“Trawma doppja għall-koppji”

  • Diċ 06, 2018 11:06
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Psikoterapista speċjalizzat fil-qasam kliniku jitkellem ma’ inewsmalta dwar kemm effettivament annullament doppju jaffettwa ħażin lill-koppji meta wara li dawn jieħdu l-annullament legali xorta waħda jkollhom jerġgħu jgħaddu minn proċeduri oħra, din id-darba aktar intensivi, biex jieħdu l-annullament tal-Knisja. “Wieħed irid jifhem x’jiġri f’dawn il-proċeduri ta’ annullamenti mill-Knisja fejn bniedem irid jgħid u jikxef affarijiet intimi u personali quddiem ix-xhieda.” 

    Il-professjonista jgħidilna li persuna l-ewwel tmur fl-Ewwel Stanza u wara jerġa’ jgħaddi milll-istess affarijiet fit-Tieni Stanza meta l-każ jinstema’ quddiem il-Knisja u hemmhekk in-nies ikollhom id-diffikultajiet speċjalment meta diġà jkun hemm sentenza maqtugħa. Fi kliem sempliċi jispejgalna kif jekk fl-ewwel sentenza tgħid li żewġ persuni kienu inkompatibbli, normalment fil-Knisja din ir-raġuni tkun aktar mirquma u tidħol f’iktar dettal u għalhekk “jkun hemm ħafna aktar uġigħ għal dawk involuti”.

    Il-psikoterapista jgħidilna kif iċ-ċivil ma jidħolx fir-reqqa daqs il-Knisja bħal per eżempju meta persuna jkollha tiddeskrivi ċerti affarijiet intimi li kellha x’taqsam ma’ żewġha. Fil-Knisja tista’ biss tiżżewweġ mara ma’ raġel u raġel ma’ mara. “L-iktar ħaġa li tinkwetani lili hi li l-imħallfin tal-Knisja huma magħżulin mill-Isqof għax dawn iħaddnu t-teoloġija li forsi tkun viċin iktar tal-Isqof. L-imħallfin tal-qorti ċivili almenu għandhom l-imparzjalità u suppost iridu jkunu onesti fil-ġudizzju, mentri l-imħallfin tal-Knisja m’humiex marbutin hekk,” jgħidilna l-professjonist. 

    Isostni li, “l-imħallfin tal-Knisja jimxu ma’ dak li jħossu u għalihom l-onestà u r-rabta hi mal-Mulej,” u jżid jgħid li t-teoloġija tad-dnub f’dan is-sens u t-teoloġija tar-riti Kanoniċi mhux jitħalltu, imma jkunu ħafna viċin ta’ xulxin. 

    “Punt importanti li wieħed importanti li jsemmi hu li l-bniedem ikun qed jiġi ritrawmatizzat. Persuna tgħaddi minn trawma meta jkollha terġa’ tirrepeti kollox quddiem il-qorti,” jispjegalna l-psikoterapista. Hawnhekk hu jagħti eżempju ta’ kif vittma jkollha terġa’ tiffaċċja lill-agressur tagħha meta terġa’ tibda l-proċeduri ta’ l-annullament fejn fost oħrajn hemm il-qari tal-atti u li x-xhieda jaqraw l-atti dwar hu x’inhu jgħid fuqek u int x’qed tgħid fuqu. 

    Jgħidilna wkoll li, “hemm storja dwar kif il-proċeduri tal-annullamenti saru u dan minħabba li kien hemm tfal ta’ nies politiċi li kellhom bżonn iġibu l-annullament u l-annullament tal-Knisja kien jimponi fuq dak taċ-ċivil u nbidlet il-liġi b’ċikka”. Żied jgħid li din saret biex takkomoda ċertu nies kif sfortunatament jiġri dejjem u li dan mhux kien isir qabel biss u llum le.

    Kostura emozzjonali li m’hemmx prezz għaliha

    Il-psikoterapista jgħid li hemm riċerka li tikkonferma li l-koppji li jerġgħu jgħaddu minn dawn it-tip ta’ proċeduri jgħaddu minn trawma doppja. Aktar milli tul ta’ żmien jew spejjeż hemm isemmi l-kostura emozzjonali li m’hemmx prezz għaliha u hawnhekk jagħti eżempju fejn ikun hemm omm li jkollha d-dwejjaq u li dan id-dwejjaq jinħass ukoll mit-tfal. “Tini prezz ta’ dik?” jistaqsi l-professjonista bi ftit emozzjoni fi kliemu. Huwa jemmen li hemm affarijiet li huma bla prezz u ħadd ma jista’ jikkwantifikahom bħala prezz ta’ flus. 

    “Il-karba ta’ wġigħ li jkollha persuna meta tkun trawmatizzata hi kbira,” isostni s-sors. Huwa jitkellem ukoll dwar dawk il-persuni li jkunu jerġgħu jixtiequ jibnu ħajja ġdida u jkun Kattoliċi Kristjani li ngħataw annullament. 

    “Ma jfissirx li għax ħadu annullament dawn ma jixtiequx jgħixu l-ħajja Kristjani u jipprattikaw is-sagramenti. Sakemm għadek ma ġibtx l-annullament tal-Knisja jekk qed tgħix ma’ persuna tkun qed tgħix fid-dnub.” Il-psikoterapista jispjega kif dawn il-koppji li nfirdu jintalbu jgħixu kast jew kasta u għalhekk il-bniedem ikun qed ikun aljenat ukoll. 

    “Jekk dan ikollu l-annullament ċivili u għadu għaddej biex jikseb l-annullament tal-Knisja, għadu midneb, ma jistax ikun hemm is-sagrament u hemm il-kundanna, mingħajr ma trid, istituzzjonali,” ikompli jispjega. Huwa jgħid li dan sakemm ma jkunx hemm ukoll xi vetitum biex jirranġak, li jfisser meta l-Knisja tneħħilek għal ftit żmien, sakemm ma tmurx tneħħih għand xi ħadd, il-permess li terġa’ tiżżewweġ għax ma tkunx xieraq lejn l-istituzzjoni taż-żwieġ quddiem il-Mulej. 

    Il-Mulej li bena l-Knisja ma jikkundannax…

    “Jien għalija l-Mulej li jikkundanna mhuwiex il-Mulej tiegħi,” ikompli l-psikoterapista. Isostni li, “il-Mulej li naf jien hu l-Mulej li jħobb u għen lil Madalena. Meta Ġesù kien bniedem, miet u sar Alla l-ewwel u unikament li deher kien lil Madalena, li kulħadd jemmen li kienet midinba u allura ried jgħidilna xi ħaġa fiha din. Dan apparti li qabeż għaliha biex ma jħaġġruhiex. Il-Mulej b’hekk jurina n-nuqqas ta’ kundanna u meta sar Alla lil din il-mara deher,” jisħaq is-sors. 

    Il-psikoterapista jgħid li l-Knisja li waqqaf Ġesù waqqafha fuq Pietru li gidiblu tliet darbiet u dan jiġifieri li l-Knisja hija mibnija fuq nies dgħajfa. “Din mhix il-Knisja Vanġelika għax il-Knisja Vanġelika fiha ħafna qassisin li jagħmlu ħafna ġid, li jgħinu lill-batut u lill-fqir u għandha patrijiet li jagħmlu ħafna sagrifiċċju u jiddedikaw ħajjithom għal Alla, imma l-istituzzjoni fejn hemm il-politika interna għandha bżonn tħares  lejn l-għeruq tagħha u ovvjament tara kif qegħdin isiru ċertu deċiżjonijiet. 

    Huwa jgħid  li, “aktar ma’ l-Knisja tagħmel hekk aktar taljena lil kulħadd għax illum in-nies xorta jgħixu ħajjithom. Fiż-żminijiet tal-lum ma nitkellmux fuq familja, imma familji għax id-definizzjoni lanqas hi fil-plural għax hemm ħafna forom ta’ familji - raġel ma’ mara, raġel ma’ raġel, mara ma’ mara.” 

    Il-psikoterapista jaqbel li b’dan il-mod in-nies iħossuhom imbuttati ‘l barra mill-Knisja u anke f’ċerti każi mkeċċijja u temm billi qal li, “aktar mal-Knisja tagħmel hekk, aktar milli żżomm kontroll, din aktar tbiegħed lin-nies” u li dan jidher ċar fl-istatistika fejn l-attendenza niżlet u l-prattika tas-sagramenti, b’mod speċjali l-qrar u t-tqarbin, qegħdin jispiċċaw neżlin ukoll. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0