Investiment ta’ €17-il miljun fuq l-infrastruttura tat-toroq matul is-sajf

  • Ott 12, 2018 20:11
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg ippreżenta d-dettalji dwar l-investiment ta’ €17-il miljun li ġie implimentat fuq l-infrastruttura tat-toroq matul ix-xhur tas-sajf.

    Il-Ministru Borg spjega li frott ta’ investiment ta’ ftit aktar minn €17-il miljun f’titjib tat-toroq matul is-sajf 2018, sa Settembru 2018 il-pajjiż diġà kien ibbenefika minn 17.4 kilometri ta’ korsiji ġodda jew mibnija mill-ġdid u 18-il ħolqa mtejba b’miżuri miżjuda għas-sigurtà fit-toroq, tnaqqis fil-ħinijiet tal-ivvjaġġar, u titjib fil-kwalità tal-arja f’inħawi residenzjali viċini.

    Dan ix-xogħol sar matul is-sajf mill-aġenzija l-ġdida tat-toroq Infrastructure Malta, li approfittat ruħha mit-tnaqqis fid-domanda għat-trasport matul dan l-istaġun sabiex ittejjeb il-kapaċità, u l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ wħud mill-aktar rotot traffikużi tal-pajjiż. Bejn Lulju u Settembru, l-aġenzija l-ġdida ottimizzat ir-riżorsi li kellha allokati għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ġodda jew li kienu għaddejjin sabiex tat spinta lill-introduzzjoni ta’ diversi proġetti ta’ titjib fin-network tat-toroq.

    Borg spjega li parti sostanzjali minn dan l-investiment kienet dedikata għat-titjib tad-dħul prinċipali għan-nofsinhar ta’ Malta, bi tliet proġetti mmirati lejn il-kuridur arterjal bejn il-mini ta’ Santa Venera u Triq Aldo Moro fil-Marsa. Tnejn minn dawn il-proġetti, jiġifieri l-bini mill-ġdid ta’ Triq Aldo Moro bħala parti mit-tieni fażi tal-Marsa Junction Project u t-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass, bdew qabel is-sajf u kienu skedati li jitlestew aktar tard din is-sena u s-sena d-dieħla, rispettivament. It-tielet wieħed, li tinkludi t-titjib tat-toroq arterjali li jgħaqqdu lill-Marsa-Ħamrun Bypass ma’ Triq Diċembru 13 u Triq Aldo Moro, ġiet imnedija fil-bidu tas-sajf.

    “Bil-pass li ġie sostnut sabiex dawn il-proġetti jiġi mwettqa, b’ħidma li baqgħet għaddejja lejn u nhar f’ċertu perjodi, Infrastructure Malta rnexxielha tlesti numru sostanzjali ta’ proġetti”, qal il-Ministru Borg.

    Is-sitt korsiji tal-Marsa-Ħamrun Bypass, li nfetħu għall-utenti tat-toroq sal-aħħar tas-sajf, qegħdin inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar matul din ir-rotta b’sa 42%. L-aħħar tlieta mill-10 korsiji ta’ Triq Aldo Moro se jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin, qabel Infrastructure Malta tibda tibni s-seba’ pontijiet tal-Marsa Junction Project biex telimina t-traffic lights biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u tkompli tnaqqas il-ħinijiet tal-ivvjaġġar u t-tniġġis mit-traffiku f’din il-ħolqa kruċjali.

    Matul is-sajf, Infrastructure Malta wettqet ukoll titjib fiż-żewġ roundabouts prinċipali f’Ħaż-Żebbuġ. Dawn il-ħoloq ġew mibnija mill-ġdid b’disinn ġdid sabiex jitnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar, jitjieb l-aċċess għar-residenti tal-lokalità u tiżdied is-sigurtà fit-toroq. Ir-roundabout tal-Mosta Technopark ukoll ġiet modifikata sabiex ittejjeb il-korsija dedikata li tiffaċilita l-ivvjaġġar minn Ħal Lija għall-Mosta, u sabiex tmexxi pedestrian crossing eżistenti għal post aktar sikur. Sadanittant, bottleneck fit-Telgħa t’Alla u Ommu li kienet ilha għal snin twal toħloq dewmien għall-utenti tat-toroq li jkunu qegħdin jivvjaġġaw minn Burmarrad għal Birguma, in-Naxxar u l-Mosta, ġie eliminat bil-bini tat-tieni korsija fid-direzzjoni ’l isfel.

    L-aġenzija tejbet ukoll l-effiċjenza tat-T-junction li tgħaqqad Triq tal-Barrani ma’ Ħal Tarxien lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq u li tinsab ikkontrollata mis-sinjali, billi żiedet korsija dedikata ġdida u billi ottimizzat l-operazzjoni tat-traffic lights. Permezz ta’ proġett ieħor, l-utenti tat-toroq li jivvjaġġaw minn Ta’ Qali lejn ir-Rabat jew Ħaż-Żebbuġ, issa jistgħu jużaw ħruġ ġdid li huwa aktar sikur permezz ta’ triq mibnija mill-ġdid fl-inħawi tal-Ħemsija, minflok jaqsmu minn qalb it-traffiku fil-ħolqa ta’ Triq l-Imdina.

    Titjib maġġuri ieħor fin-nofsinhar ta’ Malta huwa l-introduzzjoni tat-tielet korsija u korsija għaċ-ċiklisti ġdida fil-karreġġjata ’l fuq ta’ Vjal l-Avjazzjoni, bejn il-Gudja u Ħal Luqa. Il-korsija l-ġdida tgħaqqad mal-korsija dedikata li nbniet is-sena l-oħra mar-roundabout tal-Ajruport, u qed tagħti opportunità lill-utenti tat-toroq biex jivvjaġġaw mill-mini ta’ Ħal Kirkop lejn Ħal Luqa mingħajr ma’ jidħlu fir-roundabout jew jingħaqdu ma’ korsiji oħrajn. Dan it-titjib wassal għal titjib ta’ 73.3% fil-ħin tal-ivvjaġġar għal eluf ta’ utenti tat-toroq ġejjin minn Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi u ż-Żurrieq mill-mini ta’ Ħal Kirkop lejn Ħal Luqa, Ħal Qormi u l-Belt Valletta kull filgħodu.

    Il-Ministru Borg qal, “Madanakollu, ix-xogħol ma jiqafx hawn. Hekk kif dawn il-proġetti ġew konklużi, ix-xogħol fuq proġetti oħra f’lokalitajiet differenti jinsab għaddej bħalissa. Dan jinkludi t-twessigħ ta’ Triq tal-Balal bejn in-Naxxar u San Ġwann u l-bini mill-ġdid ta’ Triq Bormla (Taċ-Ċawsli) li tgħaqqad lil Ħaż-Żabbar maż-Żejtun, u l-fażi finali tal-pjanijiet għal proġetti importanti oħra li se jibdew fix-xhur li ġejjin, inkluż il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa bejn il-Gudja u Santa Luċija, it-titjib ta’ Triq Ħal Qormi bejn Ħal Luqa u Ħal Qormi, it-twessigħ ta’ Triq Buqana bejn l-Imtarfa u l-Mosta, il-bini ta’ żewġ mini ġodda taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija u s-Central Link Project li jestendi mill-Bypass tal-Imrieħel għal Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard lejn Ta’ Qali. L-aġenzija qiegħda tiffinalizza wkoll il-proposti għat-titjib ta’ Triq Sant Andrija bejn is-Swieqi, Pembroke u Paceville u diversi ħoloq matul din it-triq. 

    “Lanqas ma nistgħu ninsew l-ewwel sett ta’ 120 triq residenzjali li ġew imħabbra aktar kmieni dan ix-xahar. Qatt ma kien hemm dubju li se nkunu qegħdin inwettqu l-impenn ta’ €700 miljun biex intejbu l-kwalità tat-toroq residenzjali fil-lokalitajiet kollha fis-snin li ġejjin, u fil-fatt l-ewwel xogħlijiet bħala parti minn dan l-investiment bla preċedent għall-bini mill-ġdid tat-toroq se jibdew f’Jannar 2019,” qal il-Ministru Borg.

    Il-Ministru spjega li l-adozzjoni ta’ metodoloġiji ġodda, modi ġodda ta’ ħsieb u ta’ ppjanar wasslu sabiex ix-xogħol ikompli għaddej b’pass sostnut. “Mit-tfassil tal-leġiżlazzjoni li wasslet għat-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, il-ħsieb dejjem kien biex inħarsu lejn modi aħjar ta’ kif nagħmlu l-affarijiet. Anke llum li l-aġenzija qiegħda topera b’mod sħiħ, qegħdin inħarsu lejn diversi modi ta’ titjib. Infrastructure Malta regolarment tevalwa n-network tat-toroq sabiex taqdi bżonnijiet preżenti imma anke bżonnijiet futuri. L-infrastruttura tat-toroq hija dinamika, u b’dan fil-ħsieb, irridu nilqgħu għal din id-dinamiċità sabiex dejjem nimmassimizzaw l-investiment,” spjega l-Ministru Borg.

    Il-Ministru nnota wkoll li l-investiment fit-toroq mhuwiex l-unika mod li bih il-Gvern qiegħed jindirizza l-isfidi tal-konġestjoni u t-traffiku. Din l-aħħar sena rat it-tnedija ta’ diversi inizjattivi sabiex naslu għal modal shift mill-karozza privata għal mezzi tat-trasport alternattivi u aktar nodfa sabiex, fejn hu possibbli, l-utenti tat-toroq ikollhom l-inċentivi biex jagħmlu din il-qabża. Il-gvern tejjeb ukoll b’mod konsiderevoli, flimkien mal-operatur, is-servizz tal-karozzi tal-linja u tal-ferries, u diġà ġew irreġistrati numri pożittivi. Apparti dan, l-inizjattiva ta’ trasport b’xejn għaż-żgħażagħ minn 16 sa 20 sena wkoll wasslet għal riżultati pożittivi.

    “Xogħlna se jkompli, kemm fuq l-infrastruttura tat-toroq kif ukoll fuq inizjattivi oħra. Kif tennejt kemm-il darba, il-pjan tal-Gvern jinkludi soluzzjonijiet short-, medium- long-term. Id-determinazzjoni tagħna hija li nippjanaw, naħdmu u nwettqu għal aktar riżultati pożittivi u importanti għall-benefiċċju ta’ Malta u Għawdex,” għalaq il-Ministru Ian Borg.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0