Teknoloġija ġdida fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija f’Mater Dei

  • Nov 09, 2018 19:49
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Prim Ministru Joseph Muscat u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dalgħodu inawguraw teknoloġija ġdida fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei b’investiment ta’ madwar miljun ewro. Il-finanzjament ta’ dan l-investiment sar mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali.

    L-apparat tal-X-ray fil-Catheterisation Suite ilu jaħdem mis-sena 2008 u l-bżonn li jiġġedded kien ilu jinħass. It-tisħiħ u t-tiġdid tal-apparat sar mingħajr ma nbidel kollox kompletament. Għal dan il-għan iddaħħlet l-aktar teknoloġija moderna u tal-aqwa kwalità.

    Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-investiment minn dan il-gvern fil-qasam tas-saħħa huwa wieħed mingħajr preċedent. “Biżżejjed ngħid li fl-aħħar baġit li ppreżentajna ftit tal-ġranet ilu n-nefqa rikorrenti fuq is-saħħa u kura tal-anzjani ġiet irduppjata biex minn €381 miljun fis-sena 2012 tellajniha għal €781 miljun għas-sena li ġejja.”

    Meta rrefera għall-qasam tal-kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, il-Prim Ministru qal li dan huwa storja ta’ suċċess, grazzi għall-professjonisti kollha li jaħdmu f’dan id-dipartiment taħt it-tmexxija ta’ Dr Robert Xuereb.

    “Illum qegħdin ninawguraw teknoloġija ġdida li se tkompli tassigura li l-pazjenti Maltin u Għawdxin li jkollhom bżonn is-servizz mid-Dipartiment tal-Kardjoloġija, sfortunatament dipartiment li jibqa’ jkun wieħed attiv hekk kif il-mard relatat mal-qalb jibqa’ l-ikbar kawża tal-imwiet tal-Maltin u l-Għawdxin, jingħataw l-aħjar trattament mediku”, qal il-Prim Ministru.

    Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-avvanzi kbar li saru fil-kura medika f’pajjiżna huma r-raġuni li l-livell ta’ ħajja f’Malta hija fost l-aqwa f’pajjiżna, b’poplu Malti u Għawdxi li qiegħed jgħix aktar kif ukoll ħajja ta’ kwalità għolja. Il-qasam tal-kardjoloġija kkontribwixxa u qiegħed jikkontribwixxi għal dan. 

    Id-Deputat Prim Ministru qal li l-kontribut tal-kardjoloġija  huwa dovut b’riżultat ta’ tliet elementi prinċipali. “L-ewwel element huwa li l-professjonisti Maltin u Għawdxin, f’kull livell, huma fost l-aqwa fid-dinja, grazzi għall-Iskola Medika u l-programmi post-graduate li għandna. It-tieni element huwa li bħala gvern għarafna l-ħtieġa li ninvestu f’dan is-settur. Investejna miljuni kbar għal servizz kardjologu li jħabbatha mal-aqwa fid-dinja. Investiment b’finanzjament minn fondi lokali, fondi Ewropej u issa anke mill-NDSF. It-tielet element huwa l-qabża kbira li saret fit-teknoloġija għal dan is-settur—qabża fenomenali. Bħala gvern emminna mill-ewwel li ninvestu fiha u nġibuha lejn pajjiżna”, qal id-Deputat Prim Ministru.

    Irrefera wkoll għall-introduzzjoni ta’ dak li jissejjaħ Cardiac MRI li ftit huma ċ-ċentri madwar id-dinja li għandhom bħalu. “Sa ftit żmien ilu konna nibagħtu 20 pazjent kull sena barra minn Malta għal dan is-servizz – illum qegħdin nagħmlu 25 każ fix-xahar f’pajjiżna stess, f’Mater Dei. Is-servizz se nestenduh billi jkollna t-tielet MRI filwaqt li se nkunu qegħdin nixtru s-servizz ta’ MRI mingħand il-privat li qed jara f’dan is-settur opportunità ta’ investiment. Wara li solvejna l-problemi li sibna, li kienu jvarjaw minn nuqqas regolari ta’ mediċini għal stennijiet twal biex isiru operazzjonijiet varji u nuqqas ta’ sodod, issa ninsabu fis-sitwazzjoni li ngħaddu biex inżidu s-servizzi u nkattru l-effiċjenza li biha jingħataw”, temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0