Missier miżmum milli jsiefer b’bintu wara li minflok Għawdex kien ħadha miegħu l-Ingilterra u mingħajr il-kunsens tal-omm

  • Diċ 06, 2018 09:55
  • Miktub minn Claudio Coleiro
"

    Imħallef laqgħet it-talba ta’ omm għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-eks sieħeb tagħha biex jinżamm milli jsiefer minn Malta b’binthom.

    L-omm għamlet din it-talba wara li saret taf li l-eks sieħeb tagħha kien ġiegħel lil binthom ta’ tmien snin tisraq il-passaport mingħandha u dan biex flimkien marru l-Ingilterra meta l-ftehim bejn il-ġenituri kien li huwa kien se jieħu lil binthom Għawdex għal ġimgħa ta’ bejn il-21 u l-25 ta’ Awwissu ta’ din is-sena. 

    Hija saħqet li kienet qed tibża li l-eks sieħeb tagħha jieħu lil binthom tgħix miegħu l-Ingilterra għalkollox u dan anke wara li kienet saret taf li kien diġa’ għamel talba lill-Qorti tal-Familja biex jagħmel dan mingħajr ma konsultazzjoni magħha.

    Hija spjegat fil-Qorti kif il-partijiet għandhom arranġament informali rigward l-aċċess ta’ binthom minuri, fis-sens li l-istess minuri toqgħod ġimgħa mal-omm u ġimgħa mal-missier. Qalet li meta saret taf li huwa ma kienx ħa lil binthom Għawdex iżda ħadha Londra, hija ikkonfrontatu, bil-missier jgħidilha li kien ġab permess mill-Qorti biex isiefer ma’ binthom.

    Kien għalhekk li marret tieħu parir mingħand avukat, għax kienet qed tibża li peress li din is-sena kiseb passaport Ingliż, huwa kien se jitlaq mill-pajjiż u jieħu lil binthom miegħu. Hija qalet ukoll li skopriet li l-eks sieħeb tagħha kien sab opportunità ta’ xogħol l-Ingilterra u ried li jittrasloka hemm flimkien ma’ binthom.

    Ir-raġel xehed li huwa ġie offrut opportunità ta’ funded Ph.D waqt li jkun ukoll qed jgħallem. Spjega li wara li hu kien qal lill-università Ingliża li ma setax jikkommetti ruħu peress li għandu bint minuri, l-università kienet offriet li tirreġistra lil bintu fi skola qrib l-università.

    Qal li għalhekk informa lill-eks sieħba li kien hemm l-opportunità li t-tifla tqatta’ term jew tnejn f’din l-iskola fl-Ingilterra u jekk ma tkunx kuntenta jerġa’ jiġu lura Malta. Qal ukoll li l-partijiet kienu qed jiddiskutu li huwa jħallas il-passaġġi għall-omm biex tkun tista’ tmur tara lil binthom waqt li tkun l-Ingilterra.

    Qal li l-eks sieħba kienet kuntenta b’dan l-arranġament pero’ lejn nofs Awwissu inbidel kollox u qaltlu li ma kinitx se taċċetta li jieħu lil binthom l-Ingilterra. Huwa beda skambju ta’ ittra bl-avukat u pproċedew b’medjazzjoni, iżda issa t-tifla kienet tilfet posta fl-iskola l-Ingilterra peress li kienu se jżommulha post biss sal-aħħar ta’ Novembru. 

    Barra minn hekk, qal li huwa kien daħal f’kirja ta’ sentejn għall-kera mensili ta’ £1,800 li jista’ jikkanċella biss wara sena. Għalhekk qal li bħalissa huwa qiegħed iħallas din il-kirja għalxejn. Huwa żied jgħid li jekk ma jagħmilx deċiżjoni rigward il-Ph.D sal-aħħar tas-sena kien jitlef l-opportunità.

    Xehed li l-omm kienet diġa’ qablet li jsiefer ma’ binthom l-Ingilterra iżda fl-aħħar minuta kienet bidlet femitha. Qal li l-minuri kienet qalet li ma kienx sew li ommha tagħmel hekk meta kienu diġa’ ftehmu u kienet qabdet u ħadet il-passaport minn fejn iżżommu l-omm. 

    Huwa żied li meta kien ġabar lit-tifla din kellha l-passaport fil-bagalja, u li kienet it-tifla stess li qalet lil ommha li kienu qegħdin Għawdex. 

    Meta mistoqsi għalfejn xorta waħda ħa lil binthom l-Ingilterra, avolja l-eks sieħba ma kinitx tat il-kunsens tagħha, wieġeb illi dan kien għaliex hija ma kinitx tagħtu l-ebda raġuni għall-bdil ta’ fehmitha u għalhekk għalih dan ma kienx jagħmel sens u qabad u mar bit-tifla l-Ingilterra.

    Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima nnotat kif mill-kawża rriżulta, u mhux kontestat, li r-raġel kien ħa lil bintu barra minn Malta mingħajr l-għarfien u wisq anqas il-kunsens tal-omm. 

    “Jirriżulta wkoll li huwa jrid jittrasloka lejn l-Ingilterra għax għandu opportunità li jagħmel Ph.D u jgħallem f’Università Ingliża u jrid jitrasloka flimkien ma’ bintu, li jirriżulta li diġa’ ġiet reġistrata fi skola privata Ingliża, mingħajr il-kunsens ta’ ommha.” 

    L-Imħallef Padovani Grima rat ukoll li, kif jirriżulta mix-xhieda tar-raġel, huwa baqagħlu ftit ta’ żmien biex jaċċetta l-offerta magħmula lilu u lil bintu. 

    Meta kkunsidrat kollox, l-imsemmija imħallef qalet li hemm riskju reali li l-missier jerġa’ jieħu lil bintu minuri tal-partijiet barra minn Malta mingħajr il-kunsens tal-omm jekk il-mandat ma jiġix milqugħ. 

    “Għalkemm il-Qorti tista’ tifhem id-diżappunt tal-missier, xorta waħda tinsab verament imħassba bl-imġiba tiegħu illi sfaċċatament aġixxa kontra r-rieda tal-omm sempliċiment għax ma fehemx, jew aħjar, m’għoġbitux l-opinjoni tagħha rigward fejn għandha tirrisjedi binthom. 

    “Il-Qorti tfakkar li l-minuri hija bint iż-żewġ partijiet, għalhekk kull deċiżjoni li tirrigwardja t-teħid tal-minuri barra minn Malta teħtieġ il-kunsens taż-żewġ partijiet, jew alternattivament, awtorizzazzjoni mill-Qorti. 

    “Huwa żgur pero’ li r-raġel ma jistax jaqbad u jieħu l-liġi b’idejh u joħroġ lill-minuri mill-pajjiż mingħajr tali kunsens jew awtorizzazzjoni u jekk jagħmel dan għandu jistenna li jkun hemm riperkussjonijiet severi għal tali aġir. Għaliex dan minnu nnifsu joħloq biża’ reali u raġjonevoli, almenu fuq bażi prima facie, għall-omm li bintha tittieħed barra minn Malta mingħajr il-kunsens tagħha għal darb’oħra.”

    Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti laqgħet it-talba tal-omm u waqqfet lir-raġel milli jieħu lill-minuri barra mill-gżejjer Maltin jew jippermetti lil xi ħadd jieħu l-imsemmija minuri barra minn Malta.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0