Intervista ma’ Cristian Brocchi ... coach ta’ Monza

  • Jan 10, 2019 00:59
  • Miktub minn Cristian Muscat
"

    Cristian Brocchi twieled fil-belt ta’ Milan nhar it-30 ta’ Jannar 1976 u llum għandu 42 sena. Bħalissa jinsab fil-kariga tat-team mis-Serie C Taljana, Monza.

    Huwa kien ukoll jilgħab bħala playerf’nofs il-ground f’karriera ta’ 19-il sena li fiha lagħab ma’ diversi timijiet fosthom Milan, Pro Sesto, Lumezzane, Hellas Verona, Inter, Fiorentina u Lazio.

    Dan kellu jkun l-aħħar club li Brocchi  lagħab miegħu wara li fl-istaġun 2012-13 kellu jirtira mil-logħba tal-football wara injuries persistenti li beda jsof­ri.

    Bħala player, Brocchi kien jilgħab bħala midfielder difensiv u kien jiġi nnotat ħafna minħabba s-saħħa l-fiżika tiegħu u l-mod ta’ kif kien jirkupra l-ballun mingħand l-avversarji tie­għu speċjalment fis-settur ta’ nofs il-ground.

    Minkejja li lagħab ma’ diversi timijiet, l-aqwa żmien tiegħu kien ma’ Milan fejn lagħab għal seba’ staġuni konsekuttivi.

    F’dan il-perjodu huwa rebaħ darba l-kampjonat tas-Serie A, fl-istaġun 2003-04, kif ukoll żewġ edizzjonijiet tal-UEFA ChampionsLeague fl-2003 u l-2007.

    Ma’ Lazio huwa kellu ċ-ċans ukoll li jirbaħ il-Coppa Italia darbtejn fl-2009 u l-2013.

    Brocchi lagħab darba biss mat-team nazzjonali Taljan u dan ġara, fil-15 ta’ Novembru 2006, meta l-coach ta’ dak iż-żmien Roberto Donadoni lagħbu sa mill-bidu fid-draw ta’ 1-1 kontra t-Turkija.

    Wara xi snin iservi bħala coach tat-team taż-żgħażagħ ta’ Milan, Brocchi ġietu opportunitá tad-deheb biex imexxi lill-ewwel skwadra tar-Rossoneri.

    Dan kollu seħħ, fit-12 ta’ April, 2016, meta ta’ 40 sena daħal fil-kariga minflok Sinisa Mihajlovic. Minkejja kollox l-esperjenza tiegħu mar-Rossoneri damet biss xahrejn u nofs għax f’Ġunju ta’ dik l-istess sena, l-ogħla awtoritajiet tal-club kienu ħatru lil Vincenzo Montella minfloku.

    Minn hemm Brocchi ġie fdat it-tmun tat-team mis-Serie B, Brescia, matul l-istaġun 2016-17. Din l-esperjenza kellha t-tlugħ u l-inżul tagħha minħabba li, f’Marzu 2017, tkeċċa wara sensiela ta’ riżultati negattivi.

    Ftit tax-xhur wara huwa serva fil-kariga ta’ assistent coach mal-club Ċiniż ta’     Jiangsu Suning.

    Ftit tax-xhur ilu huwa nħatar biex imexxi lil Monza fis-Serie C Taljana, kariga li għadu jokkupa sal-lum il-ġurnata.

    Bħalissa Brocchi jinsab f’Malta biex imexxi lil Monza fi training camp ta’ ġimgħa. Din mhux l-ewwel darba li dan il-coach ġie Malta minħabba li, lura għas-sena 2007, kien fi training camp ieħor bħala player ta’ Milan fiż-żmien meta kienu lagħbu partita ta’ ħbiberija kontra Birkirkara.

    Dak l-istaġun kellu jin­temm b’mod glorjuż għar-Rossoneri minħabba li f’Mej­ju ta’ dik is-sena kienu rebħu l-UEFA ChampionsLeague fil-finali kontra Li­ver­pool.

     

     

    Xi tgħidli dwar il-kar­riera tiegħek ta’ player?

    Kienet karriera verament sabiħa fejn lgħabt ma’ diversi timijiet. Irbaħt ħafna unuri prestiġjużi fosthom il-UEFA Champions League, il-kampjonat u l-Coppa Italia. Inħoss li tajt kontribut kbir ma’ kull min lgħabt miegħu għalkemm niftakar li l-aħjar żmien tiegħi għaddejtu  ma’ Milan fejn domt nilgħab seba’ staġuni.

    L-isfortuna tiegħi kienet li kelli ħafna injuries u għalhekk kelli nirtira fl-età ta’ 36 sena.

    Kelli nagħżel x’kien ser ikun il-pass li jmiss min­ħabba li t-tobba qaluli li l-injury setgħet titfaċċali għal darb’oħra.

    Kien għalhekk li komplejt fil-football iżda bdejt kapitlu ġdid fil-kariga ta’ coach. Issa ninsab f’dan ix-xogħol fejn qed inkompli nitgħal­lem dejjem aktar sabiex intejjeb il-ħiliet tiegħi.

    Int kellek ix-xorti li tmex­xi club glorjuż bħal AC Milan bħala coach. X’kienu l-emozzjonijiet li ħassejt meta ngħatajt din il-kariga?

    Kienet esperjenza qasira iżda mimlija emozzjonijiet li għenitni nikber mhux biss bħala coach iżda wkoll bħala bniedem.

    Li int tmexxi club bħal AC Milan li nafu kemm rebaħ trofej fl-istorja tiegħu, kienet xi ħaġa prestiġjuża għalija.

    Fil-veritá għamilt li stajt għalkemm ma kinitx avventura daqshekk faċli. Jien kelli l-isfortuna li dħalt fl-aħħar parti tal-istaġun meta l-affarijiet ma tantx kienu sejrin tajjeb u b’xi mod ippruvajt nagħlaq l-istaġun bl-iktar mod dinjituż.

     

    X’inhu l-iktar xogħol diffiċli dak ta’ player jew ta’ coach?

    Bla dubju li l-iktar xogħol diffiċli huwa dak ta’ coach għax minbarra li trid tippjana s-sessjonijiet ta’ taħriġ  minn ġurnata għall-oħra, int trid tkun mexxej li lest li tmexxi diversi persuni li għandhom karattri diffe­renti u li jirnexxielek iż­żomm il-grupp magħqud kemm jista’ jkun.

    Trid tkun lest li tiffaċċja l-pressjoni mill-aħjar li tista’ iżda wkoll li tistudja lill-avversarju li tkun ser tilgħab kontrih.

    Min-naħa l-oħra meta tkun player m’għandek xejn minn dan. Bħala player, xogħlok hu li tilgħab u xejn aktar. Int tiddeċiedi x’inhu l-aħjar għalik u sa ċertu punt hemm il-lat egoistiku tiegħu.

    Minkejja kollox, kull ħaġa għandha l-perjodu tagħha u wara karriera twila bħala player, ridt inkompli għad­dej f’dan l-isport li tant inħobb u b’hekk qbadt ix-xogħol fil-coaching.

    Trid tkun umli biżżejjed u tgħid li għadek qed tit­għallem u li lest tagħmel diversi sagrifiċċji sabiex ittej­jeb il-ħiliet tiegħek meta jkollok it-tmexxija ta’ club.

     

    Bħalissa qed tmexxi lil Monza fis-Serie C Taljana. Kif tista’ tiddeskrivi din l-esperjenza li għaddej minnha?

    Hija esperjenza partikolari li tkun coach ta’ Monza. Ngħid li kien grazzi għal Milan li jien ninsab fejn ninsab. Dħalt f’Ottubru minflok il-coach Marco Zaffaroni.

    Silvio Berlusconi jemmen fil-kapaċitajiet tiegħi u mhux darba jew tnejn li smajtu jgħid li huwa jammirani bħala persuna.

    Dan il-club qed jieħu l-affarijiet b’serjetá kbira u ninsab ixxurtjat li qed naħdem f’ambjent ferm trankwill.

    Bħalissa qegħdin fil-fażi fejn diversi clubs jaħsbu biex isaħħu l-iskwadra f’dan is-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar.

    Aħna qed nagħmlu l-almu tagħna biex nirbħu l-kampjonat tas-Serie C iżda mhux faċli. F’moħħi għandi li npoġġi lil Monza f’kam­pjonati ogħla minn dan għax dan il-club hekk jimmeritah.

     

    Int dħalt tmexxi lil dan il-club meta l-istaġun kien diġá beda. Kemm hu diffiċli li tiret team li jkun beda fuq sieq ħażina?

    Mhux faċli li tieħu team li int ma tibdiex l-istaġun miegħu. L-ewwelnett xi players li jkunu ġew introdotti fl-iskwadra ma jkunux għażla tiegħek u apparti minn hekk mhux faċli li ttella’ l-moral tal-players wara perjodu li t-team ma jkunx sejjer daqstant tajjeb.

    Issa nittama li wara dan is-suq ta’ Jannar nieħdu l-aqwa elementi fejn filwaqt li nsaħħu lit-team inkunu kapaċi nisfidaw għall-po­żizzjonijiet għolja tal-klassifika.

     

    Kemm ifisser għalik Silvio Berlusconi?

    Ifisser ħafna għalija għax huwa persuna li ta ħafna lil Milan u fuq kollox anke lill-Italja.

    Barra minn hekk, kif għedtlek, huwa ammiratur kbir tiegħi u għandu fiduċja kbira fil-kapaċitajiet tiegħi.

    Min-naħa tiegħi, jien qed nipprova nroddlu lura bir-riżultati dak li hu fdali. Berlusconi huwa persunaġġ kapaċi ferm li kapaċi jkompli jagħti kontribut lid-dinja tal-football.

     

    Imma f’qalbek tixtieq li jerġa’ jkollok opportunitá oħra li tmexxi lil AC Milan?

    Se ngħidlek il-verità. Li nirritorna ma’ AC Milan mhux l-ewwel obbjettiv tie­għi. L-għan ewlieni tiegħi huwa li nikkowċja u daqshekk.

    Nixtieq nitgħallem aktar biex nkun coach aħjar.

     

    Kif tarah il-futur tie­għek?

    Dejjem infittex li kulfejn immur nikkowċja jkolli ġo fija dawk l-emozzjonijiet u l-objettivi li fl-aħħar mill-aħħar inkun kapaċi nilħaq.

    Għalhekk jien nara l-futur tiegħi nkompli nik­kowċja. Kollox ma’ kollox ma tantx inħobb nara kbir. Inħobb nimxi pass pass imbagħad nimxi ‘l quddiem skont l-opportunitajiet li jkolli quddiemi.

     

    Nixtieqek tgħaddi mes­saġġ lil dawk in-nies li qed jaqraw din l-intervista.

    Nixtieq insellem lil kulħadd u ninsab kuntent li ninsab Malta għat-tieni darba f’ħajti.

    Nispera li anke din id-darba din il-gżira terġa’ ġġibli l-fortuna u nirbaħ ħafna ma’ Monza.

    Fuq kollox irrid insellem lill-poplu Malti li huwa wkoll segwaċi tal-football Taljan. Barra minn hekk huwa poplu simpatiku u għaldaqstant għandi rispett kbir lejh.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0