77 rekluta jieħdu l-ġurament tal-ħatra ta’ kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija

  • Nov 09, 2018 18:49
  • Miktub minn iNews
"

     

    Sebgħa u sebgħin rekluta bdew karriera ġdida wara li llum ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija. 60 raġel u 17-il mara temmew b’suċċess kors ta’ 17-il ġimgħa fejn ingħataw taħriġ fiżiku u akkademiku fuq, fost oħrajn, suġġetti relatati ma’ liġijiet, drittijiet fundamentali u etika; regolamenti u policies; investigazzjonijiet relatati ma’ xeni kriminali; għarfien tat-traffiku; għarfien fuq reati tematiċi bħal cybercrime u kriminalità ekonomika; għarfien fuq vjolenza domestika, traffikar uman, u l-funzjoni ta’ pulizija komunitarja.

    Ir-rekluta Justin Debono rċieva l-premju bħala l-aktar li ddistingwa ruħu matul il-kors ta’ taħriġ kif ukoll ġie t-tieni fil-prattika, filwaqt li r-rekluta Odin Cutajar ġie l-ewwel fil-prattika. Ir-rekluta Rita Scerri ġiet l-ewwel fis-suġġetti akkademiċi, filwaqt li r-rekluta Dorianne Gatt ġiet it-tieni. Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ippresedew waqt iċ-ċerimonja.

    Il-Ministru Michael Farrugia qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalih li 77 rekluta se jieħdu l-ġurament tal-ħatra bħala kuntistabbli fil-Korp. Huwa ħeġġiġhom sabiex ikomplu jitħarrġu fil-fiżika u fis-suġġetti akkademiċi sabiex javvanzaw fil-karriera tagħhom u eventwalment jitilgħu fl-ogħla livelli fil-Korp tal-Pulizija.

    “Intom l-ewwel reklutaġġ li dħaltu fil-Korp wara li ftit tal-ġimgħat ilu ġie magħluq il-ftehim settorali, li jimmarka pass ieħor ‘il quddiem fi ħdan il-Korp. Għandkom id-dritt li tiġu rrapreżentati minn unions li jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tagħkom. Mexjin bil-pjan li nkompli ntejbu l-faċilitajiet fl-għases. Ħa nkunu qed nużaw il-faċilitajiet tat-teknoloġija tal-informatika sabiex inkomplu navvanzaw u nimxu maż-żminijiet tal-lum.”

    Il-Ministru Michael Farrugia kompla jgħid li flimkien mal-Kummissarju u mal-Kap Eżekuttiv qed jaħdem biex ikun hemm numru hotline fl-għases tal-Pulizija sabiex persuni jkunu jistgħu jagħmlu r-rapporti tagħhom f’każ li ma jkun hemm ħadd fl-għases. 

    Il-Ministru Michael Farrugia faħħar lill-Korp tal-Pulizija għas-suċċessi li kisbu fl-aħħar xhur fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Huwa saħaq li meta jiġi mqabbel Jannar-Settembru 2016 mal-istess perjodu tas-sena 2018, ir-rata tal-kriminalità f’pajjiżna naqset b’18%. Huwa saħaq li trid tkompli l-ħidma sabiex ikun hemm iktar Pulizija fit-toroq. 

    Il-ministru ferħilhom u inkoraġġihom sabiex jibqgħu sodi u jkomplu jaħdmu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

    Il-Kummissarju Cutajar qal li jinsab onorat u sodisfatt li l-Korp ħa jissaħħaħ b’iktar preżenza tal-Pulizija fil-komunità, kif ukoll se jissaħħu l-branki speċjalizzati bħal ma hi t-taqsima ta’ kontra l-frodi u l-ħasil tal-flus. Il-Kummissarju qal li jemmen li ħafna minnhom se jkollhom suċċess fil-karriera tagħhom u assigurahom li l-opportunitajiet mhux ħa jonqsu. Il-Kummissarju qal ukoll li dan hu l-ewwel grupp li daħal fil-Korp tal-Pulizija wara li ġie ffirmat il-ftehim kollettiv li ġab miegħu benefiċċji kbar lill-Pulizija. Huwa awguralhom ukoll l-akbar suċċess.

    Fid-diskors għall-okkażjoni, ir-rekluta Justin Debono irringrazzja lill-Kummissarju u lill-Kmandant tal-Akkademja f’isem ir-rekluti kollha. Ir-rekluta Debono qal li l-każ tal-kuntistabbli Schembri jservi bħala spirazzjoni għall-membri kollha tal-Korp. Huwa għalaq id-diskors tiegħu billi qal lir-rekluti sħabu biex ma jaqtgħux qalbhom għax l-għan tagħhom hu li jservu lill-poplu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0