Tiżdied il-produzzjoni tal-Kokaina … 25 mill-qtil ta’ Pablo Escobar, il-moħħ wara n-negozju tal-kokaina

  • Jan 08, 2019 20:00
  • Miktub minn iNews
"

    Fl-aħħar xhur u ġimgħat diversi aġenziji irrappurtaw kif żdiedet il-produzzjoni tal-kokaina. Dan hekk ki pajjiżi fl-Amerika t’Isfel fosthom il-Kolombja u l-Venezwela minħabba żieda fid-domanda, żiedu l-produzzjoni. Dan kien segwiet minn qabdiet kbar ta’ drogi f’portijiet Spanjoli u Portugiżi fost oħrajn ta’ droga li kienet se tkun traffikata fl-Ewropa. Kienu qabdiet li seħħew fi żmien meta Pablo Escobar, kien riesaq biex jagħlaq l-annversarju ta’ 25 sena mindu inqatel mill-Pulizija f’Medelin.  Escobar kien il-pijunier fil-kummerċ tal-Kokaina.

    Bil-mewt ta’ Escobar rajna it-tmiem ta’ era partikolari f’dak li hu traffikar ta’ droga.  Mill-banda l-oħra ma’ tmiem ta’ din l-era twieldet era oħra differenti f’dak li hu traffikar ta’ kokaina.  Il-belt Kolumbjana ta’ Medellin, baqgħu fiċ-ċentru ta’ dan it-traffikar.

    ll-Medellin Cartel ma baqax jeżisti

    L-entità kriminali li kien waqqaf Escobar, il-Medellin Cartel illum m’għadhiex teżisti. Tista’ tgħid li din bdiet tgħid bil-mod il-mod wara li inqatel. L-istruttura tal-Cartel, li kienet tinvolvi il-kontroll tal-kuntatti kollha fil-katina tad-droga mill-produzzjoni sal-bejgħ tagħha, illum ukoll spiċċat. Illum dawk li qed jesportaw il-kokaina, ftit li xejn għandhom x’jaqsmu ma’ Escobar, li kien figura b’poter kbir.

    F’dawn l-aħħar 25 sena, in-negozju tad-droga fil-Kolumbja spiċċa frammentat.  Escobar kien il-kap inkontestat tal-Medellin Cartel. Cartel li kien jara li jġib il-coca mll-Peru u l-Bolivja, wara din tkun proċessata fil-ġungli tal-Kolumbja u minn hekk din tintbagħat fi kwantitajiet lejn l-Istati Uniti. 

    Għal sentejn sħaħ wara l-mewt ta’ Escobar, dak li kien jissejjaħ Cali Cartel kien irnexxielu  jkomplu jopera dan il-mudell.  Biss fis-sena 1995, il-mexxejja ta’ dan il-Cartel kienu inqabdu. Dawn kienu magħrufin bħala l-aħwa Rodriguez Orejuela.

    Mis-sena 1995 ‘l quddiem, l-attività kriminali marbuta man-negozju tad-droga bdiet tinbidel. Ma kienx hemm personapġ ieħor bħal Escobar, bl-influwenza u l-poter  li kellu biex imexxi u jikkontrolla l-industrija tal-kokaina u l-kuntatti kollha fis-sistema.

    Kienet l-epoka fejn bdejna naraw jitwaqqfu federazzjonijiet fin-negozju tad-droga bħal Norte Del Valle Carter u l-United Self Defenece Forces of Columbia (AUC), armata para militari li twaqqfet u għenu fit-tkabbir tagħha eks membri tal-Medellin Cartel fosthom dawk li ssejħu PEPES li tfisser Persuni Ppersegwitati minn Pablo Escobar, liema grupp twaqqaf fis-sena 1992.

    Il-PEPES kienu twaqqfu wara li Escobar kien qatel żewġ persuni importanti fil-Medellin Cartel. Dawn kienu Gerardo Moncada u Fernano Galeano.  Dan il-qtil kien qasam il-Medellin Cartel, b’fazzjoni tiddikjara gwerra fuq Escobar u b’hekk waqqfu l-PEPES.  Dan kien grupp finanzjat minn Cali Carter.  Il-PEPES kien jinkludi membri fundaturi li wara saru il-United Self Defence of Columbia. Fost dawn kien hemm  Fidel u Carlos Castano, u Diego Murillo magħruf bħala ‘Don Berna’.

    Fis-sena 2006, diversi fazzjonijiet fit-traffikar tal-kokaina spiċċaw fi gwerra imdemija.   Tfaċċaw gruppi ġodda ta’ traffikar fosthom dawk li ssejħu “BACRIM”. Dan il-grupp tfaċċa meta  għadd ta’ kmandanti tal-United Self Defence of Columbia fosthom Don Berna kienu estraditi lejn l-Istati Uniti.  Wieħed mill-aħħar mexxejja tan-Norte Del Valle Carter kienu inqabdu jew inqatlu. Don Diego inqabad fis-sena 2007 waqt li Wilber Varela inqatel minn nies tiegħu stess fis-sena 2008.

    Pablo Escobar illum żgur li ma jagħrafx kif inbidlet din l-industrija … il-capo de capos ma jeżistix

    Kieku llum Pablo Escobar għadu ħaj mhemm ebda dubju li mhux se jagħraf il-mod ta’ kif inbidel dan in-negozju tat-traffikar ta’ kokaina.  Il-BACRIM huma meqjusa bħala it-tielet ġenerazzjoni ta’ sindakati fi traffikar ta’ kokaina. Fuq kollox id-differenza minn żmienu issa saret li ma jeżistix dak li kien jissejjaħ il-‘capo de capos’ illum ma jeżisti.  Qed nitkellmu fuq persuna waħda li jkollha l-kontroll kollu f’idejha.

    Illum meta persuna titla’ sew mas-sellum kriminali, il-Pulizija Kolumbjana flmkien mal-Amminstrazzjoni tal-Infurzar kontra id-Droga tal-Istati Uniti jidentifikawh u jwarrbuh. Illum dawk li tista’ tgħid li jixbħu is-sistema li kien iħaddem Escobar huma s-Sinaloa Cartel fil-Messiku, immexxijin minn Joaquin Guzman magħruf bħala ‘El Chapo”.  Dan iżda jaħdm bħala parti minn federazzjoni u mhux mexxej uniku ta’ grupp partikolari.

    Il-BACRIM inbidlu f’sindakat li diffiċli tkissru

    B’riżultat ta’ pressjoni mill-awtoritajiet Kolumbjani u anke minn awtoritajiet internazzjonali, il-BACRIM inbidel f’sindakat krimianli li hu diffiċli ħafna tattakkah  kważi impossibbli tkissru. Il-BACRIM żviluppaw f’netwerks kriminali, units differenti u indipendenti minn xulxin.  Dawn ftit hemm konnessjonijiet bejniethom.

    Waqt li hemm units li huma importanti aktar minn oħrajn, fosthom dak ta’ Urabenos immexxi Dario Antonio Usuga, meta jitneħħa unit, dan ma jkissirx is-sisema u lanqas jaffettwa il-produzzjoni tal-kokaina jew it-traffikar.  It-traffikanti illum, huma armati mhux bl-armi imma bl-iPad.  Waħda mill-problemi kbar li għandhom il-Pulizija Kolumbjana llum hi biex jidentifikaw lil dawn it-traffikant

    Dwar dan jikkummenta eks Kap tal-Pulizija Kolumbjana, il-General Oscar Naranjo magħruf għal suċċessi li għamel kontra it-traffikar tad-droga.  Hu kien qal li “il-mafja saret prattikament inviżibbli”. 

    Ħafna mill-units krimianli huma traffikanti bi ftit nies magħhom, li jużaw il-BACRIM bħala protezzjoni u jieħdu vantaġġ mis-servizzi li dawn joffru fosthom il-kontroll ta’ moviment f’kurituri interni fil-pajjiż u li jiżgura li jkollhom aċċess għal żoni li minnhom isir it-traffikar barra ‘l pajjiż. 

    Il-BACRIM llum għandhom portfolio kriminali diversifikat

    Escobar kien idaħħal il-parti l-kbir tal-flus mit-traffikar tal-kokaina. Imma llum il-BACRIM għandhom portfolio kriminali ferm diversifikat fosthom minjieri illegali tad-deheb, gambling, drogi sintetiċi u marijuana. Escobar ma kienx ibigħ drogi għall-konsum tal-Kolumbjani. Illum il-BACRIM qed timla’ l-bliet Kolumbjani  b’narkotiċi illegali.

    Medellin għadha l-belt kapitali tal-Kokaina

    Il-Belt ta’ Medellin għadha meqjusa bħala l-belt kapitali tal-kokaina.  Sa minn żmien Escobar il-qtil f’dan il-belt kien l-ogħla wieħed fid-dinja.  Wara l-mewt tiegħu l-qtil kompla.  Bejn is-sena 2009 u Lulju tas-sena 2013 kien stmat li xejn inqas minn 7,000 persuna inqatlu fil-gwerer tal-mafja f’Medellin.  Illum hemm dik li tissejjaħ ‘paċi kriminali’ u kien hemm żmien meta naqas sew il-qtil.

    Illum gruppi fil-BACRIM bħal Oficina de Envigado u l-Urabenos qed jaħdmu flimkien  biex jipprovdu protezzjoni u servizi għal ġenerazzjoni ġdida ta’ traffikanti tad-droga.   Dan il-ġenerazzjoni ġdida ta’ traffikanti taħdem b’mod differenti ħafna, fejn it-traffikani  aktar tista’ tqabbilhom ma’ imprendituri żgħar jew negozjanti ta’ suċċess.

    Mhux iffukati biss fuq is-suq Amerikan

    It-traffikanti tad-droga illum mhumiex iffukat fuq is-suq tal-Istati Uniti li hu ddominat mill-Messikani.  Illum it-traffikanti Kolumbjani qed jiżviluppaw swieq ġodda fl-Ewropa. Ħafna qed jaħdmu mal-mafja Taljana jew inkella waqqfu operazzjonijiet f’pajjiżi oħra tal-Amerika Latina.  Hemm min ħa vantaġġ  mis-suq domestiku Brażiljan jew minn dak li dejjem qed jikber fl-Arġentina. Il-kriminalità Kolumbjana  emigrat il-barra mill-pajjiż u ħadet l-esperjenza kriminali magħha.  Illum issib Kolumbjani li jiġu arrestati b’konnessjoni ma’ traffikar ta’ droga f’pajiżi bħal Peru, Spanja, Bolivja, l-Arġentina u anke fl-Ewropa

    Tsunami ta’ kokaina lejn l-Ewropa

    Illum, it-traffikar tal-kokaina tant kiber u dan b’riżultat tad-domanda li hemm, li aġenziji Ewropej tal-infurzar qed jitkellmu fuq ‘tsunami ta’ kokaina’ traffikata lejn l-Ewropa. Kokaina li qed tidħol mhux biss permezz tal-bastimenti tal-merkanzija imma anke f’titjiriet lussużi u  permezz ta’ couriers imqabbdin apposta.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0