Il-Kummissjoni tbassar li l-pagi f’Malta se jikbru bit-triplu taż-żieda fl-UE

  • Nov 08, 2018 13:36
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li Malta se jkollha żieda fil-pagi tal-ħaddiema ta’ 1.8%, li huwa t-triplu taż-żieda li l-istess rapport qed ibassar għall-bqija tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ħareġ mir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea Autumn Economic Forecast. Is-sezzjoni ta’ Malta ġġib l-isem, “Malta: Sustained economic growth”. 

    Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonferma kif bħalissa Malta verament qed tgħix is-suċċess, bi tkabbir rekord fl-impjiegi, żidiet fil-pagi ferm għola minn dawk fil-bqija tal-UE, investiment qawwi u finanzi pubbliċi fis-sod. Bil-mizuri tal-Budget 2019, pajjiżna mistenni jkompli jqawwi r-ritmu ekonomiku filwaqt li tiżdied l-ispiża soċjali u jonqsu l-piż tat-taxxi biex il-ġid ikompli jitqassam aħjar.

    Fil-fatt, l-Autumn Economic Forecast tindika li fl-2018 l-ekonomija ta’ pajjiżna ser tikber b’5.4%, it-tieni l-għola rata ta’ tkabbir fost il-pajjiżi tal-UE. Din is-sena pajjiżna mistenni jikber b’rata aktar minn darbtejn dik fil-bqija tal-UE. Barra minn hekk l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru li fl-2019 pajjiżna se jkollu l-għola rata ta’ tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-UE, bil-ġid nazzjonali tagħna jikber b’4.9%.

    Il-Kummissjoni Ewropea tgħid li t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna se jkun xprunat l-aktar mid-domanda domestika, b’żieda fil-konsum privat. Mistenni wkoll tkabbir qawwi fl-investiment. L-esperti tal-Kummissjoni jgħidu li, “various investment projects co-financed by EU structural funds have started and will boost public investment in the second half of 2018”, filwaqt li, “in 2019, the onset of large-scale projects in the health, tourism and real estate sectors is expected to boost private investment”.

    Il-Kummissjoni qed tbassar li din is-sena r-rata ta’ qgħad f’pajjizna se tkun it-tieni l-anqas fiż-żona ewro u li se tibqa’ mal-4% mill-anqas sal-2020. Għal darba oħra fl-2018 pajjiżna ser ikollu l-akbar żieda fl-impjiegi madwar l-UE, bi tkabbir ta’ 5%. Fl-istess ħin li jibqa’ jgawdi dan ir-rekord sa mill-anqas l-2020, mistennija żieda sinjifikanti fil-pagi. Wara li tqis l-inflazzjoni s-sena d-dieħla, l-pagi f’pajjiżna ser jikbru bi tliet darbiet miż-żieda li ser ikun hemm fl-UE. Dan imur għal kollox kontra tad-diskors fuq cheap labour tal-Oppożizzjoni. 

    Il-Kummissjoni Ewropea tindika li din is-sena r-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna ser tkun 1.8% jew l-istess rata tal-bqija tal-UE. Dan huwa mbassar li jiġri wkoll is-sena d-dieħla. Barra minn hekk, l-esperti tal-Kummissjoni jindikaw li l-inflazzjoni f’pajjiżna l-aktar li qed tinħass huwa minħabba l-qasam tal-lukandi, u mhux kif issostni l-Oppożizzjoni minħabba prodotti tal-ikel. 

    Fejn jidħlu finanzi tal-Gvern, pajjiżna mistenni jkollu t-tieni l-għola surplus fiż-żona ewro, wara l-Ġermanja. Il-Kummissjoni qed tbassar li filwaqt li s-surplus ser jonqos fis-snin li ġejjin, dan ser ikompli jlaħħaq kważi 1% tal-ġid nazzjonali u jibqa’ it-tieni l-aktar għoli wara dak tal-Ġermanja. B’kuntrast madwar l-UE mistenni jkun hemm defiċit ta’ qrib 1% tal-GDP. L-esperti tal-Kummissjoni jirrimarkaw li s-surplus fil-finanzi tal-Gvern Malti ser jibqa’ minkejja tnaqqis fit-taxxi, żieda fl-ispiża soċjali u f’dik kapitali. Dan minħabba li t-tkabbir ekonomiku ser jixpruna aktar dħul tal-Gvern, filwaqt li spejjeż oħra mistennija jonqsu. Fost dawn tissemma’ l-ispiża fuq imgħax, minħabba li d-dejn nazzjonali se jonqos għal 42% tal-ġid nazzjonali sal-2020.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0