“Baqa’ ħafna xi jsir għal dawn it-tip ta’ kameras”

  • Nov 07, 2018 07:40
  • Miktub minn iNews
"

    Nitkellmu mal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia dwar l-introduzzjoni ta’ kameras tal-aħħar teknoloġija bil-għan li jnaqqsu l-kriminalità…

    Il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia huwa tal-fehma li għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir qabel ma tiġi introdotta s-sistema ta’ kameras fit-toroq li l-għan tagħhom hu li jnaqqsu l-kriminalità.

    Ħadna r-reazzjoni tiegħu dwar l-użu ta’ din it-teknoloġija li mistennija tiġi implimentata mis-sena d-dieħla f’postijiet bħal Paceville u l-Marsa biex tkun ikkontrollata mġieba anti-soċjali fil-pubbliku f’qafas legali u fejn jiġu mħarsa d-drittijiet umani.

    L-użu tat-teknoloġija tal-kameras li jużaw is-sistema tal-facial recognition, b’mod ġenerali, hija tip ta’ teknoloġija li permezz tagħha taqbad ċertu karatteristiċi tal-wiċċ li hija kklassifikata bħala data bijometrika, li wara tiġi pproċessata biex tidentifika l-persuna kkonċernata.

    Avukati li tkellmu magħna sostnew li għandu jinstab bilanċ bejn is-sigurtà ta’ persuna u l-privatezza tal-individwu filwaqt li l-Ispettur Wayne Camilleri, stazzjonat l-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa, saħaq li dawn il-kameras se jservu ta’ deterrent u jassistu lill-pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom.

    Min-naħa tiegħu, is-Sur Cachia jgħid li din it-tip ta’ teknoloġija tqajjem ċertu riskju ta’ ksur ta’ privatezza għall-individwi għax tista’ tagħraf l-istess persuni f’ħafna lokalitajiet u allura jista’ jinżammu traċċi ta’ ċaqlieq ta’ persuna minn post għall-ieħor. 

    Għaldaqstant tenna li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data għandhom joqogħdu ħafna attenti biex jaraw li l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem ma jiġux miksura permezz ta’ din it-teknoloġija. 

    Huwa qal li ma kienx kompitu tiegħu li f’dan l-istadju jevalwa jekk l-introduzzjoni ta’ dawn il-kameras iservux ta’ deterrent biex titnaqqas il-kriminalità jew le. 

    “Nemmen li dawn il-konsiderazzjonijiet, b’mod partikolari, kemm tali sistemi kienu effettivi biex tnaqqset il-kriminalità f’pajjiżi oħra, għandhom isiru mill-Gvern u mill-awtoritajiet kompetenti fl-infurzar tal-liġi, qabel tittieħed deċiżjoni jekk għandhomx jiġu introdotti dawn it-tip ta’ kameras. L-effett li jħallu dawn it-tip ta’ kameras fuq l-attività kriminali għandha tittieħed f’konsiderazzjoni biex teżamina l-proporzjonalità.”

    Huwa żied jgħid li minħabba n-natura tagħhom, dawn il-kameras iqajmu mistoqsijiet dwar id-dritt tal-privatezza u għaldaqstant biex jiġu introdotti għandu jiġi kkonsidrat dan l-aspett. 

    “Nibda billi nenfasizza li l-użu ta' kameras u l-ipproċessar ta' filmati jew ritratti li fihom jistgħu jiġu identifikati persuni, jikkostitwixxi data personali u li fil-każ ta' facial recognition, din tammonta għal data bijometrika, li hija kkunsidrata bħala waħda mill-kategoriji speċjali ta' data personali skont Artikolu 9 tar-Regolament Generali Dwar il-Protezzjoni tad-Data (Regolament UE - 2016/679).

    “Il-Paragrafu (ġ) ta' l-Istess Artikolu 9 jipprovdi li dawn il-kategoriji speċjali ta' data jistgħu jiġu pproċessati meta... "l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi biex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data”.

    Għaldaqstant, qal is-Sur Cachia l-punt tat-tluq huwa li jkun hemm liġi b’saħħitha f’dan is-sens. Huwa żied jirrimarka illi l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data (il-Kap. 586) li jikkumplimenta r-Regolament 2016/679, hemm l-obbligu li fejn tittieħed miżura leġiżlattiva li tinvolvi proċessar ta' data personali, “din għandha tgħaddi minn proċess ta' konsultazzjoni ma' dan l-Uffiċċju”. 

    “Apparti dan kollu, peress li l-użu ta' dawn il-kameras qiegħed jiġi propost biex titnaqqas il-kriminalità, wieħed għandu wkoll iħares lejn il-Leġislazzjoni Sussidjarja 586.08 li tapplika b'mod speċifiku għall-ipproċessar ta' data personali fl-ambitu tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali. Regolament 10 ta' din il-Leġislazzjoni Sussidjarja wkoll timponi l-obbligu li f'dawn iċ-ċirkostanzi, jkun hemm liġi. 

    “Minbarra dan, ir-Regolament 27 ta' l-istess Liġi Sussidarja 586.08 jitlob li fejn tip ta' pproċessar, partikolarment bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, u b'kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-finijiet tal-ipproċessar li x'aktarx jirriżultaw f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, hemm l-obbligu li jsir valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data, qabel jitwettaq tali proċessar. 

    “Hemm ukoll l-obbligu li l-Kummissarju jiġi kkonsultat kemm minħabba t-tip ta' l-ipproċessar, li jinvolvi l-użu ta' teknoloġiji, mekkaniżmi u proċeduri ġodda fejn dawn jinvolvu riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta' l-individwi, kif ukoll peress li dan l-ipproċessar ikun irid jsir b'miżura legislattiva u f'dawn iċ-ċirkostanzi hemm l-obbligu li l-konsultazzjoni ssir matul it-tħejjija ta' proposta għal din it-tip ta' miżura,” tenna l-Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data, li fakkar kif dawn huma biss konsiderazzjonijiet preliminari dwar il-qafas legali li għandhom jittieħdu fl-istadju bikri tal-proġett u li huma indispensabbli biex wieħed jikkunsidra jekk tali proposta tistax isseħħ jew le. 

    Eventwalment, huwa qal li hemm diversi mistoqsijiet oħra iktar speċifiċi li jirrigwardjaw iżjed l-operat ta’ dawn is-sistemi u li jiġu kkonsidrati fl-istadju ta’ konsultazzjoni fosthom il-mod kif tinġabar id-data u l-proċess li jitħaddem biex persuna tiġi identifikata permezz ta’ din it-teknoloġija. 

    Is-Sur Cachia rrefera wkoll għas-salvagwardji u miżuri tekniċi biex jiġu protetti dawk l-individwi li mhumiex relatati mal-investigazzjonijiet, il-perjodu taż-żamma tar-rekordings, il-mod kif jiġu infurmati l-pubbliku b’mod ġenerali dwar dan it-tip ta’ pproċessar u u finalment il-mod kif iċ-ċittadini jistgħu jużaw ir-rimedji u d-drittijiet provduti lilhom taħt il-qafas legali. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0