UEFA Nations League: Illum Malta tilgħab kontra l-Kosovo

  • Ott 11, 2018 00:00
  • Miktub minn iNews
"

    It-team nazzjonali Malti, immexxi mill-coach Ray “Żażu” Farrugia, illum ikun impenjat fit-tielet partita valida mill-UEFA Nations League hekk kif jilgħab kontra l-Kosovo, fi Pristina. 

    Din hija logħba mill-aktar diffiċli kontra  team li qed jokkupa l-ewwel post ta’  Grupp D3 meta għandu erba’ punti wara rebħa ta’ 2-0 fuq il-Faroe Islands u 0-0 kontra l-Azerbaijan. 

    Dan il-konfront se jkun l-ewwel minn    tnejn li l-Maltin se jilagħbu fi spazju ta’ tlett ijiem hekk kif nhar il-Ħadd li ġej jaffrontaw lill-Azerbaijan, f’Baku. 

    Malta tinsab f’qiegħ il-klassifika b’punt wieħed wara d-draw ta’ 1-1 kontra l-Azerbaija u t-telfa ta’ 3-1 kontra l-Faroe Islands. 

    Il-coach Malti huwa konxju li dan l-impenn doppju se jkun wieħed diffiċli, speċjalment kontra l-Kosovo minkejja li huma prattikament ġodda fil-qasam tal-football internazzjonali. 

    Infatt, f’Mejju 2016, hu saru membri tal-UEFA kif ukoll tal-FIFA, bl-ewwel partita uffiċjalment tagħhom kienet ir-rebħa ta’ 2-0 fuq Faroe Islands.  

    Il-players li jiffurmaw l-iskwadra ma tantx huma magħrufa għalkemm kważi kollha jilagħbu barra l-pajjiż. Iżda l-aktar magħruf huwa il-viċi-captain, Valon Berisha, li jilgħab ma’ Lazio fil-Kampjonat Taljan. Iżda fil-veritá, proprju llum se jagħmel id-debutt tiegħu f’din il-kompetizzjoni. 

    Min-naħa l-oħra, il-goalkeeper ta’ Cremonese, Samir Ujkani, huwa l-aktar player li rrappreżenta lil pajjiżu b’total ta’ 21 partita. 

    Barra minn hekk, fit-tentattiv li tkompli ssaħħaħ l-iskwadra, l-FA tal-Kosovo, tinsab f’kuntatt kontinwu mal-UEFA fit-tentattiv li  tingaġġa aktar players permezz ta’ bdil tal-passaporti. 

    Intant, il-bieraħ l-iskwadra Maltija għamlet ses-sjoni ta’ taħriġ bl-uniku punt negattiv huwa li d-difensur ta’ Valletta, Ryan Camilleri, jista’ jitlef il-logħba min­ħabba li sofra injury żgħira fl-għaksa. 

    Nieqes ukoll se jkun il-kollega tiegħu fit-team ta’ Valletta stess, Jospeh Zerafa, li jinsab sospiż. Iżda huwa qed jifforma parti mill-kontinġent Malti minħabba li jkun eliġibbli biex jilgħab kontra l-Azerbaijan. 

    Min-naħa l-oħra, iż-żewġ players li jilagħbu barra minn xtutna, Zach Muscat ta’ Pistoiese (fis-Serie C, fl-Italja) u Luke Gambin ta’ Craw­ley Town (f’League two, fl-Ingilterra) mhumiex qegħdin mal-grupp Malti min­ħabba raġunijiet diversi. 

    Filwaqt li Muscat jinsab imweġġa’, Gambin wera x-xewqa li jitħalla barra mill-għażla ta’ Farrugia minħabba li jrid jidra l-ambjent tal-club il-ġdid tiegħu. 

    Bla dubju, din se tkun partita oħra diffiċli għall-Maltin kontra team li minkejja li ġie ffurmat erba’ snin ilu jippossjiedi players straordinarji. Infatti huma ddebuttaw bħala team nazzjonali, nhar il-5 ta’ Marzu, 2014, fid-draw ta’ 0-0 kontra Haiti. 

    Huma lagħbu 22 partita bl-akbar rebħa tkun f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Albanija bl-iskor ta’ 3-0 (29 ta’ Mej­ju, 2018) filwaqt li l-akbar telfa li sofrew kienet fir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2018, kontra l-Kroazja bl-iskor ta’ 6-0 (6 ta’ Ottubru, 2016).

    Il-coach Malti mistenni jaddatta sistema difensiva ta’ 5-4-1 u jopera bil-kontrattakki,  bi probabbiltá kbira li Michael Mifsud ikun l-uniku attakkant. 

    Il-Maltin ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra l-Azerbaijan wara t-telfa ta’ 3-1 kontra Faroe Islands li b’aktar attenzjoni stajna ħadna xi ħaġa minn dan il-konfront meta sakemm l-iskor kienu għadu dak ta’ mingħajr goals, il-Maltin gawdew mill-inizjattiva għal bosta ħinijiet .... Michael Mifsud falla ċans tad-deheb li jiftaħ l-iskor ... sofrejna goal banali min­ħabba nuqqas ta’ attenzjoni ... u kif jiġri bħal dejjem ... il-players ikkrollaw kemm psiko­lo­ġikament kif ukoll fiżikament ... biex l-avversarji ddominaw il-bqija ta’ dan il-konfront. 

    Il-formazzjoni probabbli tat-team Malti hija: Andrew Hogg (Hibernians); André Agius (Hibernians); Fernando Apap (Victoria H.); Clayton Failla (Floriana); Joseph Mbong (Hibernians); Rode­rick Briffa (Gzira U.); Paul Fenech (Birkirkara); Rowen Muscat (Valletta); Michael Mifsud (Birkirkara); André Schembri (Apollon Limassol).

    Il-logħba ser tintlagħab fi Fadil Vokrri Stadium ta’ Pristina, li jesa’ 13,500 spettatur. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0