Il-Knisja f’Malta tagħti proprjetà biex jitwaqqaf food bank

  • Ott 08, 2018 14:42
  • Miktub minn iNews
"

    L-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Malta Food Bank Foundation iffirmaw ftehim uffiċjali għat-twaqqif tal-ewwel food bank tax-xorta tiegħu f’Malta. Dan is-servizz li se jitmexxa mill-Malta Food Bank Foundation (MFBF) huwa intenzjonat li jiġbor ikel żejjed biex jitqassam lill-għaqdiet mhux governattivi li jgħinu lill-persuni foqra u dawk f’riskju ta’ faqar.

    Il-proprjetà tal-Knisja li ngħatat lill-MFBF għal żmien definit tinsab fil-Ħamrun maġenb il-knisja tal-Kunċizzjoni u kienet tintuża minn Dar Fra Diegu bħala maħżen tal-ikel. L-Arċidjoċesi kkommettiet ruħha wkoll li tagħmel ix-xogħlijiet strutturali meħtieġa biex tgħin fit-twettiq ta’ dan il-proġett. Wara li jitlestew ix-xogħlijiet li bdew din il-ġimgħa, l-MFBF ser tipprovdi t-tagħmir neċessarju, li jinkludi l-ixkaffar u l-makkinarju, kif ukoll ir-riżorsi umani biex din l-inizjattiva titmexxa fuq bażi volontarja.

    Il-Malta Food Bank Foundation, li hija affiljata mal-Federazzjoni Ewropea tal-Food Banks sa mill-2011, ser isservi ta’ pont bejn il-kumpaniji tal-ikel li lesti joffru provvisti żejda tal-ikel u l-NGOs li jgħinu lil dawk imċaħħda mid-dritt fundamentali tal-ikel. Din il-ħidma hija essenzjali sabiex titjieb is-sostenibbiltà tal-ikel u tipprevjeni l-ħela ta’ ikel. Din hija l-missjoni tat-388 food bank tal-Federazzjoni li huma impenjati jitimgħu lil dawk fil-bżonn. FEBA tipprovdi aktar minn 4 miljun ikla kuljum lil 8 miljun persuna fl-Ewropa permezz ta’ 44,700 għaqda ta’ karità f’28 pajjiż fl-Ewropa.

    Waqt laqgħa li saret illum, is-Sibt, 6 ta’ Ottubru 2018, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi li ppresieda dan il-ftehim qal li dan huwa proġett ieħor li permezz tiegħu l-Knisja f’Malta qed twieġeb b’mod tanġibbli għar-realtà tal-faqar f’pajjiżna. Wera l-apprezzament tiegħu għal din l-inizjattiva tal-Malta Food Bank Foundation b’risq is-soċjetà. Għal din il-laqgħa attendew ukoll Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Andrew Azzopardi, Direttur tal-Kummissjoni Ejjew Għandi, Angela Frigo, Segretarju ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Food Banks, u Irene Schembri, Chairperson tal-Malta Food Bank Foundation.

    Is-Sinjura Schembri rringrazzjat lill-Arċisqof Charles J. Scicluna, lill-Isqof Joseph Galea-Curmi u lil Mons. Charles Cordina. Hija qalet li l-ħidma tal-food bank ser timxi fuq it-tagħlim tal-Papa Franġisku li qal li: “Din il-kultura tal-iskart ġabitna insensibbli anke għall-ħela u għar-rimi tal-ikel, xi ħaġa li ta’ min jistmerraha iżjed meta f’kull parti tad-dinja, sfortunatament, tant persuni u familji qed ibatu l-ġuħ jew qed jieklu ikel ħażin”.

    Il-ftehim ġie ffirmat minn Andrew Azzopardi f’isem l-Arċidjoċesi ta’ Malta u minn Irene Schembri f’isem il-Malta Food Bank Foundation.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0