Falzon: il-faqar tajnih daqqa kbira

  • Nov 07, 2018 19:51
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta Soċjali Michael Falzon irrimarka li bil-miżuri li ħa l-Gvern ta daqqa kbira lill-faqar.

    Waqt li kien qed jitkellem fis-seduta parlamentari li matulha ġew diskussi l-estimi tal-istess ministeru, Falzon fakkar kif waqt li fl-2012 kien hawn 99,000 persuna jgħixu f'riskju ta' faqar, l-aħħar statistika turi li llum dawn niżlu għal 82,000.

    Huwa żied li dawk f'faqar sever illum jammontaw għal 14,000 li huwa terz ta' dak li kien hawn fl-2012.

    Falzon għamilha ċara li għalih anke jekk jibqa' 10 persuni f'riskju tal-faqar huma ħafna u waqt li irrimarka li x-xemx ma telgħetx fl-2013 daqstant ieħor saħaq li ma tistax tgħatti x-xemx bl-għarbiel u tiċħad dak li wettaq il-Gvern.

    Huwa semma wkoll li bil-miżuri li ħa l-Gvern mill-2013 'il hawn aktar nies daħlu fid-dinja tax-xogħol waqt li naqsu dawk fuq il-benefiċċji soċjali.

    Fost oħrajn irrefera għas-sistema tat-'tapering', fejn persuna fuq benefiċċji soċjali li ssib xogħol jitnaqsulha bil-mod dawn il-benefiċċji u mhux f'daqqa, u qal li iktar minn 90% tagħhom żammew ix-xogħol.

    Falzon elenka fid-dettall il-ħidma li qed jagħmel il-Gvern fir-rigward tal-pensjonanti fejn semma kif il-pensjoni tagħhom żdiedet fl-aħħar snin wara 25 sena li le u nsista li l-Gvern qed jaħdem ukoll fuq dawk li sofrew inġustizzji fil-passat fejn bejniethom se jingħataw il-miljuni.

    Huwa żied jgħid li bil-miżuri li l-Gvern ħa fl-aħħar snin u anke f'dan il-baġit qed juri kemm verament għandu qalb soċjali u rrimarka li għalkemm id-dinja u r-realtajiet jinbidlu l-valuri tal-ġustizzja soċjali li jħaddan jibqa' jemmen fihom.

    Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta Soċjali temm id-diskors tiegħu billi iddeskriva bħala “żelqa kbira” u “stonatura” min iddeskriva l-Baġit 2019 bħala pakkett kożmetiku u nsistna li mnebbaħ mill-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u l-valuri Insara l-Gvern qed ifittex li jwieżen lis-soċjeta kollha mill-anzjani sat-tfal.

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes irrimarka fost oħrajn li fil-qasam tal-housing dan il-baġit alloka l-ikbar ammont li qatt ġie alloka tu minn €5 miljun fl-2012 issa tela għal €15 miljun.

    Huwa iddikjara li ma jinteressawhx il-figuri daqskemm in-nies u nsista li l-Gvern qed jara x'tip ta' akkomodazzjoni għandhom bżonn in-nies fejn semma kif it-tnaqqis fil-faqar naqqas dawk fuq il-lista ta' stennija.

    Waqt li rrikonoxxa li hawn problema fil-kirjiet, Galdes semma kif kellna sistema antikwata ta' sussidju fuq il-kera mentri issa l-Gvern se jgħin b'tali mod li anke nies li qed jgħixu fil-garaxxijiet se jkunu jistgħu jaffordjaw joqgħodu f'post mikri.

    Fl-istess waqt saħaq li l-ikbar investiment irid isir fil-bini għax l-għajnuna fil-kira hija temporanja u sostna li l-Gvern qed joħloq viżjoni fil-housing li qatt ma kien hawn fil-pajjiż.

    Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilita u Anzjanita Attiva Anthony Agius Decelis sostna li l-baġit allokat għal dan il-qasam żdied minn €8.7 miljun fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti għal €23 miljun.

    Huwa elenka l-ħidma li l-Gvern għamel kemm mal-persuni b'diżabilita kif ukoll mal-anzjani u sostna li hemm pjan ta' ħidma biex it-tnejn li huma jkomplu jiġu mgħejjuna.

    Fis-seduta tkellem ukoll fost oħrajn il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar l-akkomodazzjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar, is-solitudni u l-esklużjoni soċjali Ivan Bartolo.

    Huwa semma każ ta' omm b'żewġt itfal li kellha toħroġ mill-post fejn kienet tgħix u għax ma kellix post alternattiv ingħatat parir toqgħod ma' persuna oħra. Wara li pensjonant daħħalha f'daru u bdiet tgħix hemm sakemm issib post alternattiv, hija spiċċat tilfet il-benefiċċju soċjali u r-raġuni li tawha kienet għax qed tgħix ma' raġel u mhux ma' mara.

    Bartolo irrefera wkoll għall-problema tal-kera fejn irrimara li wara sitt snin titkellem dwar dan l-Oppożizzjoni issa l-Gvern qed jipprova jagħmel xi ħaġa u ħareġ 'white paper'.

    Fl-istess waqt li semma kif il-figuri fil-'white paper' huma ibbażati fuq statistika sal-2016, id-deputat Nazzjonalista qal li l-popolazzjoni kompliet tiżdied minn dik is-sena u allura s-sitwazzjoni ma baqgħetx l-istess.

    Huwa tenna l-għajta tal-Oppożizzjoni li hija ż-żieda fil-popolazzjoni li qed tkabbar l-ekonomija u mhux il-produttivita u waqt li qal li jaqbel li jkun hemm inċentivi biex min għandu post għall-kiri jikrih għal perjodu twil insista li l-'white paper' mhux biżżejjed biex tindirizza s-sitwazzjoni.

    Waqt li ikkritika lill-Gvern Laburista talli għadu ma beniex 'unit' wieħed għall-akkomodazzjoni soċjali, Bartolo qal li matul is-snin il-Partit Laburista kien ikkritika skemi tal-Gvern Nazzjonalista fil-qasam tal-housing imma mbagħad irrikonoxxa li tajbin.

    Id-deputat Nazzjonalista irrefera għall-Iskema Kera u wissa li din tiskadi erba' snin oħra u għalhekk il-Gvern kellu jagħmel pass biex iserraħ ras dawk li qed jagħmlu użu minnha

    Bartolo semma wkoll il-faqar u qal li hawn ħafna nies li mhux ilaħħqu mal-ħajja speċjalment meta l-affarijiet essenzjali qed ikomplu jogħlew u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja mogħtija fl-aħħar baġit m'hiex biżżejjed.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0