“Il-Prim Ministru kien qalli baxxi rasek u ibqa’ aħdem għall-pajjiż” - il-Ministru Konrad Mizzi

  • Jan 10, 2019 07:57
  • Miktub minn iNews
"

    “Bqajna naħdmu fis-silenzju. Il-poplu wriena kemm irid il-kontinwità. Id-digriet li ngħata fil-Qorti huwa wieħed ta’ importanza kbira. Simon Busuttil għamel minn kollox biex jipprova jagħmel il-ħsara b’allegazzjonijiet lejna. Għalkemm għandu kull dritt jagħmel l-allegazzjonijiet, irid jara kif jippruvahom. Din hija r-raba’ vendikazzjoni lejja, l-ewwel waħda flimkien mal-Prim Ministru, fil-każ tal-Egrant fejn ħareġ biċ-ċar li jien ma kellix kont fil-Bank Pilatus u fejn qalu li rċevejt miljun ewro f’dak il-kont. Ħareġ biċ-ċar mill-inkjesta li dan mhu veru xejn.”

    Dan sostnieh il-Ministru Konrad Mizzi b’reazzjoni għas-sentenza li ngħatat mill-Qorti dwar allegazzjonijiet li kieu saru minn Busuttil, u li dwarhom il-Qorti qalet li kienu biss spekulazzjoni.

    Fil-kummenti li għamel magħna l-Ministru Mizzi qal li “allegaw ukoll li ħadt flus mill-Ażerbajġan fejn ġie ppruvat ukoll mill-inkjesta li ma kien vera xejn. Allegaw li m’għidtx lill-konsulenti tiegħi li jien politikant, u rbaħt libell f’dan ir-rigward fejn ġie ppruvat kif dejjem għidt il-verità. Din hija prattikament ir-raba’ darba fejn għal darb’oħra, il-Qorti tatna raġun. Jien dawn l-aħħar erba’ snin bqajt naħdem fis-silenzju wara li tkellimt mal-Prim Ministru Joseph Muscat u qalli baxxi rasek u ibqa’ aħdem għalija u għall-pajjiż biex nagħmlu d-differenza għall-poplu Malti u Għawdxi. Bqajt naqla’ kuljum, għalkemm jien għandi familja bħalma għandu kulħadd. Jiġifieri meta tara l-artikli skorretti kuljum dwarek, iweġġgħu. Dan l-istess fil-każ tal-Prim Ministru u ta’ Keith Schembri.”

    Jenfasizza li “għalkemm batejna tul dawn l-aħħar erba’ snin, b’sens ta’ lealtà lejn il-poplu Malti u Għawdxi bqajna naħdmu kemm nifilħu. Morna quddiem il-poplu għal mandat ieħor ta’ fiduċja fl-2017, ippreżentajna manifest elettorali ieħor, u l-poplu żied il-fiduċja. Ħareġ biċ-ċar li l-poplu Malti u Għawdxi huwa seren bit-tmexxija ta’ Joseph Muscat u seren bit-tmexxija tal-pajjiż kif inhu sejjer u għalhekk irid il-kontinwità f’pajjiżna. Il-poplu llum il-ġurnata huwa seren bl-ekonomija, bil-miżuri soċjali, bil-politika tagħna fl-edukazzjoni, u bil-politika tagħna f’kull settur. Għaldaqstant jien inħares ’il quddiem biex nibqgħu naħdmu u nagħmlu d-differenza lill-poplu Malti u Għawdxi. Ma nistgħux nieqfu nfakkru wkoll dan id-digriet tal-lum. Għax id-digriet huwa dettaljat ħafna. Digriet ta’ 27 paġna fejn għamilha ċara li l-allegazzjonijiet ta’ Simon Busuttil kienu biss spekulazzjoni.”

    Intant l-Imħallef Giovanni Grixti ddeċieda li “huwa biss il-fehma tad-denunzjant li fir-rakkont ta’ diversi okkażjonijiet jara ħsieb ulterjuri wara kull okkażjoni, li kien fil-libertà li jagħmel, mingħajr iżda ma jgħid kif kull waħda minnhom jew kollha flimkien setgħu kienu s-suġġett materjali ta’ reat meritevoli ta’ inizju ta’ Inkjesta Maġisterjali, u għalhekk kwalifikabbli bħala spekulazzjoni fl-assenza ta’ indizji oħra”.

    Il-Qorti osservat li Simon Busuttil “għamel biss allegazzjonijiet” u semma biss persuni mingħajr ma indika bid-dettall il-fatti tar-reati li allega u mingħajr ma identifika r-rabta mal-persuni minnu msemmija. Osservaturi stqarrew li l-aġir ta’ Simon Busuttil fil-Qorti jikkontrasta sew mal-aġir tiegħu fil-pubbliku. Filwaqt li pubblikament Simon Busuttil ma qagħadx lura milli jallega ħasil ta’ flus, fil-Qorti huwa qagħad lura milli jkun ċar fl-allegazzjonijiet tiegħu. Dan jindika b’mod ovvju li huwa ma għandux provi ta’ illegalità f’idejh, u lanqas għandu l-konvinċiment morali li kien hemm effettivament xi aġir illegali.

    Il-Qorti Kriminali kkummentat li lanqas b’tiġbid tal-immaġinazzjoni ma wieħed jista’ jasal għar-reat ta’ ħasil ta’ flus. Il-Qorti Kriminali qalet ukoll li xhieda u dokumenti, bħal dawk tal-Panama Papers, li nkisbu b’mod illegali permezz ta’ hack fuq is-servers ta’ Mossack Fonseca ma jistgħux jitqiesu bħala xi forma ta’ prova u ma jistgħux jinġiebu bħala prova fi proċeduri kriminali.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0