Herrera: l-Oppożizzjoni bla viżjoni dwar l-ambjent

  • Ott 24, 2018 19:16
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera akkuża lill-Oppożizzjoni li m'għandix viżjoni dwar l-ambjent u minflok tipprova taħdem mal-Gvern biex jindirizza l-isfidi ambjentali tikkritika biss.

    Huwa qal dan waqt is-seduta parlamentari li matulha ġiet diskussa mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex jitħassar l-avviż legali li permezz tiegħu fil-31 ta' Ottubru li ġej se jidħol fis-seħħ il-ġbir tal-iskart organiku madwar il-pajjiż kollu.

    Fl-aħħar ta' dan ix-xahar ir-residenti ta' Malta u Għawdex se jkunu obbligati li kull nhar ta' Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa, mhux aktar minn erba' siegħat qabel il-ġbir, joħorġu borża bajda jew trasparenti bi skart organiku bħal fdalijiet ta' ikel bħal ħaxix, frott, laħam, ħut, ħobż, srievet tal-karti u weraq u fjuri.

    L-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-pajjiż mhux ippreparat għal dan il-pass u kien għalhekk li ressqet l-mozzjoni li ġiet diskussa fis-seduta tal-Erbgħa liema vot se jittieħed fit-30 ta' Ottubru li ġej.

    Fil-mozzjoni, ippreżentata mid-deputati Jason Azzopardi u Robert Cutajar, l-Oppożizzjoni irrimarkat li l-avviż legali ma jiswix “tebaq fwied” il-Ministru għall-Ambjent u wissietu li “se jġib babilonja u konfużjoni” fost diversi kunsilli lokali.

    Madankollu l-istess ministru xejjen il-kritika tal-Oppożizzjoni dwar il-konsultazzjoni pubblika fejn insista li l-Gvern ikkonsulta mal-kunsilli lokali kollha tant li jaqblu mal-iskedi ta' fejn u kif se jsir il-ġbir tal-iskart organiku.

    Herrera iddeskriva l-mozzjoni bħala l-iktar waħda “miskina, pwerila u bla sens” kemm ilu jservi fil-Parlament u sostna li l-Oppożizzjoni għandha viżjoni “miskina u fqira, tal-biżgħa u tad-daħk”.

    Huwa irrimarka li l-Oppożizzjoni lanqas taf l-ABZ tal-politika liema kumment qajjem agħa fid-deputati Nazzjonalista b'Herrera jikkoreġi ruħu u jiskuża ruħu waqt li iċċara li ried jgħid l-“ABC tal-politika” qabel mal-Ispiker Anġlu Farrugia talbu jirtira l-kumment preċedenti.

    Id-daħk u kummenti fost ċertu deputati tal-Oppożizzjoni irrabja lil Herrera sal-punt li waqt li rrefera għall-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali nstema jgħid “kaxkarnikom darbtejn u nkaxkrukom darb'oħra” .

    Herrera akkuża lill-Oppożizzjoni li għalkemm stedinha biex tiddiskuti l-isfidi ambjentali li qed jiffaċċja l-pajjiż din irrifjutat għax riedet tkun f'pożizzjoni li tikkritika dak li jagħmel il-Gvern u saħaq li ħlief kritika distruttiva mhix tagħmel.

    Huwa sostna li l-ġbir tal-iskart organiku diġa daħal bħala proġett-pilota f'Għawdex u f'numru ta' lokalitajiet f'Malta u kien suċċess u nsista li dan huwa parti mill-pjan tal-Gvern biex jindirizza l-problema tal-iskart.

    Herrera saħaq li hemm bżonn indaħħlu mentalita ġdida u nsista li bl-avviż legali li jirregola l-ġbir tal-iskart organiku hija immirata biex l-iskart jinġabar fil-jum u ħin opportun b'rispett lejn il-kommunita.

    Il-Ministru għall-Ambjent semma kif il-ħruġ tal-boroż tal-iskart barra mill-ħin li suppost qed twassal biex fis-sajf jattiraw insetti u ġrieden waqt li fix-xitwa qed jinġarru mar-riħ u l-ilmijiet fit-toroq.

    Fl-istess waqt qal li b'din il-miżura pajjiżna se jkun f'pożizzjoni li jirriċikla aktar u b'hekk jonqos l-iskart fil-miżbliet li jikkawża gassijiet li mhux tajbin għall-ambjent għax fil-preżent diffiċli tissepara skart organiku mill-bqija tal-iskart li jintefa fil-boroż suwed.

    Waqt li qal li multi diġa jeżistu għal min jabbuża mil-liġi dwar l-iskart u sostna li dan l-avviż legali jħarraxhom, Herrera għamilha ċara li għall-ewwel se jitwaħħlu 'stickers' ma' boroż li jinħarġu f'ġurnata jew ħin ħażin biex il-poplu jkun edukat dwar x'għandu jagħmel.

    Il-Ministru għall-Ambjent kompla li fid-djar se jitqassmu fuljetti dwar xi skart għandu jiġi mormi fil-boroż bojod jew trasparenti li fihom għandu jintefa l-iskart organiku u se jitqassmu 170,000 kontenitur.

    Huwa irrefera wkoll għall-kampanja ta' edukazzjoni fejn insista li permezz ta' attivitajiet u reklami anke fuq il-mezzi soċjali l-Gvern qed jipprova jeduka lin-nies dwar din l-inizjattiva.

    Herrera temm l-intervent tiegħu billi iddikjara li huwa jrid li fil-kariga tiegħu jrid li jagħmel tentattiv biex jindirizza l-problema tal-iskart u ma ried lil ħadd jgħid li ma għamel xejn biex isolvi l-isfida li l-iskart iġib miegħu.

    Id-deputati tal-Gvern Alex Muscat, Justyne Caruana u Silvio Parnis intervjenew fejn faħħru l-ħidma li qed jagħmel il-kollega tagħhom Jose Herrera biex jindirizza l-problema tal-iskart u jħares l-ambjent.

    Għan-naħa tal-Oppożizzjoni tkellmu d-deputati David Agius, Robert Cutajar u Jason Azzopardi b'ħadd minnhom ma ikkritika s-separazzjoni tal-iskart organiku u tal-aħħar jirrikonoxxi li l-iskop ta' Herrera kien wieħed tajjeb.

    Fl-istess waqt huma akkużaw lill-Gvern li qed idaħħal l-avviż legali b'mod mgħaġġel fosthom għax il-pajjiż mhux ippreparat minħabba li mhux kulħadd irċieva l-kontenitur, mhux kulħadd infurmat x'għandu jarmi fil-borża l-bajda u għax il-fatt li persuna tista' toħroġ il-borża mhux iktar minn erba' siegħat qabel tinġabar se toħloq problema lil min jaħdem.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0