“Nappoġġjaw il-proposta tal-GWU”

  • Ott 12, 2018 08:37
  • Miktub minn iNews

    Is-Segretarju tal-Affarijiet Internazzjonali fi ħdan il-Federazzjoni tal-Unjins tal-Ħaddiema tal-Belarus Hanna Varfalameyeva dwar il-proposta li kull ħaddiem għandu jissieħeb f’unjin tal-għażla tiegħu…

    “Nappoġġjaw il-proposta li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, dik li għandu jingħata bidu għal diskussjoni nazzjonali biex kull ħaddiem ikun imsieħeb f’unjin tal-għażla tiegħu.”

    Hekk iddikjarat is-Segretarju tal-Affarijiet Internazzjonali tal-Federazzjoni tat-Trade Unions tal-Belarus, is-Sinjura Hanna Varfalameyeva, f’intervista li saritilha minn dan il-ġurnal. Hija kienet waħda mill-mistiedna li indirizzaw il-Kungress Nazzjonali Staordinarju tal-GWU fl-okkażjoni tal-75 sena mit-twaqqif tal-unjin. 

    Hija qalet li l-Federazzjoni tat-Trade Unions tal-Belarus tinkludi fiha mal-4,097,000 persuna, li jfisser madwar 96% tal-poplazzjoni li taħdem. Kien għalhekk li sostniet li l-Federazzjoni qiegħda tappoġġja l-proposta hekk kif imressqa mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU biex kull ħaddiem jissieħeb f’unjin li tkun tal-għażla tiegħu. 

    Mistoqsija dwar ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-GWU u l-Federazzjoni, hija qalet li dawn huma tajbin ħafna, anke fuq bażi amikevoli, kif ukoll huma produttivi ħafna. Hija qalet li f’dawn l-aħħar sentejn il-Federazzjoni organizzat żewġ forums internazzjonali u li għalihom attendew diversi delegazzjonijiet tal-GWU. 

    “Għandna l-istess approċċi dwar ix-xogħol fl-isfera tal-iżvilupp tat-trade unions. Interessanti wkoll il-koperazzjoni li teżisti bejn il-GWU u l-Gvern bl-għan aħħari jkun dak li tipproteġi l-interessi tal-ħaddiema.”

    Is-Sinjura Varfalameyeva żiedet tgħid illi l-moviment trejdunjonistiku huwa importanti ħafna madwar id-dinja kollha għaliex jifforma l-kuxjenza tas-soċjetà.

     Kien hawn li qalet li tinsab imqanqla, f’sens tajjeb, b’dak li ddikjara l-Prim Ministru Joseph Muscat fid-diskors tiegħu waqt il-Kungress Nazzjonali Staordinarju tal-GWU, meta semma li t-trade unions għandhom imorru għand in-nies u jipperswaduhom jissieħbu fi trade union biex ikunu protetti. Dan għaliex fi kliemha stess kulħadd għandu jingħata protezzjoni fi sferi differenti tas-soċjetà.

    Dwar it-tema “il-Futur Huwa Issa” magħżula mill-GWU fl-okkażjoni tal-75 sena mit-twaqqif tagħha, hija qalet li “t-tema hi waħda tajba minħabba li l-futur jibda llum. Fid-diskors tiegħi waqt il-Kungress Straordinarju tal-GWU, kont għedt li d-dinja qiegħda tidħol f’era ġdida. It-trasformazzjoni li qed isseħħ fl-isferi kollha tas-soċjetà - fil-politika, fl-ekonomija, fit-teknoloġija u fl-isfera umanitarja - huma karatteristiċi distintivi tas-seklu 21.”

    Qalet li r-rivoluzzjoni teknoloġika qed twassal għal trasformazzjoni globali fid-dinja tax-xogħol. Qalet li bħala rispons għal din l-isfida, l-għaqda dinjija għax-xogħol (ILO) waqqfet kummissjoni globali ta’ livell għoli dwar il-futur tax-xogħol.

    Tenniet li waħda mill-isfidi globali kbar għall-ġejjieni tax-xogħol hija l-bidla drammatika fil-forom tal-impjiegi, u li bħala riżultat, tqajjem kwistjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-interessi tal-impjegati fil-kundizzjonijiet ta’ xogħol atipiku. Dawn il-proċessi, qalet Varfalameyeva, kulma jmur qed isiru dejjem aktar mifruxa f’ħafna pajjiżi.

    “Imma l-mistoqsija ewlenija tibqa din: X’tip ta’ professjonijiet se jkunu l-aktar imfittxija fil-futur? Din hija sfida serja li ma tistax tissolva minn pajjiż wieħed. Irridu nikkonsolidaw l-isforzi tal-pajjiżi kollha biex nindirizzaw din l-isfida,” temmet tgħid Varfalameyeva. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0