-Università ta’ Malta.  Sar internship ieħor għall-għalliema tax-xjenza li ħadmu numru ta’ ġimgħat fl-industrija sabiex iġeddu t-tagħlim u l-esperjenza tagħhom. Il-website http://sciencecentremalta.net/ tagħti aktar tagħrif dwar it-tagħlim tax-xjenza u teknoloġija.

     X'inizjattivi qegħdin jittieħdu favur it-tagħlim tal-lingwi barranin fl-iskejjel?

    Matul dawn l-aħħar snin, saru diversi inizjattivi mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u X-Xogħol favur it-tagħlim tal-lingwi barranin fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex. Fost dawn insibu l-introduzzjoni, fl-iskejjel Sekondarji, tal-Programm SPA għat-tagħlim tal-lingwi barranin ewlenin; Taljan, Franċiż, Ġermaniż u Spanjol. Il-programm, ibbażat fuq l-aspett komunikattiv, jagħti importanza indaqs lill-4 ħiliet tal-lingwa, jiġifieri il-mitkellem, is-smiegħ, il-qari u l-kitba.

    Inizjattiva oħra, din id-darba fl-iskejjel primarji, hija l-programm FLAP – Foreign Language Awareness Programm, li bħala skop ewlieni għandu li t-tfal ta’ bejn 8 u 11-il sena jinnamraw mal-lingwi u mal-kulturi barranin. Twaqqaf ukoll Working Group  bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti minn Ambaxxati, għaqdiet ta' min iħaddem, awtoritajiet tal-gvern fost ohrajn bl-iskop li tiġi diskussa strateġija nazzjonali favur it-tagħlim tal-lingwi barranin.  

    Inizjattivi oħra ittieħdu ukoll fil-livell Post-Sekondarju. Il-programm SPA ġie introdott ukoll ġewwa l-MCAST fejn, għall-ewwel darba kemm ilu mwaqqaf, l-istudenti kollha ta’ dan il-kulleġġ qed jingħataw l-opportunità li jitgħallmu lingwa barranija. Din l-opportunità ser tibda tingħata wkoll lill-istudenti li, minn din is-sena ser jattendu l-Giovanni Curmi Higher Secondary in-Naxxar jew is-Sixth Form t’Għawdex. U biex dawn l-inizjattivi ikunu suċċess, il-Ministeru ħa ħsieb ukoll li, matul dawn l-aħħar snin, jagħti t-taħriġ neċessarju lill-għalliema tal-lingwi barranin għall-ġid tal-istudenti Maltin u Għawdxin.

    U t-twaqqif tal-ALP Skola Sekondarja/Post-Sekondarja, Paola ?

    L-iskola sekondarja/post-sekondarja li tinsab Paola, ilha mwaqqfa għal dawn l-aħħar erba’ snin u dieħla fil-ħames sena mill-ftuħ tagħha. Hija skola li għandha viżjoni ċara – twassal lill-istudenti li jieħdu t-tagħlim fi ħdanha għal futur fil-linja vokazzjonali. Din hija linja li hawn kilba kbira għaliha fil-pajjiż u minħabba f’hekk għandna bżonn ħafna nies imrawwmin f’dan il-qasam. L-iskola tospita studenti li jkunu telgħin fil-ħdax–il sena fis-sistema edukattiva. Isegwu programm ta’ sena li jwassalhom għal kwalifika f’livell 2 f’żewġ suġġetti vokazzjonali tal-għażla tagħhom. Fost l-24 suġġett vokazzjonali li jistgħu jagħżlu ta’ min wieħed isemmi l-istudju fil-Basic Engineering, Auto Mechanics, Multimedia & ICT Application, Welding & Fabrication, Woodwork, Care Work, Personal & Beauty Care, Hairdressing u Art & Design. L-istudenti jiġu mgħallmin f’laboratorji attrezzati apposta b’makkinarju u għodod relatati mas-suġġett. Għal suġġetti partikolari l-istudenti jingħataw kors b’xejn fil-Food Handling, fil-Health and Safety u kors mill-BICC biex jakkwistaw l-iskill card. Minbarra dan, l-istudenti jkollhom esperjenza ta’ xogħol ta’ sitt ġimgħat.

    Minbarra s-suġġetti vokazzjonali, il-programm jirrikjedi li l-istudenti jitħarrġu wkoll fil-kompetenzi ewlenin. Għalhekk jitgħallmu wkoll il-Malti, l-Ingliż u l-Matematika f’livell 1. Għandhom ukoll is-suġġetti tar-Reliġjon, l-ICT, il-PSCD, Drama u l-Edukazzjoni Fiżika. Studenti li jirnexxielhom jiksbu livell 2 fis-suġġetti vokazzjonali u livell 1 fil-kompetenzi ewlenin ikollhom iċ-ċans li jkomplu l-istudji tagħhom fl-istess skola għal sena oħra billi jidħlu fil-programm ALPplus. B’hekk l-istudenti jkunu jistgħu jiksbu livell 3 fis-suġġetti vokazzjonali u livell 2 fil-Malti, fl-Ingliż u fil-Matematika. Din tkun tarġa għall-istituzzjonijiet post sekondarji oħrajn f’Malta. Minn din is-sena studenti li laħqu l-livell meħtieġ fl-ALPplus fil-welding ser ikunu jistgħu ikomplu sena oħra fl-iskola fl-apprentistat. Fl-aħħar tal-kors ser ikunu qed jingħataw ċertifikat f’livell 4. Fl-iskola, l-istudenti għandhom ukoll is-servizzi tal-guidance u l-counselling bħal f’kull skola. B’hekk l-istudenti jsibu kull tip ta’ għajnuna, kemm dik akkademika kif ukoll dik soċjali u emozzjonali. Għalina huwa importanti ferm li l-istudenti jħossuhom komdi f’ambjent sikur biex b’hekk ikunu jistgħu jitgħallmu u jimirħu fil-linja tagħhom.

    Finalment it-twaqqif u l-funzjoni tal-Istitut għall-Edukazzjoni. X’tikkummenta?

    L-Istitut għall-Edukazzjoni ġie maħluq biex joffri taħriġ għall-edukaturi u dawk kollha li għandhom sehem mit-tagħlim tat-tfal. Beda joffri korsijiet akkreditati f’Ottubru tal-2015 u tul dan iż-żmien ħoloq madwar 80 kors akkreditat f’diversi oqsma. Inħolqu wkoll diversi kwalifiċi bħal Postgraduate Certificate għal dawk l-għalliema ggradwati fit-tagħlim ta’ suġġett mgħallem fis-sekondarja li iżda qed jgħallmu fil-primarja bħala għalliema ‘supply’. Minn dan il-kors diġa’ ggradwaw 26 għalliem u l-kors se jerġa’ jiftaħ f’Ottubru. Postgraduate Certificate ieħor sar fl-Assessjar għat-Tagħlim. Dan sar waqt il-ħin tal-iskola u dam sentejn. S’issa ggradwaw minnu 33 għalliem. L-għalliema kisbu kompetenzi u ħiliet li jgħinuhom jimplimentaw is-sillabi il-ġodda filwaqt li kontinwament jiġbru evidenza individwali tat-tagħlim li jkun qed isir.  Inħolqu wkoll korsijiet fil-livell ta’ Baċellerat u Master Degrees fl-Edukazzjoni li se jibdew jiġu offruti minn Ottubru.  Dawn saru f’xi suġġetti u għadhom iridu jiżdiedu. Kors ieħor li rċieva ammont kbir ta’ applikazzjonijiet kien il-Master Degree fl-Applied Educational Leadership.

    L-Istitut irnexxielu tassew iħajjar lill-edukaturi biex ikomplu jtejbu l-kwalifiki tagħhom tant li applikaw ammont kbir ta’ edukaturi u mhux, għal dawn il-korsijiet. Il-fatt li qed jiġu offruti wara l-ħin tal-iskola, partijiet minnhom qed isiru online u l-assessjar tagħhom hu relevanti għall-klassi qed jattira lil dawk li għandhom għal qalbhom it-tagħlim u jixtiequ jsiru għalliema kkwalifikati. Il-letturi ta’ dawn il-korsijiet huma kollha kkwalifikati kif mistenni skont l-standards tal-NCFHE li hi l-istituzzjoni li takkredita l-korsijiet. Mhux hekk biss, il-letturi ġejjin minn oqsma differenti u b’hekk l-esperjenza hi varjata u huma riżorsa importanti u imprezzabbli. L-Istitut jemmen fl-edukaturi ta’ wliedna. Jemmen li l-edukaturi  kapaċi jevalwaw lilhom infushom u jinnotaw x’għandhom bżonn professjonalment. Bdejna  nimxu  biex nilħqu l-ħolma tagħna. Għadna fil-bidu għax il-ħolma hi kbira ħafna u l-pjanijiet huma kbar. Imma bis-saħħa ta’ min ħolom li jinħoloq l-Istitut, bil-passjoni tat-tim ta’ nies li jaħdmu fl-Istitut, bil-ħeġġa u sens ta’ innovazzjoni li għandhom dawk li qed joħolqu l-korsijiet  qed nimxu lejn it-twettieq ta’ din ħolma flimkien. 

    It-taħriġ tal-għalliema għaddej  minn trasformazzjoni. Nikbru flimkien, ninbidlu flimkien, nitgħallmu flimkien u noħolqu flimkien. Il-professjoni ta’ edukatur hi sabiħa ħafna għax tfisser li għandu l-opportunità li jħobb u jixtieq il-ġid kollu possibli lil kull min hu fdat lilna. Għalhekk jeħtieġ li nibqgħu nittrasformaw ruħna għax irridu nkunu kapaċi niffaċjaw il-bidliet  li qed jiġru madwarna u noħorġu l-aħjar minnhom.  Il-bibien tal-Istitut huma miftuħa għal kull minn irid jikkollabora għall-ġid tal-edukaturi u l-istudenti. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0