“Xogħlna huwa li nħallu okkażjonijiet jibqgħu ħajjin permezz ta' ritratti u filmati”

  • Ott 31, 2018 11:21
  • Miktub minn Brian Gatt
"

    Il-fotografu Gino Galea bla dubju li ma għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni, hekk kif il-karriera tiegħu laqqgħetu ma bosta persuni u karattri differenti, anke grazzi għall-kontribut tiegħu fil-passat bħala l-fotografu uffiċjali tal-linja tal-ajru Nazzjonali. Galea ra l-esperjenza tiegħu titkattar fuq l-għeruq kollha li tista’ tifrex il-fotografija. Kemm jekk ritratti ta’ praċett, griżma, żwiġijiet u b’mod speċjali issa li resqin lejn jiem il-gradwazzjoni, Gino u t-tim tiegħu li huwa ffurmat minnu, martu Sandra u uliedu Alison u Clifford jkunu għaddejjin b’ritmu mgħaġġel ħafna biex il-klijent dejjem jingħata prominenza u dejjem ikun sodisfatt bir-riżultat. Minkejja din l-esperjenza dan il-ġurnal talab lil Gino biex jaqsam magħna l-esperjenza tiegħu f’okkażżjonijiet ta’ tiġijiet u l-iżvilupp li sar mas-snin.

    Fl-ewwel kliem tiegħu ma' dan is-sit Gino qalilna li tista tgħid li kollox beda fl-1980 fejn grazzi għal irwol tiegħu bħala fotografu tal-linja tal-ajru Nazzjonali huwa kellu x-xorti li jiltaqa’ ma’ ħafna nies. Huwa spjegalna dwar kif l-ewwel klijenti tiegħu kienu l-istess kollegi tiegħu li kienu jistaqsuh biex jiġbdilhom xi ritratti f’attivitajiet familjari.

    “Ħdimt fi snin fejn il-fotografu ma kellux il-faċilità li jiċċekkja xogħlu”

    Gino tkellem magħna dwar l-ewwel esperjenzi tiegħu f’dan il-qasam. Huwa tkellem dwar żmien fejn ir-ritratti kienu jittieħdu b’film tan-negattiva u li b’dan il-mod il-fotografu ma setax ikollu l-iċken dubju.

    “Kien ikolli ħafna aktar pressjoni, mhux għax ma kontx fiduċjuż f’xogħli, iżda għax int u tieħu r-ritratti ridt tkun 100% ċert li kollox kien f’loku biex ikun jista’ joħroġ ir-ritratt mixtieq mill-klijent,” kompla l-fotografu.

    “Jum it-tieġ se jgħaddi bħal żiffa riħ… il-memorja tiegħu tibqa’ għal dejjem permezz tal-fotografija”

    Gino tkellem dwar il-fotografija bħala professjoni u qal li faċli li wieħed jibda jesperimenta, jinvesti f’apparat u jibda jieħu r-ritratti. Iżda bħalma student jiġi klassifikat skont il-prestazzjoni tiegħu fl-eżamijiet, hekk għandu jiddistingwi ruħu fotografu minn ieħor. Galea kellu x-xorti li jattendi seminars barra minn xtutna fejn seta’ jifhem aħjar x’inhu mistenni minnu bħala fotografu mill-klijenti. Infatti u qalilna li minkejja snin ta’ esperjenza, kellhom ikunu dawn it-taħditiet biex jifhem li “Fl-aħħar mill-aħħar il-koppja qiegħda tinvesti fik biex tippeserva l-memorja ta’ dik li għalihom għandha tkun waħda mill-isbaħ ġranet ta’ ħajjitha.”

    “Rajt ħafna żviluppi… illum it-tieġ b’xi mod jew ieħor sar jolqot il-gosti ta’ kulħadd”

    Il-fotografu qal li huwa jiftakar meta l-koppja kienet tkun fuq ix-xwiek biex tagħżel l-album tradizzjonali u twaħħal ir-ritratti fuq l-istess album, xi ħaġa li llum ġiet issotitwita mill-album diġitali.

    Qalilna li llum it-tieġ sar sofistikat immens u li jista’ joffri minn kollox, ovvjament skont il-baġit u l-gosti tal-għarajjes. Spjegalna li fil-passat, it-tiżjin bil-fjuri u t-tapit l-aħmar kienu xi ħaġa sorprendenti, iżda li llum tista’ tmur tieġ kwalunkwe u tissorprendi ruħek b’dak li ssib ma wiċċek. 

    Żied jgħid li mhux biss id-dekorazzjonijiet żdiedu, fejn fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni tal-unjoni l-koppja tispiċċa fil-mira ta’ “xita ta’ konfetti” mwaddba mill-mistednin, iżda ġew introdotti affarijiet ġodda li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin ikomplu jiżdiedu. Fost dawn insibu l-‘cocktail bar’, mwejjed separati bl-aqwa ikel fosthom ġobniet, għaġin, barbeques, mejda tal-ħelu jew aqwa dak id-daqsxejn ta’ karru mdaqqas li jkompli jżejjen il-post, il-‘Photo boot’ fejn il-mistednin jidħlu u jieħdu ritratt ċkejken b’affarijiet relatati ma’ dak il-jum u l-‘fireworks’ li tista’ tgħid li huma l-aktar riċenti minn dawn kollha.

    Tkellem ukoll dwar l-introduzzjoni ta’ ‘wedding organiser’ li xogħlu hu li jikkordina l-proċess ta’ dawn iċ-ċerimonji. 

    Ma setax jonqos li jitkellem dwar il-midja soċjali, fejn il-koppja dan l-aħħar, lanqas saret tilħaq toħroġ mill-Knisja li ma xxerridx dak ir-ritratt taż-żewġ idejn biż-żieda taċ-ċrieket, simbolu tal-unjoni li jkun għadha kemm seħħet.

    “Żdiedet id-domanda ta’ koppji barranin”

    Il-fotografu qalilna li grazzi għal dawn l-avvanzi, żdied u mhux ftit l-għarajjes barranin li jiġu pajjiżna biex jiċċelebraw din il-ġurnata tant importanti. Spjega li dan jista’ jvarja minn koppja li tiġi waħedha, “fejn xi drabi bħala fotografi nintalbu nkunu x-xhieda tagħhom”, sa familji sħaħ li jiġu b’ajruplani privati biex iqattgħu xi jiem f’pajjiżna. Gino tkellem dwar żieda fl-aħħar tletin sena fejn jidħlu żwieġ ċivili u żwieġ bejn koppji gay u li minkejja li dawk li jiżżewġu bis sagrament taz zwieg fil Knisja jibqgħu hemm, sofrew xi tnaqis minhabba ragunijiet socjali.

    Ritratti ta’ qabel iż-żwieġ u dawk ta’ wara it tieg… “Aktar xogħol… riżultati bellezza”

    Il-fotografu tkellem dwar il-ġmiel ta’ ritratti li żdiedu fl-aħħar snin, dawk ta’ qabel u wara ż-żwieġ, xi ħaġa li madwar hamsa u għoxrin sena ilu kienet xi ħaġa rari immens. Għar-ritratti li jittieħdu qabel iż-żwieġ, normalment l-għarajjes qed jagħżlu tema jew ilbies ta’ epoka partikolari li tkun imsaħħa permezz ta’ affarijiet bħalma huma x-xena, xi vetturi klassiċi, binjiet relatati mal-epoka u ‘make-up’ fost ħafna affarijiet oħra. Gino spjegalna kif madwar 80% tal-koppji llum il-ġurnata jmorru għal dawn it-tip ta’ ritratti u qal li hu jammira ħafna l-preparament li ħafna jittieħed b’serjetà kbira u li jgħin lilu u lil nies fl-istess professjoni biex joħorġu b’ritratti “bellezza”. Ħafna mill-koppji jagħżlu wieħed minn dawn ir-ritratti, jew jiffrurmaw ‘collage’ b’dawk l-aktar li jkunu ġew għal qalbhom.

    Rigward dawk ta’ warajum it tieg, magħrufa aħjar bħala ‘post wedding’, Gino qalilna li 45% tal-għarajjes jagħżlu li jieħdu dawn ir-ritratti u li bħala xeni dawn normalment jinkludu nżul ix-xemx, jew ħdejn il-baħar inkella xi post b’karattru lokali.

    Qalilna wkoll li jkun hemm koppji li jagħżlu li l-ewwel jixtru r-ritratti fuq pen-drive fejn  aktar tard, jew kif qalilna l-istess fotografu “meta jkun il-mument opportun”, jikkuntatjawh u jordnaw l-album diġitali. Il-fotografu ddeskriva din l-għażla bħala xi ħaġa li tkompli ssaħħaħ il-professjonalità f’xogħlu hekk kif inti qiegħed tagħti “biex ngħidu hekk nifs” lill-klijent u din hija xi ħaġa verament apprezzata mill-istess klijenti.

    “L-enfasi m’għandux ikun it-tlellix, iżda d-dikjarazzjoni ta’ mħabba fit-tajjeb u fil-ħażin”

    “Il-fotografija laqqgħetni ma’ ħafna persuni minn Imħallfin, Poltikanti sa nies komuni u oħrajn b’baġit limitat ħafna”, kompla jgħidilna l-fotografu. Huwa tkellem dwar kif tpaxxa meta kellu funzjonijiet fejn koppji b’baġit limitat, minflok marru ghall-ħafna tlellix, illimitaw il festin xieraq ristrett biss ghall familjari u dawk l-aktar qrib tagħhom. Spjega li sabiħ li nżommu saqajna mal-art għax dak jevitalna milli nbatu riperkussjonijiet wara li jgħaddi kollox.

    Mistoqsi rigward il-perċentwali, Gino qalilna li dawk l-għarajjes li ma jaslux biex ikomplu wara ċ-ċeremonja taż-żwieġ huma probabbilment anqas minn 10%; madwar 30% jdumu biex imorru jiġbru x-xogħol u l-kumplament li “jkollhom seba’ mitt sena sakemm ikollhom kollox lest” mill aktar fis possibli wara jum it tieg.

    Tiġijiet li jibqgħu f’moħħ il-fotografu

    Mistoqsi biex jagħżel ftit mit-tiġien li l-ewwel li jiġuh f’moħħu Gino qalilna li għandu tlieta f’moħħu. Qalilna li tieġ li kellu rispons qawwi minnu kien dak bejn Simon u Christlene li żżewġu madwar sentejn ilu u li fir-ritratti ta’ qabel iż-żwieġ ma naqsux milli jiftakru fl-għeruq tagħhom bl-għarus jipprepara xeni fir-razzett ta’ familtu u l-għarusa fl-għelieqi tal-familja tagħha.

    Tieġ partikolari ieħor kien dak fejn ir-riċeviment seħħ fuq xi lanċa fejn l-atmosfera huma u deħlin fil-Port il-Kbir fi nżul ix-xemx diffiċli ssib kliem biex tiddeskriviha.

    Minn naħa l-oħra tieġ li żgur ma jistax jinsa kien dak ta’ koppja barranin li kellhom kollox lest, daħlu pajjiżna bi ‘Cruise liner’, kellhom vetturi klassiċi preparati, iżda dehru mill-ewwel li kien hemm xi ħaġa mhux f’lokha. Ġara li dawn it-tnejn inħakmu mid-dubju u hekk kif ġew biex jagħtu l-kelma lil xulxin, iddeċidew li jieħdu biss l-‘engage’ u minn dak il-mument, l-atmosfera nbidlet ta’ taħt fuq, bil-koppja jqattgħu l-isbaħ sigħat ta’ ħajjithom jiddevertu.

    Suġġeriment frott l-esperjenza ta’ għexieren ta’ snin fil-qasam

    Galea tenna jgħid li hekk kif iż-żmien laqqgħu tista’ tgħid ma kollox fejn saħansitra ra anke kejk itir waqt l-lejl taċ-ċerimonja, jemmen li l-għarajjes għandhom isibu bilanċ u ma jħallux l-entużjażmu jiġri bihom. Dan hekk kif skont il-fotografu jkun hemm għarajjes li tant ikunu maqsumin bl-entużjażmu li jekk tmur xi ħaġa ħażina li kapaċi ma jinduna ħadd ħliefhom b’dak li jkun ġara, jispiċċaw jirrovinaw ħafna mir-ritratti li jkun impossibbli treġġa’ l-arloġġ lura biex tirranġahom… “bħal ngħidu aħna xi tiċrita żgħira fil-libsa tal-għarusa li bilkemm tkun tidher”.

    Huwa kkonkluda b’messaġġ qasir li verament fih x’tixtarr u dan hekk kif qalilna li sfortunatament, il-koppji wara ċ-ċerimonja jirrealizzaw li minkejja dak it-tlellix kollu u dawk l-ispejjeż kollha, lanqas ikunu jafu kif taru tmien sigħat u li b’hekk “tajjeb li l-koppji jinvestu baġit xieraq għal qamar il-għasel fejn ikunu jistgħu jibdew igawdu lil xulxin fil-paċi!”

    RITRATTI: GINO GALEA 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0